Eżodu
25 Ġeħova mbagħad qal lil Mosè: 2 “Għid lin-nies t’Iżrael biex jiġbruli kontribuzzjoni. Għandkom tiġbruha mingħand kull min jixtieq jagħti. 3 Din hi l-kontribuzzjoni li għandkom taċċettaw mingħandhom: deheb, fidda, ram, 4 ħajt blu, suf vjola,* ħajt aħmar jgħajjat,* għażel fin, xagħar tal-mogħoż, 5 ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, ġlud tal-bumerin, injam tal-akaċja, 6 żejt għal-lampi, balzmu għaż-żejt tad-dlik u għall-inċens ifuħ, 7 u ħaġar tal-oniċi u ħaġar ieħor biex jitqiegħdu fuq l-efod* u l-pettoral.* 8 Għandhom jagħmluli santwarju, u jien ngħix f’nofshom. 9 It-tabernaklu u l-għamara u l-għodda kollha tiegħu jridu jsiru eżatt bħall-mudell* li qed nurik.
10 “Għandhom jagħmlu arka* mill-injam tal-akaċja, twila żewġ kubiti* u nofs, wiesgħa kubitu u nofs, u għolja kubitu u nofs. 11 Imbagħad iksiha b’deheb pur. Trid tiksiha minn ġewwa u minn barra, u tagħmlilha bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 12 U tagħmlilha erbaʼ ħolqiet mid-deheb u tpoġġihom ’il fuq mill-erbaʼ saqajn tagħha, ħolqa f’kull kantuniera. 13 U tagħmel lasti mill-injam tal-akaċja u tiksihom bid-deheb. 14 U tgħaddi l-lasti minn ġol-ħoloq fuq il-ġnub tal-Arka sabiex tinġarr bihom. 15 Il-lasti għandhom jibqgħu fil-ħoloq tal-Arka. M’għandhomx jitneħħew minnha. 16 U fl-Arka trid tqiegħed it-Testimonjanza* li se nagħtik.
17 “U tagħmel għatu tad-deheb pur, twil żewġ kubiti u nofs u wiesaʼ kubitu u nofs. 18 Għandek tagħmel żewġ kerubini tad-deheb. Iridu jkunu maħdumin bil-martell fuq iż-żewġt itruf tal-għatu. 19 Agħmel il-kerubini fuq iż-żewġt itruf, wieħed fuq kull tarf tal-għatu. 20 Il-kerubini jridu jkunu biż-żewġ ġwienaħ tagħhom miftuħin ’il fuq, jgħattu l-għatu bi ġwinħajhom, u jkunu faċċata taʼ xulxin. L-uċuħ tal-kerubini jkunu jħarsu lejn l-għatu. 21 Int tqiegħed l-għatu fuq l-Arka, u fl-Arka tqiegħed it-Testimonjanza li se nagħtik. 22 U nidhirlek hemmhekk u nkellmek minn fuq l-għatu. Minn bejn iż-żewġ kerubini li qegħdin fuq l-arka tat-Testimonjanza nagħtik il-kmandamenti kollha li għandek tgħaddi lill-Iżraelin.
23 “Tagħmel ukoll mejda mill-injam tal-akaċja, twila żewġ kubiti, wiesgħa kubitu, u għolja kubitu u nofs. 24 Trid tiksiha b’deheb pur u tagħmlilha bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 25 U tagħmlilha xifer mad-dawra kollha daqs il-wisaʼ taʼ id* u bordura tad-deheb mad-dawra kollha tax-xifer. 26 Tagħmel għaliha erbaʼ ħolqiet tad-deheb u tpoġġihom fl-erbaʼ kantunieri fejn hemm l-erbaʼ saqajn imwaħħlin. 27 Il-ħoloq għandhom ikunu qrib ix-xifer biex jidħlu l-lasti fihom ħalli tinġarr il-mejda. 28 Il-lasti tagħmilhom mill-injam tal-akaċja, tiksihom bid-deheb, u ġġorr il-mejda bihom.
29 “Tagħmel ukoll il-platti, it-tazzi, il-buqari, u l-iskutelli tagħha li bihom iferrgħu l-offerti tax-xorb. Għandek tagħmilhom tad-deheb pur. 30 U tpoġġi l-ħobż tal-preżenza fuq il-mejda quddiemi l-ħin kollu.
31 “Tagħmel gandlier tad-deheb pur. Il-gandlier għandu jinħadem bil-martell. Il-bażi, iz-zokk, il-friegħi, il-fjuri, il-boċċi, u l-petali tiegħu għandhom ikunu magħmulin minn biċċa waħda. 32 U sitt fergħat joħorġu mill-ġnub tal-gandlier, tliet fergħat minn ġenb wieħed u tliet fergħat mill-ġenb l-ieħor. 33 Tliet fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż ikunu fuq il-friegħi taʼ ġenb wieħed, bil-boċċi u l-petali bejniethom, u tliet fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż ikunu fuq il-friegħi tal-ġenb l-ieħor, bil-boċċi u l-petali bejniethom. Hekk għandhom joħorġu s-sitt fergħat miz-zokk tal-gandlier. 34 U fuq iz-zokk tal-gandlier ikun hemm erbaʼ fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż, bil-boċċi u l-petali tiegħu bejniethom. 35 Ikun hemm boċċa taħt l-ewwel żewġ fergħat li joħorġu miz-zokk, boċċa taħt iż-żewġ fergħat li jmiss, u boċċa taħt iż-żewġ fergħat taʼ wara, għas-sitt fergħat li joħorġu miz-zokk. 36 Il-boċċi, il-friegħi, u l-gandlier kollu għandhom ikunu minn biċċa deheb pur waħda u maħduma bil-martell. 37 Tagħmillu sebaʼ lampi, u meta l-lampi jkunu mixgħulin, dawn idawlu l-parti taʼ quddiemu. 38 L-imqassijiet u r-reċipjenti għall-ftejjel maħruqin tiegħu jridu jkunu tad-deheb pur. 39 Il-gandlier u dawn l-għodod għandhom isiru minn talent* deheb pur. 40 U qis li tagħmilhom skont il-mudell* li qed nurik fuq il-muntanja.