Ġożwè
22 Imbagħad Ġożwè ġabar lir-Rubenin, lill-Gadin, u lil nofs it-tribù taʼ Manasse 2 u qalilhom: “Intom għamiltu kulma kkmandakom Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova u obdejtu kulma kkmandajtkom jien. 3 M’abbandunajtux lil ħutkom dan iż-żmien kollu sal-lum, u obdejtu l-kmandament taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom. 4 Issa Ġeħova l-Alla tagħkom ippermetta li ħutkom ikollhom il-paċi, bħalma wegħedhom. Mela issa tistgħu tmorru lura lejn it-tined tagħkom fl-art li Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova takom fuq in-naħa l-oħra* tal-Ġordan. 5 Biss oqogħdu attenti ħafna li timxu mal-kmandamenti u l-Liġi li takom Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova billi tħobbu lil Ġeħova l-Alla tagħkom, timxu fi triqatu kollha, tobdu l-kmandamenti tiegħu, tintrabtu miegħu, u taqduh b’qalbkom u b’ruħkom* kollha.”
6 Imbagħad Ġożwè berikhom u bagħathom, u huma marru lejn it-tined tagħhom. 7 U lil nofs it-tribù taʼ Manasse, Mosè kien tahom wirt fil-Basan, u lin-nofs l-ieħor, Ġożwè tahom art maʼ ħuthom fuq in-naħa tal-Punent tal-Ġordan. Iktar minn hekk, meta Ġożwè bagħathom lejn it-tined tagħhom, berikhom 8 u qalilhom: “Erġgħu lura lejn it-tined tagħkom b’ħafna ġid, b’ħafna bhejjem, b’fidda u deheb, ram u ħadid, u bi kwantità kbira taʼ ħwejjeġ. Ħudu sehemkom mill-affarijiet tal-għedewwa tagħkom u aqsmuhom maʼ ħutkom.”
9 Imbagħad ir-Rubenin, il-Gadin, u nofs it-tribù taʼ Manasse telqu minn ħdejn l-Iżraelin l-oħra, minn Silo fl-art taʼ Kangħan, u marru lura fl-art taʼ Gilegħad, lejn arthom li kienu qagħdu fiha bil-kmand taʼ Ġeħova permezz taʼ Mosè. 10 Meta waslu fl-inħawi tal-Ġordan fl-art taʼ Kangħan, ir-Rubenin, il-Gadin, u nofs it-tribù taʼ Manasse bnew artal hemmhekk ħdejn il-Ġordan, artal kbir u impressjonanti. 11 Iktar tard, l-Iżraelin l-oħra semgħu lil min jgħid: “Ara! Ir-Rubenin, il-Gadin, u nofs it-tribù taʼ Manasse bnew artal mal-fruntiera tal-art taʼ Kangħan fl-inħawi tal-Ġordan, fuq in-naħa li hi tal-Iżraelin.” 12 Meta l-Iżraelin semgħu b’dan, il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin iltaqgħu f’Silo biex jiggwerraw kontrihom.
13 Imbagħad l-Iżraelin bagħtu lil Fineħas bin Elegħażar il-qassis għand ir-Rubenin, il-Gadin, u nofs it-tribù taʼ Manasse fl-art taʼ Gilegħad. 14 U miegħu kien hemm għaxar kapijiet, kull wieħed jirrappreżenta tribù t’Iżrael. Dawn kollha kienu kapijiet mill-familja taʼ missierhom fost l-eluf t’Iżrael. 15 Meta marru għand ir-Rubenin, il-Gadin, u nofs it-tribù taʼ Manasse fl-art taʼ Gilegħad, qalulhom:
16 “Hekk qalet il-ġemgħa kollha taʼ Ġeħova, ‘Għala wrejtu nuqqas taʼ lealtà lejn l-Alla t’Iżrael? Intom illum ma bqajtux timxu wara Ġeħova billi bnejtu artal għalikom u rribellajtu kontra Ġeħova. 17 Ma kienx biżżejjed l-iżball li għamilna f’Pegħor? Għadna nbatu l-konsegwenzi tiegħu, avolja ġie kastig fuq il-ġemgħa taʼ Ġeħova. 18 Allura wara dan kollu, ma tridux tibqgħu timxu wara Ġeħova? Jekk illum tirribellaw kontra Ġeħova, għada hu jirrabja ħafna kontra l-ġemgħa kollha t’Iżrael. 19 Issa jekk taħsbu li l-art li għandkom mhijiex nadifa, ejjew fl-art li għandu Ġeħova, fejn hemm it-tabernaklu taʼ Ġeħova, u oqogħdu fostna. Imma tirribellawx kontra Ġeħova u tibnux għalikom artal apparti l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tagħna, u b’hekk aħna nitqiesu ribelli wkoll. 20 Meta Għakan bin Żeraħ ma kienx leali billi ħa minn dak li kellu jinqered, ir-rabja ġiet kontra l-ġemgħa kollha t’Iżrael. U hu ma kienx l-uniku wieħed li miet minħabba l-iżball tiegħu.’”
21 Għal dan, ir-Rubenin, il-Gadin, u nofs it-tribù taʼ Manasse wieġbu lill-kapijiet tal-eluf t’Iżrael: 22 “L-Alla tal-allat Ġeħova,* l-Alla tal-allat Ġeħova jaf, u Iżrael ukoll se jkun jaf. Jekk aħna konna ribellużi u żleali lejn Ġeħova, ħa ma jsalvaniex illum. 23 Jekk bnejna artal biex ma nibqgħux nimxu wara Ġeħova u biex noffru offerti tal-ħruq, offerti taċ-ċereali,* u sagrifiċċji tal-paċi fuqu, Ġeħova jikkastigana. 24 Le, aħna għamilna dan minħabba li inkwetajna li fil-futur it-tfal tagħkom se jgħidu lit-tfal tagħna: ‘X’għandkom x’taqsmu maʼ Ġeħova l-Alla t’Iżrael? 25 Ġeħova poġġa l-Ġordan bħala fruntiera bejnna u bejnkom, ir-Rubenin u l-Gadin. Intom m’għandkom x’taqsmu xejn maʼ Ġeħova.’ U t-tfal tagħkom ma jħallux lit-tfal tagħna jqimu lil* Ġeħova.
26 “Għalhekk għedna, ‘Ħa nibnu artal għalina, mhux għall-offerti jew is-sagrifiċċji tal-ħruq, 27 imma biex ikun taʼ xhieda bejnna u bejnkom u bejn dawk li se jiġu minna* li se nagħmlu s-servizz taʼ Ġeħova quddiemu bl-offerti tal-ħruq, bis-sagrifiċċji tal-paċi, u b’sagrifiċċji oħrajn. B’hekk, fil-futur it-tfal tagħkom ma jgħidux lit-tfal tagħna: “Intom m’għandkom x’taqsmu xejn maʼ Ġeħova.”’ 28 Għalhekk għedna, ‘Jekk fil-futur jgħidu dan lilna u lil dawk li se jiġu minna,* aħna ngħidulhom: “Araw l-artal li għamlu missirijietna li hu simili għall-artal taʼ Ġeħova, mhux għall-offerti jew is-sagrifiċċji tal-ħruq għamluh, imma bħala xhieda bejnna u bejnkom.”’ 29 Lanqas biss jgħaddilna minn moħħna li llum nirribellaw kontra Ġeħova u li ma nibqgħux nimxu wara Ġeħova billi nibnu artal għall-offerti tal-ħruq, l-offerti taċ-ċereali, u s-sagrifiċċji, apparti l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tagħna li qiegħed quddiem it-tabernaklu tiegħu!”
30 Fineħas il-qassis, il-kapijiet tal-ġemgħa, u l-kapijiet tal-eluf t’Iżrael li kienu miegħu għoġobhom dak li qalu dawk li jiġu minn Ruben, Gad, u Manasse. 31 Għalhekk, Fineħas bin Elegħażar il-qassis qal lil dawk li jiġu minn Ruben, Gad, u Manasse: “Illum nafu li Ġeħova qiegħed fostna, għax intom ma rribellajtux kontra Ġeħova. Intom salvajtu lill-Iżraelin minn id Ġeħova.”
32 Imbagħad, Fineħas bin Elegħażar il-qassis u l-kapijiet telqu mingħand ir-Rubenin u l-Gadin fl-art taʼ Gilegħad u marru lura lejn l-art taʼ Kangħan, u wasslu r-rapport lill-Iżraelin l-oħra. 33 U r-rapport għoġobhom lill-Iżraelin. Huma mbagħad faħħru lil Alla, u ma reġgħu semmew xejn dwar li jiggwerraw kontra r-Rubenin u l-Gadin biex jeqirdu l-art li kienu qed jgħixu fiha.
34 Għalhekk, ir-Rubenin u l-Gadin taw isem lill-artal,* għax qalu: “Hu xhieda bejnietna li Ġeħova hu l-Alla l-veru.”