It-Tieni Kronaki
5 Għalhekk Salamun lesta x-xogħol kollu li kellu jagħmel għad-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad Salamun daħħal l-affarijiet li qaddes missieru David, u poġġa l-fidda, id-deheb, u l-oġġetti kollha fil-post fejn iżommu t-teżori fid-dar tal-Alla l-veru. 2 Dak iż-żmien Salamun laqqaʼ lill-anzjani* t’Iżrael, jiġifieri l-kapijiet kollha tat-tribujiet u l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier t’Iżrael. Huma marru Ġerusalemm biex itellgħu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova mill-Belt taʼ David, jiġifieri Sijon. 3 L-irġiel kollha t’Iżrael iltaqgħu quddiem ir-re fil-festa,* li ssir fis-sebaʼ xahar.
4 Għalhekk, marru l-anzjani kollha t’Iżrael, u l-Leviti ġarrew l-Arka. 5 Il-qassisin u l-Leviti* tellgħu l-Arka, it-tinda tal-laqgħa, u l-għodod qaddisin kollha li kien hemm fit-tinda. 6 Ir-Re Salamun u l-ġemgħa kollha t’Iżrael li ġiet miġbura biex tiltaqaʼ miegħu, kienu quddiem l-Arka. Tant bdew joffru sagrifiċċji taʼ nagħaġ u baqar li ma setgħux jgħodduhom. 7 Imbagħad il-qassisin ħadu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova f’postha, fil-kamra taʼ ġewwa nett tad-dar, jiġifieri l-Iktar Qaddis, u poġġewha taħt il-ġwienaħ tal-kerubini. 8 Il-ġwienaħ tal-kerubini kienu miftuħin fuq il-post fejn kienet l-Arka, u b’hekk il-kerubini għattew l-Arka u l-lasti tagħha minn fuq. 9 Il-lasti tant kienu twal li t-truf tagħhom setgħu jidhru mill-Qaddis quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett, imma ma kinux jidhru minn barra. Dawn għadhom hemmhekk sal-lum. 10 Ma kien hemm xejn fl-Arka ħlief iż-żewġ twavel li Mosè qiegħed fiha f’Ħoreb, meta Ġeħova għamel patt mal-poplu t’Iżrael waqt li kienu ħerġin mill-Eġittu.
11 Meta l-qassisin ħarġu mill-post qaddis (għax il-qassisin kollha li kienu hemm tqaddsu, kien x’kien il-grupp tagħhom), 12 il-kantanti Leviti kollha t’Asaf, taʼ Ħeman, taʼ Ġedutun, tat-tfal tagħhom, u taʼ ħuthom kienu lebsin drapp fin u kellhom iċ-ċimbali, l-istrumenti tal-korda, u l-arpi. Huma kienu weqfin in-naħa tal-Lvant tal-artal u magħhom kien hemm 120 qassis idoqqu t-trumbetti. 13 Id-dar taʼ Ġeħova mtliet bi sħaba malli dawk li jdoqqu t-trumbetti u l-kantanti kienu qed ifaħħru u jirringrazzjaw lil Ġeħova f’daqqa u malli nstemaʼ l-ħoss tat-trumbetti, iċ-ċimbali, u l-istrumenti l-oħrajn. Huma bdew ifaħħru lil Ġeħova billi jgħidu, “għax hu tajjeb; għax l-imħabba u l-lealtà* tiegħu huma għal dejjem.” 14 Il-qassisin ma setgħux ikomplu jaqdu minħabba s-sħaba, għax il-glorja taʼ Ġeħova mliet id-dar tal-Alla l-veru.