Ġożwè
10 Ir-Re Adoni-sedek taʼ Ġerusalemm semaʼ li Ġożwè kien rebaħ lil Għaj u li qeridha għalkollox billi għamel lil Għaj u lir-re tagħha bħalma kien għamel lil Ġeriko u lir-re tagħha. Semaʼ wkoll li n-nies taʼ Gibegħon kienu għamlu paċi m’Iżrael u baqgħu fosthom. 2 B’hekk beda jibżaʼ ħafna għax Gibegħon kienet belt kbira, bħal waħda mill-bliet tar-rejiet. Kienet akbar minn Għaj u l-irġiel kollha tagħha kienu gwerriera. 3 Għalhekk, Adoni-sedek ir-re taʼ Ġerusalemm bagħat dan il-messaġġ lil Ħoħam ir-re taʼ Ħebron, lil Piram ir-re taʼ Ġarmut, lil Ġafigħa r-re taʼ Lakis, u lil Debir ir-re t’Għeglon: 4 “Ejjew għinuni ħalli nattakkaw lin-nies ta’ Gibegħon, għax huma għamlu paċi maʼ Ġożwè u mal-Iżraelin.” 5 Għal dan, il-ħames rejiet tal-Amurrin—ir-re taʼ Ġerusalemm, ir-re taʼ Ħebron, ir-re taʼ Ġarmut, ir-re taʼ Lakis, u r-re t’Għeglon—inġabru flimkien mal-armati tagħhom, immarċjaw, u assedjaw lil Gibegħon biex jiggwerraw kontriha.
6 Imbagħad l-irġiel taʼ Gibegħon bagħtu jgħidu lil Ġożwè fejn kien ikkampjat f’Gilgal: “Titlaqx lill-ilsiera tiegħek. Ejja malajr salvana u għinna! Ir-rejiet kollha tal-Amurrin li jgħixu fil-muntanji nġabru flimkien kontrina.” 7 Għalhekk, Ġożwè telaʼ minn Gilgal mal-armata kollha, bl-aqwa gwerriera.
8 Imbagħad Ġeħova qal lil Ġożwè: “Tibżax minnhom, għax jien tajthom f’idejk. Ħadd minnhom mhu se jkun jistaʼ jegħlbek.” 9 Ġożwè mar għalihom għal għarrieda wara li mmarċja l-lejl kollu minn Gilgal. 10 Ġeħova ġegħelhom jitħawdu quddiem Iżrael, u dawn qatlu ħafna minnhom f’Gibegħon u ġrew warajhom mit-telgħa taʼ Bet-ħoron u baqgħu joqtluhom s’Għażeka u Makkeda. 11 Waqt li kienu qed jaħarbu minn quddiem Iżrael, Ġeħova tefaʼ mis-sema silġ kbir fuqhom min-niżla taʼ Bet-ħoron s’Għażeka, u b’hekk mietu. Infatti, mietu iktar bis-silġ milli bix-xabla tal-Iżraelin.
12 Kien dakinhar, fil-jum li Ġeħova għeleb lill-Amurrin quddiem għajnejn l-Iżraelin, li Ġożwè qal lil Ġeħova quddiem Iżrael:
“Xemx, ibqaʼ wieqfa fuq Gibegħon,
U ieqaf qamar, fuq il-Wied* t’Ajjalon!”
13 Għalhekk, ix-xemx baqgħet wieqfa u l-qamar ma ċċaqlaqx sakemm il-poplu setaʼ jegħleb lill-għedewwa tiegħu. Dan hu miktub fil-ktieb taʼ Ġasar. Ix-xemx baqgħet wieqfa f’nofs is-sema u m’għaġġlitx biex tinżel għal kważi jum sħiħ. 14 Qatt ma kien hemm jum bħal dan, la qablu u lanqas warajh, li fih Ġeħova semaʼ minn leħen taʼ raġel b’dan il-mod, għax Ġeħova kien qed jiġġieled għal Iżrael.
15 Wara dan, Ġożwè reġaʼ lura lejn il-kampijiet f’Gilgal flimkien mal-armata kollha t’Iżrael.
16 Sadanittant, il-ħames rejiet ħarbu u staħbew fl-għar taʼ Makkeda. 17 Imbagħad lil Ġożwè ntqallu: “Il-ħames rejiet instabu jistaħbew fl-għar taʼ Makkeda.” 18 Għalhekk Ġożwè qal: “Gerbu ġebel kbir lejn id-daħla tal-għar u qabbdu lil xi rġiel għassa magħhom. 19 Imma l-kumplament tagħkom tiqfux. Iġru wara l-għedewwa tagħkom u attakkawhom huma u jaħarbu. Tħalluhomx jidħlu fi bliethom, għax Ġeħova l-Alla tagħkom tahom f’idejkom.”
20 Ġożwè u l-armata t’Iżrael qatlu ħafna minnhom, sakemm kważi qatluhom kollha ħlief għal xi ftit li ħarbu u daħlu fil-bliet iffortifikati. 21 Wara, l-armata t’Iżrael marret lura qawwija u sħiħa għand Ġożwè ħdejn il-kampijiet f’Makkeda. Ħadd ma ssogra jgħid kelma kontra l-Iżraelin. 22 Imbagħad Ġożwè qal: “Neħħu l-ġebel mid-daħla tal-għar u oħorġuli l-ħames rejiet minnu.” 23 Għalhekk, ħarġulu mill-għar lil dawn il-ħames rejiet: ir-re taʼ Ġerusalemm, ir-re taʼ Ħebron, ir-re taʼ Ġarmut, ir-re taʼ Lakis, u r-re t’Għeglon. 24 Meta ħadu lil dawn ir-rejiet għand Ġożwè, hu ġabar lill-irġiel kollha t’Iżrael, u lill-kmandanti tal-gwerriera li kienu marru miegħu qalilhom: “Ersqu ’l quddiem. Poġġu saqajkom fuq in-naħa taʼ wara t’għonq dawn ir-rejiet.” Għalhekk, resqu ’l quddiem u poġġew saqajhom fuq in-naħa taʼ wara t’għonqhom. 25 Imbagħad Ġożwè qalilhom: “Tibżgħux u titwerwrux. Kunu kuraġġużi u sodi, għax hekk se jagħmel Ġeħova lill-għedewwa kollha tagħkom li qed tiġġieldu kontrihom.”
26 Imbagħad Ġożwè qatilhom u dendilhom ma’ ħamest izkuk,* u baqgħu mdendlin maz-zkuk sa filgħaxija. 27 Fi nżul ix-xemx, Ġożwè ta kmand biex iniżżluhom minn maz-zkuk u jitfgħuhom fl-għar fejn kienu staħbew. Imbagħad tpoġġa ġebel kbir fid-daħla tal-għar li għadu hemm sal-lum.
28 Dakinhar Ġożwè rebaħ lil Makkeda u attakkaha bix-xabla. Hu qered lir-re tagħha u lil kull persuna* fiha. Ma ħalla lil ħadd ħaj. Hu qatel lir-re taʼ Makkeda bħalma qatel lir-re taʼ Ġeriko.
29 Imbagħad Ġożwè u l-armata kollha t’Iżrael telqu minn Makkeda u marru jiġġieldu kontra Libna. 30 Lil din il-belt u lir-re tagħha, Ġeħova tahom f’idejn l-Iżraelin ukoll, u huma attakkaw lilha u lil kull min* kien hemm fiha bix-xabla. Ma ħallew lil ħadd ħaj fiha. Għalhekk, qatlu lir-re tagħha bħalma kienu qatlu lir-re taʼ Ġeriko.
31 Wara dan, Ġożwè u l-armata kollha t’Iżrael telqu minn Libna għal Lakis, ikkampjaw hemm, u ġġieldu kontriha. 32 Ġeħova ta lil Lakis f’idejn l-Iżraelin u rebħuha fit-tieni jum. Huma qatlu lil kull min* kien hemm fiha bix-xabla, bħalma kienu għamlu lil Libna.
33 Imbagħad Ħoram ir-re taʼ Geżer telaʼ biex jgħin lil Lakis, imma Ġożwè attakka lilu u lin-nies tiegħu sakemm ma kien baqaʼ ħadd ħaj.
34 Imbagħad Ġożwè u l-armata kollha t’Iżrael telqu minn Lakis għal Għeglon, ikkampjaw hemm, u ġġieldu kontriha. 35 Dakinhar, huma rebħuha u qatlu lin-nies tagħha bix-xabla. Dakinhar, qerdu lil kull min* kien hemm fiha bħalma kienu qerdu lil Lakis.
36 Imbagħad Ġożwè u l-armata kollha t’Iżrael telgħu minn Għeglon għal Ħebron u ġġieldu kontriha. 37 Huma rebħuha u qatlu bix-xabla lin-nies* kollha tagħha, lir-re tagħha, u lin-nies tal-bliet li jiddependu minnha. Ma ħallew lil ħadd ħaj. Ġożwè qered lilha u lil kull min* kien hemm fiha bħalma qered lil Għeglon.
38 Fl-aħħar, Ġożwè u l-armata kollha t’Iżrael daru lejn Debir u ġġieldu kontriha. 39 Huma rebħu lilha, lir-re tagħha, u lill-bliet kollha tagħha, u attakkawhom bix-xabla u qerdu lil kull min* kien hemm fiha. Ma ħallew lil ħadd ħaj. Ġożwè qered lil Debir u lir-re tagħha bħalma kien qered lil Ħebron u lil Libna u r-re tagħha.
40 Ġożwè rebaħ l-art kollha: ir-reġjun muntanjuż, in-Negeb, is-Sefela, it-tlajjaʼ, u r-rejiet kollha tagħhom. Ma ħalla lil ħadd ħaj. Hu qered lin-nies kollha bħalma kien ikkmanda Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 41 Ġożwè rebaħ minn Kades-barnegħa sa Gaża u l-art kollha taʼ Gosen sa Gibegħon. 42 Ġożwè rebaħ lil dawn ir-rejiet kollha u lil arthom f’darba waħda, għax kien Ġeħova l-Alla t’Iżrael li kien qed jiġġieled għall-Iżraelin. 43 Imbagħad Ġożwè mar lura mal-armata kollha t’Iżrael lejn il-kampijiet f’Gilgal.