Isaija
8 Ġeħova qalli: “Ħu tavla kbira u b’pinna komuni ikteb fuqha, ‘Maħer-salal-ħas-baż.’* 2 Ikkonfermali bil-miktub mix-xhieda leali Urija l-qassis u Żakkarija t-tifel taʼ Ġeberekija.”
3 Imbagħad kelli x’naqsam mal-mara tiegħi, il-profetessa. Hi ħarġet tqila u maż-żmien welldet tifel. Ġeħova mbagħad qalli: “Semmih Maħer-salal-ħas-baż, 4 għax qabel ma t-tifel jibda jgħid, ‘Ma!’ u ‘Pa!’ il-ġid taʼ Damasku u l-affarijiet prezzjużi li hemm fis-Samarija se jittieħdu u jingħataw lir-re tal-Assirja.”
5 Ġeħova reġaʼ kellimni u qalli:
6 “Minħabba li dawn in-nies irrifjutaw l-ilma taʼ Silogħa* li kien ġej ħelu ħelu
U ferħu b’Resin u bit-tifel taʼ Remalija,
7 Jien, Ġeħova, se nibgħat lir-re tal-Assirja
Bil-glorja kollha tiegħu biex jiġġildilhom.
Hu se jiġi malajr bl-armata kbira tiegħu,
Bħal meta jiġu ħafna ilmijiet f’daqqa mix-Xmara,* tfur,
8 U tkaxkar lil Ġuda.
Hu se jgħerrqu u jgħaddi minnu, tant li l-ilma jilħaq sal-għonq.
Hu se jimla l-art tiegħek minn tarf sa tarf,
Emmanuwel!”*
9 Popli, intom se tipprovaw tweġġgħuhom, imma se tispiċċaw fix-xejn.
Isimgħu, intom li ġejjin minn partijiet tal-art li huma ’l bogħod!
Ippreparaw ruħkom għall-battalja, imma se tispiċċaw fix-xejn!
Ippreparaw ruħkom għall-battalja, imma se tispiċċaw fix-xejn!
10 Agħmlu pjan, imma mhux se jirnexxi!
Għidu li tridu, imma mhux se jiġri hekk,
Għax Alla hu magħna!*
11 Meta Ġeħova kellimni ġiet il-qawwa tiegħu fuqi, u hu wissieni biex ma nagħmilx bħal dan il-poplu. Hu qal:
12 “M’għandkomx tgħidu, ‘Din hi konfoffa!’ kull meta dan il-poplu jgħid, ‘Din hi konfoffa!’
Tibżgħux minn dak li jibżgħu minnu huma;
Titregħdux bil-biżaʼ.
13 Lil Ġeħova tal-armati għandkom tqisu qaddis,
Minnu għandkom tibżgħu,
U quddiemu għandkom titriegħdu bil-biżaʼ.”
14 Hu se jsir bħal santwarju,
Imma għaż-żewġ saltniet t’Iżrael se jsir ukoll
Bħal ġebla li jaħbtu magħha
U bħal blata li jitfixklu fiha.
Hu se jsir bħal nassa u nasba
Għan-nies taʼ Ġerusalemm.
15 Ħafna minnhom se jitfixklu, jaqgħu, u jitkissru;
Huma se jidħlu f’nassa u jinqabdu.
16 Agħlaq l-iskroll li fih hemm il-konferma bil-miktub;*
Issiġilla l-liġi* u agħtiha lid-dixxipli tiegħi!
17 Jien se nibqaʼ nistenna* lil Ġeħova, li qed jaħbi wiċċu mid-dar taʼ Ġakobb, u se nittama fih.
18 Ġeħova tal-armati, li joqgħod fuq il-Muntanja Sijon, qed juża lili u lit-tfal li Ġeħova tani bħala sinjali u mirakli f’Iżrael.
19 Imma jekk jgħidulkom: “Staqsu għall-gwida tal-medji tal-ispirti jew taʼ dawk li jbassru l-futur, li jitkellmu fil-widnejn u jgergru minn taħt l-ilsien,” se tagħmlu hekk? In-nies għandhom jistaqsu għall-għajnuna t’Alla. Il-ħajjin m’għandhomx jistaqsu lill-mejtin għall-għajnuna. 20 Huma għandhom jaraw x’tgħid il-liġi u x’hemm ikkonfermat bil-miktub.*
Meta ma jitkellmux skont dan il-kliem, ma jkollhomx dawl.* 21 U kull wieħed se jgħaddi mill-art waqt li jkun qed ibati u bil-ġuħ; u minħabba l-ġuħ u r-rabja kbira tiegħu, hu se jisħet lir-re tiegħu u lill-Alla tiegħu hekk kif iħares ’il fuq. 22 Imbagħad, hu se jħares lejn l-art u jara biss inkwiet u dlam, swidija u żminijiet diffiċli, u dalma u ebda dawl.