Eżodu
19 Fit-tielet xahar wara li l-Iżraelin ħarġu mill-art tal-Eġittu, waslu fid-deżert tas-Sinaj. Fl-istess jum 2 li telqu minn Refidim, huma waslu fid-deżert tas-Sinaj u kkampjaw hemm quddiem il-muntanja.
3 Imbagħad Mosè telaʼ fuq il-muntanja biex jidher quddiem l-Alla l-veru, u Ġeħova għajjatlu mill-muntanja u qallu: “Dan għandek tgħid lil dar Ġakobb, lill-Iżraelin, 4 ‘Intom stess rajtu x’għamiltilhom lill-Eġizzjani, sabiex inġorrkom fuq il-ġwienaħ tal-ajkli u nġibkom għandi. 5 Issa jekk tobdu kliemi f’kollox u żżommu l-patt tiegħi, żgur li ssiru l-poplu speċjali* tiegħi mill-popli kollha, għax l-art kollha hi tiegħi. 6 Issiru għalija saltna taʼ qassisin u poplu qaddis.’ Dan hu l-kliem li għandek tgħid lill-Iżraelin.”
7 Għalhekk, Mosè mar u ġabar lill-anzjani* tal-poplu u qalilhom il-kliem kollu li Ġeħova kien ikkmandah. 8 U n-nies kollha wieġbu b’fehma waħda: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.” Mosè minnufih mar jgħid it-tweġiba tal-poplu lil Ġeħova. 9 U Ġeħova qal lil Mosè: “Se niġi għandek fi sħaba sewda biex in-nies jisimgħu meta nkellmek, u biex dejjem ipoġġu l-fidi fik ukoll.” Imbagħad Mosè qal lil Ġeħova dak li qal il-poplu.
10 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Mur għand in-nies u qaddishom illum u għada, u huma jridu jaħslu ħwejjiġhom. 11 U jridu jkunu lesti għat-tielet jum, għaliex fit-tielet jum, jien, Ġeħova, se ninżel fuq il-Muntanja Sinaj quddiem għajnejn in-nies kollha. 12 Trid tagħmel limiti għan-nies mad-dawra kollha tal-muntanja, u tgħidilhom, ‘Oqogħdu attenti, titilgħux fuq il-muntanja jew taqbżu l-limiti tagħha. Jekk xi ħadd imiss il-muntanja żgur li jinqatel. 13 U lil min jagħmel hekk ħadd m’għandu jmissu, imma għandhom iwaddbulu l-ġebel jew iniffduh.* Sew jekk tkun bhima u sew jekk ikun bniedem, ma jibqax ħaj.’ Imma meta jindaqq il-qarn tal-muntun, ikunu jistgħu jersqu lejn il-muntanja.”
14 Imbagħad Mosè niżel minn fuq il-muntanja għal ħdejn in-nies, u beda jqaddishom, u huma ħaslu ħwejjiġhom. 15 Hu qal lin-nies: “Lestu ruħkom għat-tielet jum. M’għandux ikollkom x’taqsmu sesswalment.”*
16 U filgħodu fit-tielet jum, kien hemm ir-ragħad u s-sajjetti, u fuq il-muntanja kien hemm sħaba ħoxna u ħoss qawwi ħafna taʼ qarn. U n-nies kollha li kienu kkampjati bdew jirtogħdu. 17 Issa Mosè ħareġ lin-nies minn fejn kienu kkampjati biex jiltaqgħu mal-Alla l-veru, u huma qagħdu n-naħa t’isfel tal-muntanja. 18 Il-Muntanja Sinaj kollha bdiet iddaħħan għax Ġeħova niżel fuqha fin-nar. Id-duħħan tagħha kien tielaʼ ’l fuq bħad-duħħan taʼ forn, u l-muntanja kollha kienet qed titheżżeż ħafna. 19 Hekk kif il-ħoss tal-qarn kompla jitqawwa, Mosè tkellem u l-Alla l-veru wieġbu.
20 Għalhekk, Ġeħova niżel fuq il-quċċata tal-Muntanja Sinaj. Imbagħad Ġeħova għajjat lil Mosè biex jitlaʼ fuq il-quċċata tal-muntanja, u Mosè telaʼ. 21 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Inżel u wissi lin-nies biex ma jipprovawx jersqu lejja, Ġeħova, sabiex jarawni, inkella ħafna minnhom imutu. 22 U l-qassisin li regolarment jersqu qrib tiegħi, Ġeħova, iridu jqaddsu lilhom infushom, biex jien, Ġeħova, ma noqtolhomx.” 23 Mosè mbagħad qal lil Ġeħova: “In-nies ma jistgħux jitilgħu fuq il-Muntanja Sinaj, għaliex int diġà wissejtna u għedtilna, ‘Agħmlu limiti mad-dawra kollha tal-muntanja u qaddsuha.’” 24 Madankollu, Ġeħova qallu: “Mur, inżel, u erġaʼ itlaʼ, int u Aron miegħek, imma tħallix lill-qassisin u lin-nies jersqu biex jitilgħu ħdejja, Ġeħova, sabiex ma noqtolhomx.” 25 Għalhekk, Mosè niżel ħdejn in-nies u qalilhom.