Ħosea
10 “Iżrael hu bħal dielja marida* li tagħti l-frott.
Iktar ma jagħmel frott, iktar jagħmel artali;
Iktar ma l-art tipproduċi, iktar jagħmel pilastri sagri sbieħ.
Hemm xi ħadd li se jkisser l-artali tagħhom u jeqred il-pilastri tagħhom.
3 Daqt se jgħidu, ‘M’għandniex re, għax ma rrispettajniex lil* Ġeħova.
U billi jkollna re, x’jistaʼ jagħmlilna?’
4 Huma jitkellmu fil-vojt, jaħilfu falz, u jagħmlu pattijiet;
Allura l-inġustizzja nfirxet bħal ħaxix velenuż f’għelieqi li jinħadmu.
5 Dawk li joqogħdu s-Samarija se jinkwetaw dwar l-idolu tal-barri żgħir* li qiegħed f’Bet-awen.
In-nies se jibkuh,
U anki l-qassisin taʼ dan l-alla barrani li qabel kienu jifirħu bih u bil-glorja tiegħu,
Għax se jittieħed ’l hemm.
6 Dan se jintbagħat għand l-Assirja bħala rigal għal re kbir.
Efrajm se jkollu jistħi,
U Iżrael se jiġi umiljat minħabba l-parir li ħa.
8 U l-postijiet għall-qima f’Bet-awen li ġiegħlu lil Iżrael jidneb se jinqerdu.
Ix-xewk u l-għollieq se jikbru fuq l-artali tagħhom.
In-nies se jgħidu lill-muntanji, ‘Għattuna!’
U lill-għoljiet jgħidulhom, ‘Aħbuna!’
9 Iżrael, ilek tidneb mindu ġara dak li ġara f’Gibegħa.
Hemm baqgħu jagħmlu l-ħażen.
Il-gwerra f’Gibegħa kontra n-nies inġusti ma qerdithomx għalkollox.
10 Se niddixxiplinahom meta rrid.
U meta jkollhom iġorru ż-żewġ żbalji tagħhom bħala kastig,*
In-nies se jinġabru kontrihom.
11 Efrajm kien bħal baqra żgħira* mgħallma biex tidres li kienet tieħu pjaċir tagħmel dan,
Allura ma tfajtilhiex il-madmad fuq l-għonq sabiħ tagħha.
Se nġiegħel lil xi ħadd jirkeb fuq Efrajm.
Ġuda se jaħrat; Ġakobb se jwittilu l-ħamrija.
12 Iżirgħu l-ġustizzja u aħsdu l-imħabba u l-lealtà.*
Aħdmu l-art li hi tajba għall-ħrit
Waqt li għad hemm iċ-ċans li tfittxu lil Ġeħova,
U hu se jiġi jgħallimkom x’inhu ġust u sewwa.
13 Imma intom ħrattu l-ħażen,
Ħsadtu l-inġustizzja,
U kiltu l-frott tal-qerq,
Għax fdajtu fikom infuskom.
Intom fdajtu fil-ħafna gwerriera tagħkom.
14 Se tqum rewwixta kontra l-poplu tiegħek,
U l-bliet iffortifikati tiegħek se jinqerdu kollha,
Bħalma Salman qered Bet-arbel.
Kien f’dak iż-żmien li l-ommijiet u t-tfal tagħhom inqatlu b’mod vjolenti.
15 Hekk se jiġri minnek Betel,
Minħabba l-ħażen estrem tiegħek.
Sa ma jisbaħ, ir-re t’Iżrael żgur se jkun spiċċa fix-xejn.”*