L-Għanja taʼ Salamun
6 “Fejn qiegħed l-għażiż tiegħek,
L-isbaħ waħda fost in-nisa?
Fejn mar?
Ejja ħa nfittxuh miegħek.”
2 “L-għażiż tiegħi niżel fil-ġnien tiegħu,
Fejn għandu l-pjanti tal-ħwawar miżrugħin,
Biex jirgħa l-merħla fil-ġonna,
U jaqtaʼ l-ġilji.
3 Jien tal-għażiż tiegħi,
U l-għażiż tiegħi hu tiegħi.
Hu qed jirgħa l-merħla qalb il-ġilji.”
4 “Maħbuba tiegħi, int sabiħa daqs Tirsa,*
Ħelwa daqs Ġerusalemm,
U impressjonanti daqs l-armati mdawrin mal-bnadar tagħhom.
5 Meta tħares lejja, tħawwadni.
Xagħrek hu bħal merħla mogħoż
Li nieżla mal-għoljiet taʼ Gilegħad.
6 Snienek huma bojod u sbieħ.
Huma bħal merħla nagħaġ li għadhom kemm ġew maħsulin.
Kollha kemm huma għandhom waħda taqbel magħhom
U m’hemmx waħda waħedha.
8 Hemm 60 reġina,
80 konkubina,
U ammont kbir taʼ tfajliet,
9 Imma waħda biss hi l-ħamiema bla difett tiegħi.
Hi l-iktar tifla speċjali għal ommha.
Il-preferuta* taʼ dik li wellditha.
It-tfajliet jarawha u jgħidulha kemm hi ffortunata;
Ir-reġini u l-konkubini jarawha u jfaħħruha.
10 ‘Min hi din li tiddi* bħal meta jisbaħ,
Li hi sabiħa daqs il-qamar kwinta,
Pura daqs id-dawl tax-xemx,
U impressjonanti daqs l-armati mdawrin mal-bnadar tagħhom?’”
11 “Jien inżilt fil-ġnien tas-siġar tal-ġewż
Biex nara x’kiber ġdid fil-wied,
Jekk id-dielja rmietx,
U jekk is-siġar tar-rummien ħarġux il-fjuri.
12 Bla ma naf kif,
Ix-xewqa tiegħi* li nara dawn l-affarijiet
Ħaditni ħdejn il-karrijiet tan-nies importanti* tiegħi.”
13 “Ejja lura, ejja lura, Sulamija!
Ejja lura, ejja lura,
Ħalli narawk!”
“Għala tridu taraw lili, tfajla Sulamija?”
“Int bħal żifna taʼ żewġ gruppi taʼ nies!”*