L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
29 Il-Filistin ġabru l-armati kollha tagħhom f’Afek, waqt li l-Iżraelin kienu kkampjati ħdejn l-għajn tal-ilma f’Ġeżragħel. 2 U l-mexxejja tal-Filistin kienu mexjin mal-mijiet u l-eluf tagħhom, u David u l-irġiel tiegħu kienu mexjin m’Akis fuq wara. 3 Imma l-kapijiet tal-Filistin qalu: “X’inhuma jagħmlu hawn dawn il-Lhud?” Akis wiġibhom: “Dan David, il-qaddej tar-Re Sawl t’Iżrael, li ilu miegħi xi sena jew iktar. Jien ma sibt xejn ħażin fih minn dakinhar li ħarab u ġie għandi.” 4 Imma l-kapijiet tal-Filistin irrabjaw ħafna għalih u qalulu: “Ġiegħel lil dan ir-raġel imur lura. Ibagħtu lura lejn il-post li tajtu. Tħallihx jinżel magħna għall-battalja ħalli ma jdurx kontrina. Hu żgur li jingħoġob maʼ sidu jekk jiħodlu l-irjus tal-irġiel tagħna! 5 Mhuwiex dan David li dwaru kantaw waqt li żifnu u qalu:
‘Sawl qatel eluf,
U David għaxriet t’eluf’?”
6 Għalhekk, Akis għajjat lil David u qallu: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li int ġust u li għandi pjaċir bik li tiġi mal-armata tiegħi fil-battalja, għax jien ma sibt xejn ħażin fik minn dakinhar li ġejt għandi. Imma l-mexxejja mhux jafdawk. 7 Mela, erġaʼ lura fil-paċi u tagħmel xejn li jdejjaq il-mexxejja tal-Filistin.” 8 Madankollu, David qal lil Akis: “Għala, x’għamilt jien? X’sibt ħażin fija, il-qaddej tiegħek, minn dakinhar li ġejt għandek? Għala m’għandix niġi miegħek u niġġieled kontra l-għedewwa tiegħek, sidi r-re?” 9 Akis wieġbu: “Għalija int raġel sew bħal anġlu t’Alla. Imma l-kapijiet tal-Filistin qalu, ‘Tħallihx jitlaʼ magħna għall-battalja.’ 10 Għada int u l-irġiel li ġew miegħek qumu kmieni u itilqu malli jisbaħ.”
11 Għalhekk, David u l-irġiel tiegħu qamu kmieni biex imorru lura lejn l-art tal-Filistin, u l-Filistin telgħu lejn Ġeżragħel.