Eżodu
18 Issa Ġetro, il-qassis taʼ Midjan, il-kunjatu taʼ Mosè, semaʼ b’kulma Alla kien għamel għal Mosè u għall-poplu tiegħu Iżrael, kif Ġeħova kien ħareġ lil Iżrael mill-Eġittu. 2 Ġetro, il-kunjatu taʼ Mosè, kien ħa lura lil Sefora, mart Mosè, wara li kienet intbagħtet lura għandu, 3 flimkien maż-żewġt itfal tagħha. Wieħed minnhom kien jismu Gersom,* għaliex Mosè qal, “Sirt resident barrani f’art barranija,” 4 u l-ieħor kien jismu Eligħeżer,* għaliex Mosè qal, “L-Alla taʼ missieri hu dak li jgħinni għax ħelisni mix-xabla tal-Fargħun.”
5 Għalhekk, Ġetro, flimkien mat-tfal u l-mara taʼ Mosè, mar għand Mosè fid-deżert fejn kien ikkampjat ħdejn il-muntanja tal-Alla l-veru. 6 Imbagħad bagħat jgħid lil Mosè: “Jien, Ġetro, il-kunjatu tiegħek, ġej għandek maʼ martek u ż-żewġt itfal tiegħek.” 7 Mosè mill-ewwel ħareġ jiltaqaʼ mal-kunjatu tiegħu, u miel u biesu. Huma staqsew lil xulxin kif kienu, u mbagħad daħlu fit-tinda.
8 Mosè rrakkonta lill-kunjatu tiegħu kulma Ġeħova kien għamel lill-Fargħun u lill-Eġittu biex jgħin lil Iżrael, it-tbatija kollha li ffaċċjaw fil-vjaġġ tagħhom, u kif Ġeħova kien ħelishom. 9 Ġetro feraħ minħabba l-ġid kollu li Ġeħova kien għamel għal Iżrael billi ħelishom mill-Eġittu.* 10 Imbagħad Ġetro qal: “Ikun imfaħħar Ġeħova, li ħeliskom mill-Eġittu u mill-Fargħun, u li ħeles lill-poplu minn taħt il-kontroll tal-Eġittu. 11 Issa naf li Ġeħova hu akbar mill-allat l-oħrajn kollha, għax hu pproteġa lill-poplu tiegħu mill-għedewwa arroganti tiegħu.” 12 Imbagħad Ġetro, il-kunjatu taʼ Mosè, ġab offerta tal-ħruq u sagrifiċċji għal Alla. U Aron u l-anzjani* kollha t’Iżrael marru jieklu mal-kunjatu taʼ Mosè quddiem l-Alla l-veru.
13 L-għada, Mosè qagħad bilqiegħda bħas-soltu biex jaqdi bħala mħallef għan-nies, u n-nies baqgħu ġejjin quddiem Mosè minn filgħodu sa filgħaxija. 14 Meta l-kunjatu taʼ Mosè ra kulma kien qed jagħmel għan-nies, qallu: “X’inhu dan li qed tagħmel għan-nies? Għala qed tagħmel dan waħdek waqt li n-nies kollha jibqgħu ġejjin quddiemek minn filgħodu sa filgħaxija?” 15 Mosè qal lill-kunjatu tiegħu: “Għax in-nies jibqgħu jiġu għandi biex jaraw x’inhi l-gwida t’Alla. 16 Meta jinqalaʼ xi każ, iġibuh għandi u jien irrid niġġudika bejn persuna u oħra, u ngħidilhom x’inhuma d-deċiżjonijiet tal-Alla l-veru u l-liġijiet tiegħu.”
17 Il-kunjatu taʼ Mosè qallu: “Dak li qed tagħmel mhux tajjeb. 18 Żgur li se tegħja, kemm int u kemm dan il-poplu li qiegħed miegħek, għax dan hu taʼ piż kbir għalik u ma tistax iġġorru waħdek. 19 Issa ismaʼ minni. Jien se nagħtik parir, u Alla se jkun miegħek. Int taqdi bħala r-rappreżentant għan-nies quddiem l-Alla l-veru, u int trid iġġib il-każijiet għand l-Alla l-veru. 20 Għandek tgħallimhom ir-regoli u l-liġijiet u tgħidilhom kif għandhom jgħixu u x’għandhom jagħmlu. 21 Imma int għandek tagħżel minn fost in-nies irġiel kapaċi li jirrispettaw ħafna lil* Alla, irġiel taʼ min jafdahom li jobogħdu l-qligħ diżonest, u tagħmilhom kapijiet fuq l-eluf, kapijiet fuq il-mijiet, kapijiet fuq il-ħamsinijiet, u kapijiet fuq l-għaxriet. 22 Dawn iridu jiġġudikaw lin-nies meta jinqalaʼ xi każ,* u huma jġibu għandek kull każ diffiċli, imma kull każ żgħir jiġġudikawh huma. Agħmilha eħfef għalik billi taqsam il-piż tiegħek magħhom. 23 Jekk tagħmel dan, u jekk hu skont dak li jrid Alla, jirnexxilek tissaporti l-piż, u kulħadd imur lura lejn daru sodisfatt.”
24 Mosè mill-ewwel semaʼ mill-kunjatu tiegħu u għamel kulma kien qallu. 25 Mosè għażel irġiel kapaċi minn Iżrael kollu u għamilhom kapijiet fuq in-nies, bħala kapijiet tal-eluf, kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal-ħamsinijiet, u kapijiet tal-għaxriet. 26 Allura kienu jiġġudikaw lin-nies meta jinqalaʼ xi każ. Każ diffiċli kienu jiħduh għand Mosè, imma kull każ żgħir kienu jiġġudikawh huma. 27 Imbagħad Mosè sellem lill-kunjatu tiegħu, u dan telaq lejn artu.