Isaija
37 Malli r-Re Ħeżekija semaʼ dan, hu ċarrat ħwejġu u libes ħwejjeġ tal-ixkora u daħal fid-dar taʼ Ġeħova. 2 Wara bagħat lil Eljakim, li kien jieħu ħsieb il-palazz, lil Sebna s-segretarju, u lill-kapijiet tal-qassisin għand il-profeta Isaija bin Għamoż lebsin ħwejjeġ tal-ixkora. 3 Huma qalulu: “Hekk jgħid Ħeżekija, ‘Dan hu jum taʼ dwejjaq, tgħajjir, u diżunur. Għax aħna bħal mara li waslet biex twelled imma m’għandhiex saħħa tagħmel dan. 4 Għandu mnejn Alla Ġeħova semaʼ dak kollu li qal ir-Rabsake, li ntbagħat minn sidu r-re tal-Assirja biex iwaqqaʼ għaċ-ċajt lill-Alla l-ħaj. Forsi Alla Ġeħova jitlob kont minnhom minħabba dak li semaʼ. Mela, itlob għalina li għad fadal hawn.’”
5 Għalhekk, il-qaddejja tar-Re Ħeżekija marru għand Isaija, 6 u hu qalilhom biex jgħidu lil sidhom: “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Tibżax mill-kliem li smajt, li bih il-qaddejja tar-re tal-Assirja dgħaw* kontrija. 7 Se nqiegħed ħsieb f’moħħu* ħalli meta jismaʼ rapport, imur lura lejn pajjiżu. U nagħmel ċert li jmut bix-xabla f’pajjiżu stess.’”
8 Wara li r-Rabsake semaʼ li r-re tal-Assirja kien telaq minn Lakis, hu mar lura għandu u sabu jiġġieled kontra Libna. 9 Ir-re semaʼ li r-Re Tirħaka tal-Etjopja ħareġ jiġġieled kontrih. Meta semaʼ dan, reġaʼ bagħat messaġġiera għand Ħeżekija u qalilhom: 10 “Hekk għidulu lir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda, ‘Tħallix lill-Alla tiegħek li qed tafda fih iqarraq bik billi jgħidlek: “Ġerusalemm mhix se tingħata f’idejn ir-re tal-Assirja.” 11 Int smajt kif ir-rejiet tal-Assirja qerdu lill-pajjiżi kollha. Taħseb li se teħlisha int biss? 12 Ħelsuhom l-allat tal-popli li missirijieti qerdu? Fejn huma Gożan, Ħaran, Reżef, u n-nies t’Għeden li kienu f’Tel-assar? 13 Fejn hu r-re taʼ Ħamat, ir-re t’Arfad, u r-re tal-bliet taʼ Sefarwajim, taʼ Ħena, u taʼ Iwwa?’”
14 Ħeżekija ħa l-ittri mingħand il-messaġġiera u qrahom. Imbagħad telaʼ lejn id-dar taʼ Ġeħova u firixhom quddiem Ġeħova. 15 U Ħeżekija beda jitlob lil Ġeħova u jgħid: 16 “Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron fuq* il-kerubini, int waħdek l-Alla l-veru tas-saltniet kollha tal-art. Int għamilt is-sema u l-art. 17 Jekk jogħġbok Ġeħova, ismaʼ! Iftaħ għajnejk u ara, Ġeħova! Ismaʼ l-kliem kollu li Sennakerib bagħat biex iwaqqaʼ għaċ-ċajt lill-Alla l-ħaj. 18 Huwa fatt, Ġeħova, li r-rejiet tal-Assirja ħarbtu l-artijiet kollha kif ukoll l-art tagħhom. 19 U tefgħu l-allat tal-artijiet kollha fin-nar, għax ma kinux allat imma għamluhom in-nies mill-injam u l-ġebel. Kien għalhekk li setgħu jeqirduhom. 20 Ġeħova Alla tagħna, salvana minn idejh sabiex is-saltniet kollha tal-art ikunu jafu li int biss Alla, Ġeħova.”
21 Isaija bin Għamoż bagħat jgħid lil Ħeżekija: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Peress li tlabt lili dwar ir-Re Sennakerib tal-Assirja, 22 Ġeħova qal hekk kontrih:
“Il-verġni bint Sijon maqdritek, hi waqqgħatek għaċ-ċajt.
Bint Ġerusalemm xenglet rasha minn warajk.
23 Lil min waqqajt għaċ-ċajt u dgħajt kontrih?
Kontra min għollejt leħnek
U għollejt għajnejk b’arroganza?
Kontra l-Qaddis t’Iżrael!
24 Bil-qaddejja tiegħek waqqajt għaċ-ċajt lil Ġeħova u għedt,
‘Bil-ħafna karrijiet tal-gwerra li għandi
Jien se nitlaʼ fl-għoli tal-muntanji,
L-iktar partijiet ’il bogħod tal-Libanu.
Jien naqtaʼ s-siġar taċ-ċedri kbar tiegħu, l-aħjar siġar tal-ġnibru tiegħu.
Jien nidħol fl-iktar postijiet fl-għoli u taʼ kenn, fil-foresti sbieħ tiegħu.
26 Ma smajtx? Sa minn żmien twil ilu hekk iddeċidejt li nagħmel.
Minn żmien ilu ppreparajt dan.
Issa se nġiegħlu jseħħ.
Int se tirrovina l-bliet iffortifikati u ġġibhom abbandunati.
27 In-nies li joqogħdu fihom ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn;
Se jibżgħu u jistħu.
Se jiddgħajfu u jsiru bħall-ħaxix tal-għelieqi u bħall-ħaxix aħdar,
Bħall-ħaxix taʼ fuq il-bjut li jinħaraq bir-riħ mil-Lvant.
28 Imma jien naf tajjeb meta int toqgħod bilqiegħda, meta toħroġ, meta tidħol,
U meta tkun irrabjat ħafna għalija,
29 Għax ir-rabja kbira li għandek għalija u l-għajjat tiegħek waslu f’widnejja.
Għalhekk se nqiegħed il-ganċ tiegħi fi mnieħrek u ħadida* bejn xofftejk,
U nieħdok lura minn fejn ġejt.”
30 “‘U dan ikun is-sinjal għalik:* Din is-sena int tiekol dak li jikber waħdu.* U fit-tieni sena tiekol iċ-ċereali* li jinbtu fl-istess post. Imma fit-tielet sena tiżraʼ ż-żerriegħa u taħsad, u tħawwel l-għelieqi bid-dwieli u tiekol frotthom. 31 Dawk li jibqgħu ħajjin mid-dar taʼ Ġuda se jrabbu l-għeruq bħall-pjanti u jkollhom il-frott. 32 Minn Ġerusalemm se joħorġu n-nies li jifdal, u dawk li jaħarbu se joħorġu mill-Muntanja Sijon. Ġeħova tal-armati se jagħmel dan bil-ħeġġa.
33 “‘Għalhekk, Ġeħova jgħid dan dwar ir-re tal-Assirja:
“Ma jidħolx f’din il-belt,
Jew jispara vleġġa fiha,
Jew jersaq lejha b’tarka,
Jew itellaʼ kontriha rampa għall-assedju.”’
34 ‘Mit-triq li ġie minnha se jerġaʼ lura;
Ma jidħolx f’din il-belt,ʼ jgħid Ġeħova.
35 ‘Jien niddefendi din il-belt u nsalvaha minħabba fija stess
U minħabba l-qaddej tiegħi David.’”
36 U l-anġlu taʼ Ġeħova ħareġ u qatel 185,000 raġel fil-kampijiet tal-Assirjani. Meta n-nies qamu kmieni filgħodu, sabuhom kollha mejtin. 37 Għalhekk, ir-Re Sennakerib tal-Assirja rtira mill-battalja u mar lura Ninwe. 38 U waqt li kien qed imil fit-tempju tal-alla tiegħu Nisrok, it-tfal tiegħu Adrammelek u Sareser qatluh bix-xabla u mbagħad ħarbu lejn l-art t’Ararat. U ibnu Esar-ħaddon sar re minfloku.