Isaija
27 Dakinhar Ġeħova se juża x-xabla kbira tiegħu li taqtaʼ u tal-biżaʼ
Biex jikkastiga lil-Levjatan,*
Is-serp li jiċċaqlaq b’ħeffa u jitgħawweġ.
Hu se joqtol lis-serp il-kbir li jgħix fil-baħar.
2 Dakinhar għandkom tkantawlha:*
“Għalqa tad-dwieli li tagħmel ħafna nbid!
3 Jien, Ġeħova, qed nipproteġiha.
Nagħtiha l-ilma l-ħin kollu.
Jien nipproteġiha lejl u nhar
Biex ħadd ma jagħmlilha l-ħsara.
4 Jien m’għadnix irrabjat magħha.
Jekk xi ħadd jitfagħli l-għollieq u l-ħaxix ħażin quddiemi,
Jien ngħaffiġhom u naħraqhom f’daqqa, u niggwerra kontrih.
5 Għalhekk, ħa jiġi għandi għall-protezzjoni.
Ħa jagħmel paċi miegħi;
Ħa jagħmel paċi miegħi.”
6 Fil-jiem li ġejjin, Ġakobb se jrabbi l-għeruq
U jsir b’saħħtu bħal siġra kbira.
Iżrael se jsir bħal siġra kbira mimlija fjuri.
Huma se jagħmlu l-frott mal-pajjiż kollu.
7 Għandu hu jiġi msawwat bl-istess ħruxija?
Jew għandu jiġi maqtul b’mod tant vjolenti?
8 B’għajta li tbeżżaʼ, int se tiġġieled magħha meta tibgħatha ’l hemm.
Hu se jkeċċiha bir-riħ qawwi tiegħu li hu bħar-riħ mil-Lvant.
9 Għalhekk, dan hu l-mod taʼ kif l-iżball taʼ Ġakobb se jitpatta,
U meta jinħafirlu d-dnub, dan se jkun ir-riżultat:
Hu se jġib il-ġebel kollu tal-artal
Bħal ġebel tal-ġir li ġie mitħun,
U mhux se jifdal arbli sagri* u artali tal-inċens.
10 Għax mhu se jifdal ħadd fil-belt iffortifikata;
Il-postijiet fejn jirgħaw l-annimali se jkunu mitluqa u abbandunati bħal deżert.
Hemmhekk il-barri żgħir* se jirgħa, jimtedd,
U jiekol il-friegħi tagħha.
Għax dan il-poplu mhux kapaċi jifhem.
Hu għalhekk li Dak li Għamilhom mhux se jurih ħniena,
U Dak li Ħalqu mhux se jitħassru.
12 Poplu t’Iżrael, bħalma xi ħadd ifarfar il-frott minn siġra u jiġbru waħda waħda, Ġeħova se jiġbor lilkom li intom imxerrdin billi jibda mix-Xmara* sal-wied tal-Eġittu. 13 Dakinhar se jindaqq qarn kbir, u dawk li waslu biex imutu fl-art tal-Assirja u dawk li huma mferrxin fl-art tal-Eġittu se jiġu u jmilu quddiem Ġeħova fuq il-muntanja qaddisa f’Ġerusalemm.