Eżodu
15 Imbagħad Mosè u l-Iżraelin kantaw din l-għanja lil Ġeħova:
“Ħa nkanta lil Ġeħova, għax kbira hi l-glorja tiegħu.
Iż-żiemel u r-rikkieb tiegħu tefagħhom il-baħar.
2 Is-saħħa u l-qawwa tiegħi hu Jah,* ladarba hu jsalvani.
Dan hu l-Alla tiegħi, u jien se nfaħħru; l-Alla taʼ missieri, u jien se nonorah.
3 Ġeħova hu gwerrier qawwi. Ġeħova hu ismu.
4 Il-karrijiet tal-Fargħun u l-armata tiegħu tefagħhom il-baħar,
U l-aqwa gwerriera tiegħu għerqu fil-Baħar l-Aħmar.
5 L-ilmijiet għoljin għattewhom; għerqu fil-fond bħal ġebla.
6 Ġeħova, idek il-leminija għandha qawwa kbira;
Ġeħova, idek il-leminija tistaʼ tfarrak lill-għadu.
7 Bil-qawwa superjuri tiegħek, int tistaʼ twaqqaʼ lil dawk li jqumu kontrik;
Ir-rabja tiegħek qisha nar, u din taħraqhom bħat-tiben.
8 B’nifs minn imnifsejk inġabru l-ilmijiet;
Baqgħu weqfin, iżommu l-bqija tal-ilmijiet;
L-ilmijiet għoljin għaqdu f’nofs il-baħar.
9 Qal l-għadu: ‘Niġri għal warajhom! Nilħaqhom!
Inqassam dak li niħdilhom; se nieħu dak kollu li rrid!
Noħroġ ix-xabla! Idi teqridhom!’
10 Infaħt b’nifsek, u l-baħar għattiehom;
Għerqu bħaċ-ċomb fil-qawwa tal-ilmijiet.
11 Min fost l-allat hu bħalek, Ġeħova?
Min hu bħalek, suprem fil-qdusija?
Int il-Wieħed li għandhom jirrispettaw ħafna* u li jistħoqqlu jiġi mfaħħar b’għanjiet; int li qed tagħmel affarijiet tal-għaġeb.
12 Int ħriġt idek il-leminija, u l-art belgħethom.
13 Bl-imħabba u l-lealtà* tiegħek mexxejt lill-poplu li ħlist;
Bis-saħħa tiegħek se tiggwidahom lejn il-post qaddis tiegħek.
14 Il-popli jkollhom jisimgħu; se jitriegħdu bil-biżaʼ;
Uġigħ kbir* se jaqbadhom in-nies tal-Filistja.
In-nies kollha taʼ Kangħan se jaqtgħu qalbhom.
16 Biżaʼ u tkexkix jaqgħu fuqhom.
Minħabba l-qawwa kbira tiegħek ma jiċċaqalqux, bħal ġebla,
Sakemm jgħaddi l-poplu tiegħek minn quddiem it-territorju tagħhom, Ġeħova,
Sakemm jgħaddi l-poplu li int ksibt għalik.
17 Iġġibhom u tqegħedhom* fuq il-muntanja taʼ wirtek,
Il-post stabbilit li int lestejt għalik biex toqgħod fih, Ġeħova,
Santwarju li bnejt b’idejk, Ġeħova.
18 Ġeħova se jmexxi għal dejjem taʼ dejjem.
19 Meta ż-żwiemel tal-Fargħun bil-karrijiet tal-gwerra tiegħu u bis-suldati tal-kavallerija tiegħu daħlu fil-baħar,
Ġeħova tefaʼ lura l-ilmijiet tal-baħar għal fuqhom,
Imma l-poplu t’Iżrael mexa fuq art niexfa f’nofs il-baħar.”
20 Imbagħad il-profetessa Mirjam oħt Aron qabdet tanburlin, u n-nisa kollha marru warajha jdoqqu t-tanburlin u jiżfnu. 21 Mirjam bil-kant wieġbet lil dawk li kienu qed ikantaw:
“Kantaw lil Ġeħova, għax kbira hi l-glorja tiegħu.
Iż-żiemel u r-rikkieb tefagħhom il-baħar.”
22 Iktar tard, Mosè mexxa lill-Iżraelin ’il bogħod mill-Baħar l-Aħmar, u huma ħarġu fid-deżert taʼ Sur u mxew għal tlett ijiem fid-deżert, imma ma sabux ilma. 23 Waslu Marah, imma ma setgħux jixorbu l-ilma minn hemmhekk għax kien morr. Għalhekk, il-post issemma Marah.* 24 Minħabba f’hekk, in-nies bdew igergru kontra Mosè u jgħidulu: “X’se nixorbu?” 25 Hu talab lil Ġeħova għall-għajnuna u Ġeħova dderiġieh lejn siġra. Meta tefagħha fl-ilma, l-ilma sar ħelu.
Hemmhekk Alla tahom liġi u każ fuqiex jibbażaw il-ġudizzju sabiex jara jekk jobdux. 26 Hu qal: “Jekk tassew tisimgħu minn leħni, Ġeħova l-Alla tagħkom, u tagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejja u tagħtu kas il-kmandamenti tiegħi u tobdu r-regoli kollha tiegħi, ma nġib fuqkom ebda waħda mill-mard li ġibt fuq l-Eġizzjani, għaliex jien, Ġeħova, qed infejjaqkom.”
27 Imbagħad waslu Elim, fejn kien hemm 12-il għajn tal-ilma u 70 siġra tal-palm. Għalhekk, ikkampjaw hemmhekk ħdejn l-ilma.