Ħosea
13 “Meta Efrajm tkellem, in-nies triegħdu;
Hu kien importanti f’Iżrael.
Imma hu dineb billi qiem lil Bagħal u miet.
2 Issa huma dinbu iktar
U għamlu statwi tal-metall* mill-fidda tagħhom;
Huma għamlu dan bis-sengħa, kollu xogħol taʼ nies professjonali.
Lilhom qalulhom, ‘Ħalli dawk li qed joffru s-sagrifiċċji jbusu l-barrin żgħar.’*
3 Għalhekk, huma se jsiru bħas-sħab taʼ filgħodu,
Bħan-nida li tiġi fix-xejn kmieni,
Bħal qoxra taʼ żerriegħa li tittajjar minn riefnu mill-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali,*
U bħad-duħħan li joħroġ minn toqba fis-saqaf.
4 Imma jien Ġeħova l-Alla tiegħek miż-żmien li kont l-Eġittu;
Ma kont taf b’ebda Alla ieħor ħliefi,
U m’hemmx salvatur ħliefi.
5 Jien ħadt ħsiebek fid-deżert, fl-art niexfa.
6 Huma kienu sodisfatti għax kellhom ħafna x’jieklu,
Huma kienu sodisfatti u qalbhom tkabbret.
U għalhekk insewni.
7 Jien se nattakkahom bħal iljun b’saħħtu.
Bħal leopard li jistaħba mal-ġenb tat-triq.
8 Se mmur għalihom bħal orsa li tilfet il-frieħ tagħha,
U niftħilhom il-kaxxa taʼ sidirhom.
Hemm se niblagħhom bħal iljun;
U bhima salvaġġa se tqattagħhom biċċiet.
9 Din se teqirdek, Iżrael,
Għax int irribellajt kontrija, kontra l-wieħed li għenek.
10 Allura, fejn hu r-re tiegħek ħalli jkun jistaʼ jsalvak fil-bliet kollha tiegħek,
U l-mexxejja* tiegħek, li dwarhom għedt,
‘Agħtini re u kapijiet’?*
11 Jien tajtek re meta kont irrabjat,
U se nneħħih minħabba li jien irrabjat ħafna.
12 L-iżball t’Efrajm mhux se jintesa;
Id-dnub tiegħu se jiġi merfugħ.
13 Hu se jħoss uġigħ bħal mara li qed twelled.
Imma hu tifel bla għaqal;
Meta jasal iż-żmien biex jitwieled, ma jkunx irid joħroġ.
Mewt, fejn hi t-tingiża li tweġġaʼ tiegħek?
Qabar, fejn hi l-qawwa tiegħek li teqred?
Madankollu, jien mhux se nuri ħniena.
15 Anki jekk jiżdied bħall-qasab,
Ġeħova se jibgħat riħ mil-Lvant li jiġi mid-deżert
U jnixxef il-bir tiegħu u jbattal l-għajn tal-ilma tiegħu.
Dan se jisraqlu l-affarijiet prezzjużi kollha tiegħu.
16 Is-Samarija se tinstab ħatja,
Għax hi rribellat kontra l-Alla tagħha.
In-nies li joqogħdu fiha, se jinqatlu bix-xabla,
It-tfal tagħhom se jinqatlu b’mod vjolenti,
U n-nisa tqal tagħhom se jċarrtulhom żaqqhom.”