L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
6 Salamun beda jibni d-dar taʼ Ġeħova* erbaʼ snin wara li sar re fuq l-Iżraelin,* fix-xahar taʼ Żiw,* jiġifieri t-tieni xahar. Dan kien 480 sena wara li l-Iżraelin ħarġu mill-art tal-Eġittu. 2 Id-dar li r-Re Salamun bena għal Ġeħova kienet twila 60 kubitu,* wiesgħa 20 kubitu, u għolja 30 kubitu. 3 L-intrata quddiem it-tempju* kienet twila* 20 kubitu, daqs il-wisaʼ tad-dar.* Il-fond tagħha kien għaxar kubiti mill-faċċata tad-dar.
4 Għad-dar, hu għamel twieqi b’fetħa li tidjieq. 5 Iżjed minn hekk, tellaʼ bini mal-ġenb tal-ħajt tad-dar. Dan kien madwar il-ħitan tad-dar, tat-tempju,* u tal-kamra taʼ ġewwa nett. U hu għamel kmamar fil-ġnub mad-dawra kollha. 6 L-ewwel sular tal-kmamar tal-ġenb kien wiesaʼ ħames kubiti, it-tieni sular kien wiesaʼ sitt kubiti, u t-tielet sular kien wiesaʼ sebaʼ kubiti. Hu għamel il-ħitan mad-dawra kollha tad-dar b’tali mod li t-travi kellhom fejn iserrħu mingħajr ma jkollhom għalfejn iħaffru l-ħitan.
7 Id-dar inbniet bil-ġebel tal-barriera li kien diġà ġie ppreparat sabiex ma jinstemaʼ l-ebda ħoss taʼ martell, mannara, jew għodda tal-ħadid fid-dar waqt li kienet qed tinbena. 8 Id-daħla għall-kamra tal-ġenb t’isfel kienet fuq il-lemin tad-dar, u kellha garigor li jwassal għat-tieni u t-tielet sular. 9 Hu kompla jibni d-dar u lestieha, u saqqafha bit-travi u b’ringieli tat-twavel taċ-ċedru. 10 Il-kmamar tal-ġenb li bena madwar id-dar kollha kienu għoljin ħames kubiti u kienu mqabbdin mad-dar bl-injam taċ-ċedru.
11 Sadanittant, Ġeħova qal lil Salamun: 12 “Jekk timxi mal-liġijiet tiegħi, tagħmel skont il-ġudizzji tiegħi, u tobdi l-kmandamenti kollha tiegħi u tgħix fi qbil magħhom, jien ukoll nagħmel dak li wegħedt lil missierek David rigward id-dar li qed tibni. 13 U ngħix fost l-Iżraelin, u ma nitlaqx lill-poplu tiegħi Iżrael.”
14 Salamun kompla jibni d-dar u lestieha. 15 Hu kesa n-naħa taʼ ġewwa tal-ħitan tad-dar bi twavel taċ-ċedru mill-art sat-travi tas-saqaf, u kesa l-art bi twavel tal-ġnibru. 16 Hu pprepara parti t’20 kubitu fuq in-naħa taʼ wara tad-dar għall-kamra taʼ ġewwa nett u ksieha bi twavel taċ-ċedru mill-art sas-saqaf. Din il-kamra kienet l-Iktar Qaddis. 17 Fil-parti taʼ quddiem tad-dar hemm il-Qaddis, kamra t’40 kubitu. 18 L-injam taċ-ċedru fin-naħa taʼ ġewwa tad-dar kellu mnaqqax fuqu frott tond żgħir u fjuri qed jiftħu. Il-ġebel ma kienx jidher għax kien miksi kollu bl-injam taċ-ċedru.
19 U pprepara l-kamra taʼ ġewwa nett fid-dar biex iqiegħed l-arka tal-patt taʼ Ġeħova. 20 Il-kamra taʼ ġewwa nett kienet twila 20 kubitu, wiesgħa 20 kubitu, u għolja 20 kubitu. Hu ksieha bid-deheb pur, u l-artal ksieh bl-injam taċ-ċedru. 21 Salamun kesa d-dar minn ġewwa bid-deheb pur, u għamel ktajjen tad-deheb imdendlin quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett li kienet miksija bid-deheb. 22 Hu kesa d-dar kollha kemm hi bid-deheb, kif ukoll l-artal kollu li kien viċin il-kamra taʼ ġewwa nett.
23 Fil-kamra taʼ ġewwa nett għamel żewġ kerubini mill-injam tal-arżnu,* kull wieħed għoli għaxar kubiti. 24 Kull ġewnaħ tal-kerubin kien ħames kubiti. Mit-tarf taʼ ġewnaħ sat-tarf tal-ġewnaħ l-ieħor kien hemm għaxar kubiti. 25 Anki t-tieni kerubin kien għaxar kubiti. Iż-żewġ kerubini kienu tal-istess daqs u forma. 26 L-għoli taʼ kerubin wieħed kien għaxar kubiti, u hekk ukoll kien l-ieħor. 27 Imbagħad poġġa l-kerubini fil-kamra taʼ ġewwa nett.* Il-ġwienaħ tagħhom kienu miftuħin. B’hekk, il-ġewnaħ taʼ wieħed kien jasal sal-ħajt u l-ġewnaħ tal-ieħor kien jasal sal-ħajt l-ieħor, u ġwinħajhom l-oħra kienu lejn nofs id-dar, imissu maʼ xulxin. 28 Hu kesa l-kerubini bid-deheb.
29 Hu naqqax kerubini, siġar tal-palm, u fjuri qed jiftħu fuq il-ħitan kollha tal-kamra taʼ ġewwa u taʼ barra tad-dar. 30 U l-art tal-kamra taʼ ġewwa nett u taʼ barra tad-dar ksieha bid-deheb. 31 Għad-daħla tal-kamra taʼ ġewwa nett għamel bibien mill-injam tal-arżnu, pilastri tal-ġnub, u koxox tal-bibien, bħala l-ħames parti.* 32 Iż-żewġ bibien kienu mill-injam tal-arżnu, u naqqax fihom kerubini, siġar tal-palm, u fjuri qed jiftħu, u ksiehom bid-deheb; u xerred id-deheb fuq il-kerubini u s-siġar tal-palm minquxin. 33 U l-koxox tal-bieb mill-injam tal-arżnu għad-daħla tat-tempju,* ir-rabaʼ parti,* għamilhom bl-istess mod. 34 Hu għamel żewġ bibien tal-injam tal-ġnibru. Kull bieb kellu żewġ bibien jintlewew fi tnejn. 35 Hu naqqax kerubini, siġar tal-palm, u fjuri qed jiftħu, u ksiehom bil-folji tad-deheb.
36 Hu bena l-ħajt tal-bitħa taʼ ġewwa bi tliet filati ġebel maqtugħ bl-għodda u filata travi taċ-ċedru.
37 Fir-rabaʼ sena, fix-xahar taʼ Żiw,* il-pedament tad-dar taʼ Ġeħova kien lest. 38 U fil-11-il sena, fix-xahar taʼ Bul,* jiġifieri t-tmien xahar, id-dar tlestiet bid-dettalji kollha tagħha u skont il-pjanta. Salamun dam jibniha sebaʼ snin.