Imħallfin
2 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova telaʼ minn Gilgal lejn Bokim u qal: “Jien ħriġtkom mill-Eġittu u daħħaltkom fl-art li dwarha ħlift lil missirijietkom. Iktar minn hekk, jien għedt, ‘Qatt mhu se nikser il-patt tiegħi magħkom. 2 Min-naħa tagħkom, m’għandkomx tagħmlu patt man-nies taʼ din l-art u tridu tkissru l-artali tagħhom.’ Imma intom ma smajtux minni. Għala għamiltu dan? 3 Kien għalhekk li għedt ukoll, ‘M’iniex se nkeċċihom minn quddiemkom, u huma jaqbdukom f’nassa, u tiġu mħajrin tqimu l-allat tagħhom.’”
4 Meta l-anġlu taʼ Ġeħova qal dan il-kliem lill-Iżraelin kollha, in-nies bdew jibku b’leħen għoli. 5 Għalhekk, semmew dak il-post Bokim,* u offrew sagrifiċċji lil Ġeħova hemmhekk.
6 Meta Ġożwè bagħat lill-Iżraelin, huma marru kollha lejn il-wirt tagħhom biex jieħdu l-art f’idejhom. 7 Il-poplu kompla jaqdi lil Ġeħova matul il-ħajja kollha taʼ Ġożwè u tal-anzjani* li baqgħu ħajjin wara Ġożwè. Dawn l-anzjani kienu raw dak kollu li Ġeħova għamel għal Iżrael. 8 Imbagħad Ġożwè bin Nun, il-qaddej taʼ Ġeħova, miet fl-età taʼ 110 snin. 9 Għalhekk, difnuh fit-territorju taʼ wirtu f’Timnat-ħeres, li qiegħda fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm, fit-Tramuntana tal-Muntanja Gagħas. 10 Dik il-ġenerazzjoni kollha nġabret mal-antenati tagħha,* u warajha kien hemm ġenerazzjoni oħra li ma kinitx taf lil Ġeħova jew dak li kien għamel għal Iżrael.
11 B’hekk, l-Iżraelin għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u qdew* lill-Bagħalim. 12 Huma abbandunaw lil Ġeħova, l-Alla taʼ missirijiethom, li kien ħariġhom mill-art tal-Eġittu. U huma mxew wara allat oħrajn, l-allat tal-popli li kienu madwarhom, u mielu quddiemhom u weġġgħu lil Ġeħova. 13 Huma abbandunaw lil Ġeħova u qdew lil Bagħal u lill-istatwi t’Għastoret. 14 Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna mal-Iżraelin, u b’hekk ħalla lill-għedewwa tagħhom jirbħulhom u jaħtfu dak li kellhom sakemm ma setgħux jiġġieldu iktar kontrihom. 15 Kull fejn marru, id Ġeħova kienet kontrihom, u ġab diżastru fuqhom, bħalma Ġeħova kien qal u bħalma Ġeħova kien ħalfilhom, u kienu mdejqin ħafna. 16 Għalhekk, Ġeħova kien jagħżel imħallfin li kienu jsalvawhom minn id dawk li jaħtfulhom dak li kellhom.
17 Imma lanqas mill-imħallfin tagħhom ma semgħu u kienu jqimu* allat oħrajn u jmilu quddiemhom. Huma malajr żvijaw mit-triq li kienu mxew fiha missirijiethom. Missirijiethom kienu obdew il-kmandamenti taʼ Ġeħova, imma huma m’għamlux hekk. 18 Kull meta Ġeħova kien jagħżel imħallef għalihom, Ġeħova kien ikun miegħu u jsalvahom minn id l-għedewwa tagħhom tul il-ħajja tal-imħallef. Ġeħova kien jagħmel hekk għax jitħassarhom* meta jarahom jibku minħabba dawk li jaħqruhom u jittrattawhom ħażin.
19 Imma meta l-imħallef kien imut, huma kienu jerġgħu jaġixxu agħar minn missirijiethom billi jimxu wara allat oħrajn, jaqduhom, u jmilu quddiemhom. Huma baqgħu jagħmlu affarijiet ħżiena u jaġixxu b’mod ribelluż. 20 Fl-aħħar, Ġeħova rrabja ħafna m’Iżrael u qal: “Talli dan il-poplu kiser il-patt tiegħi li jien ikkmandajt lil missirijiethom u m’obdewnix, 21 min-naħa tiegħi, mhux se nkeċċi minn quddiemhom lil xi poplu li Ġożwè ħalla warajh meta miet. 22 Dan se jsir sabiex nara jekk l-Iżraelin humiex se jibqgħu fit-triq taʼ Ġeħova billi jimxu fiha bħalma għamlu missirijiethom.” 23 Għalhekk, Ġeħova ħalla lil dawn il-popli jibqgħu hemm u ma keċċihomx mill-ewwel. Hu ma tahomx f’idejn Ġożwè.