Eżodu
8 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Idħol għand il-Fargħun u għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni. 2 Jekk tibqaʼ tirrifjuta li tibgħathom, nikkastiga lit-territorju kollu tiegħek biż-żrinġijiet. 3 U x-Xmara Nil tkun miżgħuda biż-żrinġijiet, u jitilgħu u jidħlu f’darek, fil-kamra tas-sodda tiegħek, fuq is-sodda tiegħek, fid-djar tal-qaddejja tiegħek, fuq il-poplu tiegħek, fil-fran tiegħek, u fl-iskutelli* li fihom tagħġen il-ħobż. 4 Iż-żrinġijiet jitilgħu fuqek, fuq il-poplu tiegħek, u fuq il-qaddejja kollha tiegħek.”’”
5 Iktar tard, Ġeħova qal lil Mosè: “Għid lil Aron, ‘Aqbad il-bastun tiegħek u oħroġ idek lejn ix-xmajjar, il-kanali tan-Nil, u l-għadajjar, u ġiegħel iż-żrinġijiet jitilgħu fuq l-art tal-Eġittu.’” 6 Għalhekk, Aron ħareġ idu lejn l-ilmijiet tal-Eġittu, u ż-żrinġijiet bdew jitilgħu u jiksu l-art tal-Eġittu. 7 Madankollu, il-qassisin tal-Eġittu għamlu l-istess bil-maġija misterjuża tagħhom u anki huma ġiegħlu ż-żrinġijiet jitilgħu fuq l-art tal-Eġittu. 8 Il-Fargħun imbagħad għajjat lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Itolbu bil-ħniena lil Ġeħova sabiex ineħħi ż-żrinġijiet minn fuqi u minn fuq il-poplu tiegħi, għax jien issa lest li nibgħat in-nies sabiex joffru sagrifiċċji lil Ġeħova.” 9 Imbagħad Mosè qal lill-Fargħun: “Inħalli f’idejk biex tgħidli meta tridni nitlob bil-ħniena sabiex iż-żrinġijiet jinqerdu minn fuqek, fuq il-qaddejja tiegħek, fuq il-poplu tiegħek, u minn djarek. Jitħallew biss fix-Xmara Nil.” 10 Wieġbu: “Għada.” Għalhekk qallu: “Isir bħalma għedt, sabiex tkun taf li m’hemm ħadd ieħor bħal Ġeħova l-Alla tagħna. 11 Iż-żrinġijiet se jitilqu minn fuqek, minn djarek, minn fuq il-qaddejja tiegħek, u l-poplu tiegħek. Jitħallew biss fix-Xmara Nil.”
12 Għalhekk, Mosè u Aron ħarġu minn quddiem il-Fargħun, u Mosè talab lil Ġeħova bil-ħniena dwar iż-żrinġijiet li Hu kien ġab fuq il-Fargħun. 13 U Ġeħova għamel skont dak li talab Mosè, u ż-żrinġijiet bdew imutu fid-djar, fil-btieħi, u fl-għelieqi. 14 Bdew jiġbruhom gozz gozz, u l-art bdiet tinten. 15 Meta l-Fargħun ra li s-sitwazzjoni ttranġat, hu webbes rasu* u ma riedx jismaʼ minnhom, eżatt bħalma kien qal Ġeħova.
16 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Għid lil Aron, ‘Oħroġ idek bil-bastun tiegħek u agħti daqqa fuq it-trab tal-art, u dan isir nemus fl-art kollha tal-Eġittu.’” 17 U hekk għamlu. Aron ħareġ idu bil-bastun tiegħu u ta daqqa fuq it-trab tal-art, u n-nemus ġie fuq il-bnedmin u l-annimali. It-trab kollu tal-art sar nemus fl-art kollha tal-Eġittu. 18 Il-qassisin tal-Eġittu pprovaw jagħmlu l-istess u jġibu n-nemus bil-maġija misterjuża tagħhom, imma ma setgħux. U n-nemus kompla jiġi fuq il-bnedmin u l-annimali. 19 Għalhekk, il-qassisin li kienu jagħmlu l-maġija qalu lill-Fargħun: “Dan sar bil-qawwa t’Alla!”* Imma l-Fargħun baqaʼ jwebbes rasu, u ma semax minnhom, eżatt bħalma kien qal Ġeħova.
20 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Qum kmieni filgħodu u mur quddiem il-Fargħun. Meta joħroġ ħdejn ix-xmara għidlu, ‘Hekk qal Ġeħova: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni. 21 Imma jekk ma tibgħathomx, nibgħat id-dubbien* fuqek, fuq il-qaddejja tiegħek, fuq il-poplu tiegħek, u fi djarek. U d-djar tal-Eġittu jimtlew bid-dubbien, kif ukoll l-art li qegħdin* fuqha. 22 Dakinhar, l-art taʼ Gosen, li fiha hemm il-poplu tiegħi, nittrattaha b’mod differenti. Ma jkunx hemm dubbien hemmhekk, sabiex b’hekk int tkun taf li jien, Ġeħova, qiegħed fl-art tal-Eġittu. 23 U lill-poplu tiegħi nittrattah b’mod differenti mill-poplu tiegħek. Għada jseħħ dan is-sinjal.”’”
24 U Ġeħova hekk għamel, u qtajjaʼ kbar taʼ dubbien bdew jinvadu d-dar tal-Fargħun, id-djar tal-qaddejja tiegħu, u l-art kollha tal-Eġittu. Id-dubbien ġiegħel lin-nies tal-Eġittu jbatu ħafna. 25 Fl-aħħar, il-Fargħun għajjat lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Morru, offru sagrifiċċji lill-Alla tagħkom f’dan il-pajjiż.” 26 Imma Mosè qallu: “Mhux sew nagħmlu hekk, għax l-Eġizzjani jkunu offiżi meta jaraw dak li se nissagrifikaw lil Ġeħova l-Alla tagħna. Jekk nagħmlu sagrifiċċji bħal dawn quddiemhom, iwaddbulna l-ġebel biex joqtluna. 27 Aħna se nagħmlu vjaġġ taʼ tlett ijiem fid-deżert u hemm noffru sagrifiċċji lil Ġeħova l-Alla tagħna bħalma qalilna.”
28 Il-Fargħun issa qal: “Jien se nibgħatkom biex toffru sagrifiċċji lil Ġeħova l-Alla tagħkom fid-deżert. Iżda titbegħdux wisq. Itolbu bil-ħniena għalija.” 29 Imbagħad Mosè qallu: “Jien issa se nitlaq minn ħdejk, u se nitlob bil-ħniena lil Ġeħova, u għada d-dubbien jitlaq minn fuqek, fuq il-qaddejja tiegħek, u fuq il-poplu tiegħek. Imma int m’għandekx tibqaʼ tqarraq bina billi ma tibgħatx lin-nies tiegħi biex joffru sagrifiċċji lil Ġeħova.” 30 Imbagħad Mosè ħareġ mingħand il-Fargħun u talab bil-ħniena lil Ġeħova. 31 Għalhekk, Ġeħova għamel dak li talbu Mosè, u d-dubbien telaq minn fuq il-Fargħun, il-qaddejja tiegħu, u l-poplu tiegħu. Lanqas waħda ma kien baqaʼ. 32 Madankollu, il-Fargħun reġaʼ webbes rasu u lin-nies ma bagħathomx.