Ġożwè
17 Imbagħad telgħet ix-xorti għat-tribù taʼ Manasse, għax kien l-ewwel imwieled taʼ Ġużeppi. Peress li Makir, l-ewwel imwieled taʼ Manasse u missier Gilegħad, kien gwerrier, hu ngħata Gilegħad u Basan. 2 U x-xorti telgħet għall-kumplament taʼ dawk li jiġu minn Manasse skont il-familji tagħhom, għat-tfal t’Abi-għeżer, taʼ Ħelek, t’Asrijel, taʼ Sikem, taʼ Ħefer, u taʼ Semida. Dawn kienu l-irġiel li jiġu minn Manasse bin Ġużeppi skont il-familji tagħhom. 3 Imma Selofeħad bin Ħefer, bin Gilegħad, bin Makir, bin Manasse, ma kellux subien, imma bniet biss. Dawn kienu Maħla, Nogħa, Ħogla, Milka, u Tirsa. 4 Għalhekk, marru quddiem Elegħażar il-qassis, Ġożwè bin Nun, u l-kapijiet, u qalu: “Kien Ġeħova li kkmanda lil Mosè biex jagħtina wirt fost ħutna.” Għalhekk, skont il-kmand taʼ Ġeħova, huma ngħataw wirt fost ħut missierhom.
5 Manasse ngħata għaxar biċċiet art oħrajn apparti l-art taʼ Gilegħad u l-Basan li kienu fuq in-naħa l-oħra* tal-Ġordan. 6 Hu rċieva din l-art għax il-bniet taʼ Manasse ngħataw wirt mat-tfal subien tiegħu, u l-art taʼ Gilegħad saret il-propjetà tal-kumplament taʼ dawk li jiġu minn Manasse.
7 U l-fruntiera taʼ Manasse kienet minn Aser sa Mikmetat, li qiegħda faċċata taʼ Sikem, u l-fruntiera kienet tkompli lejn in-Nofsinhar* lejn l-art tan-nies li jgħixu f’Għajn-Taffugħa. 8 L-art taʼ Taffugħa saret taʼ Manasse, imma l-belt taʼ Taffugħa mal-fruntiera taʼ Manasse kienet taʼ dawk li jiġu minn Efrajm. 9 U l-fruntiera kienet tinżel lejn il-Wied taʼ Kanah, lejn in-Nofsinhar tal-wied. Kien hemm xi bliet t’Efrajm fost il-bliet taʼ Manasse, u l-fruntiera taʼ Manasse kienet fit-Tramuntana tal-wied u tispiċċa mal-baħar. 10 In-naħa tan-Nofsinhar kien t’Efrajm, u n-naħa tat-Tramuntana kien taʼ Manasse, u l-baħar kien il-fruntiera taʼ Manasse. U t-territorju taʼ Manasse fit-Tramuntana kien s’Aser, u fil-Lvant sa Issakar.
11 Fit-territorji taʼ Issakar u Aser, Manasse ngħata dawn il-bliet flimkien man-nies li jgħixu fihom u l-bliet li jiddependu minnhom:* Bet-segħan, Iblegħam, Dor, Għajn-dor, Tagħnak, u Megiddo, tliet reġjuni bl-għoljiet.
12 Imma dawk li jiġu minn Manasse ma rnexxilhomx jieħdu dawn il-bliet f’idejhom. Il-Kangħanin kienu determinati li jibqgħu jgħixu f’din l-art. 13 Meta l-Iżraelin saru b’saħħithom, huma ġiegħlu lill-Kangħanin jagħmlu xogħol taʼ bilfors, imma ma keċċewhomx* għalkollox.
14 Dawk li jiġu minn Ġużeppi qalu lil Ġożwè: “Għala tajtna* bħala wirt sehem wieħed bix-xorti u qassamtilna biċċa art waħda? Aħna poplu kbir, għax Ġeħova berikna s’issa.” 15 Ġożwè wiġibhom: “Jekk intom poplu daqshekk kbir, itilgħu lejn il-foresta li qiegħda fl-art tal-Pereżin u r-Refajin u qaċċtu s-siġar biex ikollkom fejn toqogħdu, peress li r-reġjun muntanjuż t’Efrajm hu żgħir wisq għalikom.” 16 Imbagħad dawk li jiġu minn Ġużeppi qalu: “Ir-reġjun muntanjuż mhux biżżejjed għalina, u l-Kangħanin kollha li qed jgħixu fl-art tal-wied* għandhom karrijiet tal-gwerra armati bi xfafar tal-ħadid,* kemm dawk f’Bet-segħan u l-bliet li jiddependu minnha* u kemm dawk fil-Wied* taʼ Ġeżragħel.” 17 Għalhekk, Ġożwè qal hekk lid-dar taʼ Ġużeppi, lil Efrajm u Manasse: “Intom poplu kbir u għandkom qawwa kbira. M’intomx se tirċievu sehem wieħed biss bix-xorti, 18 imma se tirċievu r-reġjun muntanjuż ukoll. Għalkemm hu foresta, intom se tqaċċtu s-siġar, u hemm jispiċċa t-territorju tagħkom. Għax intom se tkeċċu lill-Kangħanin, avolja huma b’saħħithom u għandhom karrijiet tal-gwerra armati bi xfafar tal-ħadid.”*