Ġob
32 Għalhekk, dawn it-tlett irġiel ma baqgħux jipprovaw iwieġbu lil Ġob, għax hu kien konvint li m’għamel xejn ħażin.* 2 Imma Eliħu t-tifel taʼ Barakel il-Bużi mill-familja taʼ Ram irrabja ħafna. Hu kien irrabjat ħafna maʼ Ġob għax ipprova juri kemm kien ġust hu u mhux Alla. 3 Hu kien irrabjat ħafna wkoll mat-tlett iħbieb taʼ Ġob talli ma wiġbuhx kif suppost imma qalu li Alla kien ħażin. 4 Eliħu stenna biex iwieġeb lil Ġob għax l-oħrajn kienu akbar minnu. 5 Meta Eliħu ra li t-tlett irġiel ma kellhom xejn iktar x’jgħidu, hu tgħidx kemm irrabja. 6 Għalhekk Eliħu bin Barakel il-Bużi beda jgħid:
“Jien għadni żgħir
U intom imdaħħlin fiż-żmien.
Għalhekk, b’rispett żammejt lura milli nitkellem
U m’ażżardajtx ngħidilkom dak li naf.
7 Jien ħsibt, ‘Ħalli dawk li għandhom iż-żmien jitkellmu,
U dawk li għandhom ħafna snin juru x’jafu.’
8 Imma hu l-ispirtu t’Alla,
In-nifs taʼ Dak li Jistaʼ Kollox li jgħin in-nies jifhmu.
9 Iż-żmien biss ma jagħmilx wieħed għaref,
U mhux l-irġiel kbar fl-età biss jifhmu x’inhu tajjeb.
U anki jien se ngħid dak li naf.
11 Jien stennejtkom tispiċċaw titkellmu;
Bqajt nismaʼ r-raġunar tagħkom
Hekk kif qgħadtu taħsbu x’se tgħidu.
12 Qgħadt attent ħafna għal dak li kontu qed tgħidu,
Imma ħadd minnkom ma ta prova li Ġob kien żbaljat*
Jew wieġeb l-argumenti tiegħu.
13 Għalhekk tgħidux, ‘Aħna għorrief;
Hu Alla li qed jikkoreġih, u mhux il-bniedem.’
14 Dak li qal ma kienx kontrija,
Għalhekk m’iniex se nwieġbu bl-argumenti tagħkom.
15 Huma mbellhin, m’għandhomx iktar tweġibiet;
Huma m’għandhomx iktar x’jgħidu.
16 Jien stennejt, imma ma komplewx jitkellmu;
Qegħdin hemm jiċċassaw u ma jgħidu xejn.
17 Għalhekk, anki jien se nwieġeb;
Anki jien se ngħid dak li naf,
18 Għax għandi ħafna affarijiet x’ngħid;
L-ispirtu taʼ ġo fija qed iħeġġiġni biex nitkellem.
19 Minn ġewwa qisni nbid li m’għandux arja,
Bħal fliexken tal-ġilda ġodda li tant fihom inbid li se jinfaqgħu.
20 Ħa nitkellem, ħalli nistrieħ!
Jien se nitkellem u nagħti tweġiba.