Imħallfin
20 Għalhekk, l-Iżraelin kollha minn Dan sa Bir-xeba u mill-art taʼ Gilegħad ħarġu u nġabru flimkien* quddiem Ġeħova f’Mispa. 2 Allura, il-kapijiet tal-poplu kollu u t-tribujiet kollha t’Iżrael inġabru fil-kongregazzjoni tal-poplu t’Alla. U kien hemm 400,000 suldat armat bix-xabla.
3 Il-Benjamini semgħu li l-irġiel t’Iżrael kienu telgħu Mispa.
Imbagħad l-irġiel t’Iżrael qalu: “Kif ġrat din il-ħaġa tal-biżaʼ?” 4 Għal dan, il-Levita, ir-raġel tal-mara maqtula, wieġeb: “Jien mort Gibegħa taʼ Benjamin mal-konkubina tiegħi biex ngħaddu l-lejl. 5 U n-nies* taʼ Gibegħa qamu kontrija u dawru d-dar billejl. Kellhom il-ħsieb li joqtluni, imma minflok stupraw lill-konkubina tiegħi u din mietet. 6 Għalhekk, qattajt il-ġisem tal-konkubina tiegħi biċċiet u bgħatt biċċa f’kull art t’Iżrael, għax kienu għamlu xi ħaġa tal-mistħija u diżunur f’Iżrael. 7 Agħtu l-parir tagħkom hawnhekk, nies t’Iżrael.”
8 Imbagħad il-poplu kollu qam f’daqqa* u qal: “Ħadd minna mhu sejjer lejn it-tinda tiegħu jew lejn daru. 9 Hekk nagħmlu lil Gibegħa: Intellgħu x-xorti u nitilgħu kontriha. 10 Mit-tribujiet kollha t’Iżrael se nieħdu għaxart irġiel minn 100, 100 minn 1,000, u 1,000 minn 10,000 biex jiġbru provvisti għall-armata. B’hekk, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni kontra Gibegħa taʼ Benjamin minħabba li għamlu xi ħaġa taʼ mistħija f’Iżrael.” 11 U l-irġiel kollha t’Iżrael ingħaqdu flimkien* b’fehma waħda biex jattakkaw il-belt.
12 Imbagħad it-tribujiet t’Iżrael bagħtu xi rġiel għand l-irġiel tat-tribù taʼ Benjamin, jgħidu: “X’inhi din il-ħaġa tal-biżaʼ li seħħet fostkom? 13 Issa agħtuna f’idejna l-irġiel mill-agħar minn Gibegħa, sabiex noqtluhom u neqirdu l-ħażen minn Iżrael.” Imma l-Benjamini ma ridux jisimgħu minn ħuthom l-Iżraelin.
14 Imbagħad il-Benjamini ħarġu mill-bliet u nġabru flimkien f’Gibegħa biex imorru jiġġieldu kontra l-irġiel t’Iżrael. 15 Dakinhar il-Benjamini ġabru mill-bliet tagħhom 26,000 raġel armat bix-xabla, apparti s-700 raġel magħżul minn Gibegħa. 16 F’din l-armata kien hemm 700 raġel magħżul li kienu xellugin. Kull wieħed minn dawn kien iwaddab il-ġebel bl-iżbandola bi preċiżjoni taʼ ħxuna taʼ xagħra u ma kienx ifalli.
17 L-irġiel t’Iżrael, apparti t-tribù taʼ Benjamin, ġabru 400,000 raġel armat bix-xabla, u kull wieħed kien gwerrier tal-esperjenza. 18 Huma qamu u telgħu Betel biex jitolbu għall-gwida t’Alla. Imbagħad il-poplu t’Iżrael qal: “Min minna għandu jieħu t-tmexxija fil-battalja kontra l-Benjamini?” Ġeħova wieġeb: “Ġuda għandu jieħu t-tmexxija.”
19 Wara dan, l-Iżraelin qamu filgħodu u kkampjaw ħdejn Gibegħa biex jattakkawha.
20 L-irġiel t’Iżrael issa ħarġu biex jiġġieldu kontra l-Benjamini. Huma tqassmu għall-battalja kontrihom f’Gibegħa. 21 Għalhekk, il-Benjamini ħarġu minn Gibegħa u dakinhar qatlu 22,000 raġel t’Iżrael. 22 Madankollu, l-irġiel tal-armata t’Iżrael urew li kienu kuraġġużi u reġgħu tqassmu għall-battalja fil-post fejn kienu fl-ewwel jum. 23 Imbagħad l-Iżraelin telgħu Betel u bkew quddiem Ġeħova sa filgħaxija u talbu għall-gwida taʼ Ġeħova: “Għandna nerġgħu mmorru għall-battalja kontra ħutna, il-poplu taʼ Benjamin?” U Ġeħova qal: “Itilgħu kontrihom.”
24 Għalhekk, l-Iżraelin marru għall-Benjamini fit-tieni jum. 25 U l-Benjamini ħarġu minn Gibegħa jiltaqgħu magħhom fit-tieni jum u qatlu 18,000 Iżraeli ieħor armat bix-xabla. 26 Għal dan, l-irġiel kollha t’Iżrael telgħu Betel. Huma bkew u qagħdu bilqiegħda hemmhekk quddiem Ġeħova, u dakinhar samu sa filgħaxija u offrew offerti tal-ħruq u offerti tal-paċi quddiem Ġeħova. 27 Wara, l-irġiel t’Iżrael talbu għall-gwida taʼ Ġeħova, għax f’dawk il-jiem l-arka tal-patt tal-Alla l-veru kienet hemmhekk. 28 Issa Fineħas bin Elegħażar, bin Aron, kien qed jaqdi bħala qassis* quddiemha f’dawk il-jiem. Huma staqsew: “Għandna nerġgħu noħorġu għall-battalja kontra ħutna, l-irġiel taʼ Benjamin, jew nieqfu?” Ġeħova wieġeb: “Itilgħu, għax għada se nagħtihom f’idejkom.” 29 Imbagħad, Iżrael qiegħed irġiel mistoħbijin madwar Gibegħa biex jattakkawha.
30 L-Iżraelin telgħu kontra l-Benjamini fit-tielet jum, u tqassmu għall-battalja kontra Gibegħa bħalma għamlu d-drabi l-oħrajn. 31 Meta l-Benjamini ħarġu kontra l-armata, ġew imbegħdin mill-belt. Imbagħad, bħad-drabi l-oħra, huma bdew jattakkaw u joqtlu xi wħud mill-irġiel fit-toroq prinċipali, li waħda minnhom titlaʼ lejn Betel u l-oħra lejn Gibegħa. Huma ħallew madwar 30 raġel mejjet fil-kampanja. 32 Għalhekk, il-Benjamini qalu: “Qed nirbħulhom bħal qabel.” Imma l-Iżraelin kienu qalu: “Ejja naħarbu, u nbegħduhom mill-belt lejn it-toroq prinċipali.” 33 Għalhekk, l-irġiel kollha t’Iżrael marru f’Bagħal-tamar u tqassmu għall-battalja, waqt li l-irġiel t’Iżrael li kienu mistoħbijin ħarġu jattakkaw minn posthom fl-inħawi qrib Gibegħa. 34 B’hekk, 10,000 raġel magħżul minn Iżrael kollu ġew quddiem Gibegħa, u l-ġlied kien aħrax. Imma l-Benjamini ma kinux jafu li daqt kien ġej diżastru fuqhom.
35 Ġeħova rebaħ lill-Benjamini quddiem Iżrael, u dakinhar l-Iżraelin qatlu 25,100 raġel armat bix-xabla mill-Benjamini.
36 Madankollu, il-Benjamini immaġinaw li l-irġiel t’Iżrael kienu se jitilfu meta ħarbu minnhom, imma huma għamlu hekk għax kienu qed jafdaw f’dawk li staħbew biex jattakkaw lil Gibegħa. 37 Dawk mistoħbijin aġixxew b’ħeffa u attakkaw lil Gibegħa. Huma nfirxu u qatlu lin-nies tal-belt kollha bix-xabla.
38 Issa l-irġiel t’Iżrael kienu ftiehmu li dawk mistoħbijin jagħmlulhom sinjal bid-duħħan biex juruhom li kienu rebħu l-belt.
39 Meta l-Iżraelin irtiraw mill-battalja, l-irġiel taʼ Benjamin bdew jattakkawhom u qatlu madwar 30 raġel t’Iżrael, u qalu: “Żgur qed nirbħulhom bħalma ġara fil-battalja taʼ qabel.” 40 Imma bdiet tielgħa daħna kbira mill-belt bħala sinjal. Meta l-irġiel taʼ Benjamin ħarsu lura, huma raw il-belt kollha tinħaraq, u l-fjammi kienu telgħin lejn is-sema. 41 Imbagħad l-irġiel t’Iżrael daru u bdew jattakkaw, u l-irġiel taʼ Benjamin qatgħu qalbhom, għax raw id-diżastru ġej fuqhom. 42 Għalhekk, dawn irtiraw mill-irġiel t’Iżrael lejn id-deżert, imma ma setgħux jaħarbu mill-battalja. L-irġiel li ħarġu mill-bliet bdew joqtluhom ukoll. 43 Huma dawru lill-Benjamini u ġrew warajhom mingħajr waqfien. Għaffġuhom taħt saqajhom eżatt quddiem Gibegħa lejn il-Lvant. 44 Fl-aħħar waqgħu mejtin 18,000 gwerrier b’saħħtu minn Benjamin.
45 Il-Benjamini daru u ħarbu fid-deżert lejn il-blata taʼ Rimmon, u l-Iżraelin qatlu 5,000 minnhom fit-toroq prinċipali, u baqgħu jiġru warajhom sa Gidgħom. B’hekk qatlu 2,000 raġel ieħor. 46 B’kollox, dakinhar mietu 25,000 raġel armat bix-xabla minn Benjamin, ilkoll gwerriera b’saħħithom. 47 Imma 600 raġel irtiraw u marru fid-deżert lejn il-blata taʼ Rimmon, u baqgħu fuq il-blata taʼ Rimmon erbaʼ xhur.
48 U l-irġiel t’Iżrael marru lura biex jattakkaw il-Benjamini u qatlu bix-xabla lin-nies u l-annimali li kien hemm fil-bliet, lil kull min kien baqaʼ. Barra minn hekk, ħarqu l-bliet kollha li marru fihom.