Numri
17 Ġeħova issa qal lil Mosè: 2 “Kellem lill-Iżraelin u ħu mingħandhom bastun għal kull familja min-naħa tal-missier, mingħand il-kap taʼ kull tribù, 12-il bastun b’kollox. Ikteb isem kull wieħed fuq il-bastun tiegħu. 3 U għandek tikteb isem Aron fuq il-bastun taʼ Levi, għaliex hemm bastun wieħed għal kull kap tal-familja min-naħa tal-missier. 4 Qiegħed il-bsaten fit-tinda tal-laqgħa quddiem it-Testimonjanza, fejn jien nidhrilkom regolarment. 5 U l-bastun tar-raġel li nagħżel iwarrad, u nwaqqaf it-tgergir tal-Iżraelin kontrija u kontrikom ukoll.”
6 Għalhekk, Mosè kellem lill-Iżraelin, u l-kapijiet kollha tagħhom tawh bastun, bastun għal kull kap tal-familja min-naħa tal-missier, 12-il bastun, u l-bastun t’Aron kien fosthom. 7 Imbagħad Mosè qiegħed il-bsaten quddiem Ġeħova fit-tinda tat-Testimonjanza.
8 L-għada, meta Mosè mar fit-tinda tat-Testimonjanza, il-bastun t’Aron għad-dar taʼ Levi kien warrad, u beda jarmi u joħroġ il-fjuri u jagħmel il-lewż misjur. 9 Imbagħad Mosè ħareġ il-bsaten kollha minn quddiem Ġeħova u ħadhom għand il-poplu t’Iżrael. Huma rawhom, u kull raġel ħa l-bastun tiegħu.
10 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Poġġi lura l-bastun t’Aron quddiem it-Testimonjanza bħala xi ħaġa li trid tinżamm bħala sinjal għar-ribelli, biex it-tgergir tagħhom kontrija jieqaf, għax inkella jmutu.” 11 Mosè minnufih għamel bħalma kien ikkmandah Ġeħova. Għamel preċiż hekk.
12 L-Iżraelin imbagħad qalu lil Mosè: “Issa aħna se mmutu, żgur se ninqerdu, ilkoll kemm aħna se ninqerdu! 13 Kull min jersaq qrib it-tabernaklu taʼ Ġeħova, imut! Għandna nispiċċaw immutu b’dan il-mod?”