L-Għanja taʼ Salamun
8 “Mank kont bħal ħija,
Li xorob mill-ħalib t’ommi!
Kieku nkun nistaʼ nbusek meta narak barra
U ħadd ma jikkundannani.
Nagħtik tixrob inbid imħawwar
U meraq frisk tar-rummien.
3 Kieku idek ix-xellugija tkun taħt rasi,
U b’idek il-leminija tgħannaqni.
4 Tfajliet taʼ Ġerusalemm, jien qed inġegħelkom taħilfu
Biex ma tipprovawx tqanqlu fija mħabba li ma teżistix.”
5 “Min hi dik li ġejja mid-deżert,
Li qed isserraħ fuq l-għażiż tagħha?”
“Jien qajjimtek taħt is-siġra tat-tuffieħ.
Hemmhekk ommok kellha l-uġigħ tal-ħlas minħabba li kienet tqila bik.
Hemmhekk dik li wellditek kellha l-uġigħ tal-ħlas.
6 Agħmilni bħal siġill fuq qalbek,
Bħal siġill fuq idek,
Għax l-imħabba hi b’saħħitha daqs il-mewt
U l-lealtà determinata daqs il-Qabar.*
Din l-imħabba hi bħal fjammi taʼ nar jaqbad, il-fjamma taʼ Jah.*
7 Ebda ammont t’ilma ma jistaʼ jitfi l-imħabba,
Lanqas ix-xmajjar ma jistgħu jgħarrquha.
Jekk xi ħadd jagħti l-ġid kollu tad-dar tiegħu biex ikollu l-imħabba,
Dan* żgur li se jiġi mmaqdar.”
8 “Aħna għandna oħtna żgħira
Li m’għandhiex sider.
X’se nagħmlu għaliha
Dakinhar li jiġi xi ħadd biex jiżżewwiġha?”
10 “Jien sur
U sidri bħal torrijiet.
Għalhekk, f’għajnejn il-maħbub tiegħi,
Jien qiegħda fil-paċi.
11 Salamun kellu għalqa tad-dwieli f’Bagħal-ħamon.
Hu ħallieha f’idejn xi nies biex jieħdu ħsiebha.
Kull wieħed minnhom kien jagħti 1,000 biċċa tal-fidda għall-frott tagħha.
12 L-1,000 biċċa tal-fidda huma tiegħek Salamun,
U 200 huma taʼ dawk li qed jieħdu ħsieb il-frott,
Imma jien għandi l-għalqa tad-dwieli tiegħi
U nagħmel li rrid biha.”
13 “Sħabi qed jistennew biex jisimgħu leħnek,
Int li toqgħod bilqiegħda fil-ġonna.
Ħallini ħa nisimgħu jien ukoll.”