Numri
9 Ġeħova kellem lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj fl-ewwel xahar tat-tieni sena minn meta ħarġu mill-art tal-Eġittu u qallu: 2 “L-Iżraelin għandhom jippreparaw is-sagrifiċċju tal-Qbiż fiż-żmien li għandu jsir. 3 Għandkom tippreparawh fl-14 taʼ dan ix-xahar bejn inżul ix-xemx u d-dlam, fiż-żmien li għandu jsir. Għandkom tippreparawh skont il-liġijiet u l-proċeduri kollha tiegħu.”
4 Għalhekk, Mosè qal lill-Iżraelin biex jippreparaw is-sagrifiċċju tal-Qbiż. 5 Imbagħad ippreparaw is-sagrifiċċju tal-Qbiż, fl-14 tal-ewwel xahar bejn inżul ix-xemx u d-dlam, fid-deżert tas-Sinaj. L-Iżraelin għamlu skont kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
6 Issa kien hemm xi rġiel li ma baqgħux nodfa għax messew bniedem mejjet, u b’hekk ma setgħux jippreparaw is-sagrifiċċju tal-Qbiż dakinhar. Għalhekk, dakinhar dawn l-irġiel marru quddiem Mosè u Aron 7 u qalu lil Mosè: “M’aħniex nodfa għax messejna bniedem mejjet. Imma dan għala għandu jżommna milli nippreżentaw l-offerta lil Ġeħova fiż-żmien li għandha ssir fost l-Iżraelin?” 8 U Mosè wiġibhom: “Stennew, ħa nara x’se jikkmanda Ġeħova dwarkom.”
9 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 10 “Għid lill-Iżraelin, ‘Jekk xi raġel fostkom jew fost dawk li se jiġu minnkom ma jibqax nadif għax imiss bniedem mejjet jew għax ikun fuq xi vjaġġ ’il bogħod, hu xorta għandu jipprepara s-sagrifiċċju tal-Qbiż lil Ġeħova. 11 Għandu jippreparah fl-14 tat-tieni xahar bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Għandu jieklu mal-ħobż bla ħmira u l-ħxejjex morri. 12 Ma jrid iħalli xejn minnu għal filgħodu, u m’għandu jiksirlu ebda għadma. Għandu jippreparah skont il-liġijiet kollha dwar il-Qbiż. 13 Imma jekk raġel ikun nadif jew ma jkunx fuq xi vjaġġ u jonqos milli jipprepara s-sagrifiċċju tal-Qbiż, dan ir-raġel irid jiġi maqtul,* għaliex ma jkunx ippreżenta l-offerta taʼ Ġeħova fiż-żmien li għandha ssir. Dan ir-raġel ibati l-konsegwenzi tad-dnub tiegħu.
14 “‘U jekk hemm resident barrani jgħix magħkom, anki hu għandu jipprepara s-sagrifiċċju tal-Qbiż lil Ġeħova. Hu għandu jagħmel dan skont il-liġi tal-Qbiż u l-proċedura tiegħu. Għandu jkun hemm liġi waħda kemm għalikom u kemm għar-residenti barranin.’”
15 Issa dakinhar li ntrama t-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tat-Testimonjanza, is-sħaba għattiet it-tabernaklu, imma filgħaxija din kienet bħal nar li baqaʼ fuqu sa filgħodu. 16 Hekk kompla jsir: Is-sħaba kienet tgħattih matul il-jum, u matul il-lejl kienet tidher bħal nar. 17 Kull meta s-sħaba kienet togħla minn fuq it-tinda, l-Iżraelin kienu jitilqu minnufih, u fejn kienet tieqaf is-sħaba, kienu jikkampjaw hemm. 18 Bil-kmand taʼ Ġeħova l-Iżraelin kienu jitilqu, u bil-kmand taʼ Ġeħova kienu jikkampjaw. Sakemm is-sħaba kienet tibqaʼ fuq it-tabernaklu, huma kienu jibqgħu kkampjati. 19 Meta s-sħaba kienet tibqaʼ ħafna jiem fuq it-tabernaklu, l-Iżraelin kienu jobdu lil Ġeħova u ma jitilqux. 20 Kultant is-sħaba kienet tibqaʼ ftit jiem fuq it-tabernaklu. Bil-kmand taʼ Ġeħova kienu jibqgħu kkampjati, u bil-kmand taʼ Ġeħova kienu jitilqu. 21 Kultant is-sħaba kienet tibqaʼ biss minn filgħaxija sa filgħodu, u meta s-sħaba kienet togħla filgħodu, huma kienu jitilqu. Sew jekk is-sħaba kienet togħla matul il-jum u sew jekk billejl, huma kienu jitilqu. 22 Sakemm is-sħaba kienet tibqaʼ fuq it-tabernaklu, sew jekk jumejn, xahar, jew iktar, l-Iżraelin kienu jibqgħu kkampjati u ma jitilqux. Imma meta kienet togħla, kienu jitilqu. 23 Bil-kmand taʼ Ġeħova kienu jikkampjaw, u bil-kmand taʼ Ġeħova kienu jitilqu. Huma obdew lil Ġeħova skont il-kmand li Ġeħova ta permezz taʼ Mosè.