L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
31 Il-Filistin kienu qed jiġġieldu kontra Iżrael. U l-irġiel t’Iżrael ħarbu minn quddiem il-Filistin u ħafna nqatlu fuq il-Muntanja Gilbogħa. 2 Il-Filistin iffokaw fuq Sawl u t-tfal tiegħu, u qatlu lil Ġonatan, lil Abinadab, u lil Malki-sugħa, it-tfal taʼ Sawl. 3 II-ġlied ħrax kontra Sawl, u l-arċieri sabuh u weġġgħuh serjament. 4 Imbagħad Sawl qal lil dak li jġorrlu l-armi: “Aqbad ix-xabla tiegħek u infidni biha, biex ma jiġux dawn l-irġiel mhux ċirkonċiżi u jinfduni u jaħqruni.” Imma dak li jġorrlu l-armi ma riedx, għaliex beżaʼ ħafna. Għalhekk, Sawl qabad ix-xabla u nxteħet fuqha. 5 Meta dak li jġorrlu l-armi ra li Sawl kien miet, anki hu nxteħet fuq ix-xabla tiegħu stess u miet miegħu. 6 B’hekk, dakinhar mietu Sawl, it-tlett itfal tiegħu, dak li jġorrlu l-armi, u l-qaddejja kollha tiegħu. 7 Meta l-Iżraelin li kienu fir-reġjun tal-wied* u fir-reġjun tal-Ġordan raw li l-gwerriera t’Iżrael kienu ħarbu u li Sawl u t-tfal tiegħu kienu mietu, huma bdew jitilqu mill-bliet u jaħarbu. Imbagħad il-Filistin marru u bdew jgħixu fihom.
8 L-għada, meta l-Filistin ġew ineżżgħu l-maqtulin, huma sabu l-ġisem taʼ Sawl u t-tlett itfal tiegħu fuq il-Muntanja Gilbogħa. 9 Għalhekk, qatgħulu rasu, neżżgħulu l-armatura, u bagħtu messaġġ mal-art tal-Filistin biex ixerrdu l-aħbar fit-tempji tal-idoli tagħhom u man-nies. 10 Imbagħad, poġġew l-armatura tiegħu fit-tempju tal-istatwi t’Għastoret, u l-katavru tiegħu dendluh mas-sur taʼ Bet-san. 11 Meta n-nies taʼ Ġabes-gilegħad semgħu b’dak li l-Filistin kienu għamlu lil Sawl, 12 il-gwerriera kollha vvjaġġaw il-lejl kollu u neħħew il-katavri taʼ Sawl u tat-tfal tiegħu minn mas-sur taʼ Bet-san. Huma marru lura Ġabes u ħarquhom hemmhekk. 13 Imbagħad ħadu l-għadam tagħhom u difnuh taħt is-siġra tat-tamarisk f’Ġabes, u samu għal sebat ijiem.