L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
27 Madankollu, David qal f’qalbu: “Xi darba Sawl għad joqtolni. Ikun aħjar li naħrab lejn l-art tal-Filistin. Imbagħad Sawl jaqtaʼ qalbu milli jfittixni fit-territorju kollu t’Iżrael, u jien naħrab minnu.” 2 Għalhekk, David u s-600 raġel li kienu miegħu marru għand Akis bin Magħok, ir-re taʼ Gat. 3 David, l-irġiel tiegħu, u n-nies taʼ darhom baqgħu m’Akis f’Gat. Maʼ David kien hemm iż-żewġ nisa tiegħu, Aħinogħam il-Ġeżragħelija u Abigajl il-Karmelija, l-armla taʼ Nabal. 4 Meta lil Sawl waslitlu l-aħbar li David kien ħarab lejn Gat, ma baqax ifittxu.
5 Imbagħad David qal lil Akis: “Jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, agħtini post f’waħda mill-bliet fil-kampanja sabiex ngħix hemm. Għala għandi jien, il-qaddej tiegħek, ngħix fil-belt miegħek?” 6 Għalhekk, dakinhar Akis tah il-belt taʼ Siklag. Huwa għalhekk li Siklag għadha tar-rejiet taʼ Ġuda sal-lum.
7 David dam jgħix fil-kampanja tal-Filistin sena u erbaʼ xhur. 8 David kien jitlaʼ mal-irġiel tiegħu sabiex jattakkaw lill-Gesurin, lill-Girżin, u lill-Għamalekin, għax dawn kienu qed jgħixu fl-art li minn Telam tasal sa Sur u ’l isfel lejn l-art tal-Eġittu. 9 Meta David kien jattakkahom, ma kien iħalli lil ħadd ħaj, la raġel u lanqas mara, imma kien jieħu n-nagħaġ, il-baqar, il-ħmir, l-iġmla, u l-ħwejjeġ, u mbagħad imur lura għand Akis. 10 Imbagħad Akis kien jistaqsih: “Fejn attakkajtu llum?” David kien iwieġbu: “In-Nofsinhar* tal-art taʼ Ġuda” jew “In-Nofsinhar tal-art tal-Ġeraħmelin” jew “In-Nofsinhar tal-art tal-Kenin.” 11 David ma kien iħalli ebda raġel jew mara ħajja biex jiħodha Gat, għax kien jgħid: “Li ma jmorrux jikxfuna u jgħidu, ‘Hekk għamel David.’” (U din kienet id-drawwa tiegħu ż-żmien kollu li għex fil-kampanja tal-Filistin.) 12 Għalhekk, Akis emmen lil David, u qal bejnu u bejn ruħu: ‘Hu bla dubju sar mibgħud fost il-poplu tiegħu Iżrael, allura se jibqaʼ l-qaddej tiegħi għal dejjem.’