Proverbji
1 Il-proverbji taʼ Salamun it-tifel taʼ David, ir-re t’Iżrael:
2 Dawn il-proverbji jgħallmuk* u jagħmluk għaref;
Dawn jgħinu lil dak li jkun jifhem il-kliem taʼ min hu għaref;
3 Biex jaċċetta d-dixxiplina li tgħinu jkun għaref,
Ikun jaf x’inhu tajjeb, jaf jieħu deċiżjonijiet tajbin,* u jkun onest;
4 Dawn huma miktubin biex jgħinu lil min hu bla esperjenza jsir intelliġenti;
Biex żagħżugħ ikollu l-għaqal u jkun jistaʼ jifhem.
5 Xi ħadd għaref jismaʼ u jitgħallem iktar;
Raġel li kapaċi jifhem jingħata gwida tajba
6 Biex jifhem proverbji u qwiel* diffiċli,
Il-kliem tal-għorrief u l-ħaġa moħġaġa li jgħidu.
7 Biex wieħed ikollu l-għarfien l-ewwel irid ikollu rispett kbir lejn* Ġeħova.
Il-boloh biss jobogħdu l-għerf u d-dixxiplina.
8 Ibni, obdi mid-dixxiplina taʼ missierek,
U tinsiex dak li tgħallmek ommok.
9 Dawn huma bħal kuruna sabiħa fuq rasek
U bħal ġiżirana mill-isbaħ għal għonqok.
10 Ibni, jekk il-midinbin* jipprovaw iħajruk, iċċedix.
11 Jekk jgħidu: “Ejja magħna.
Ejja nistaħbew biex noqtlu lil xi ħadd.
Ejja nistaħbew biex noqtlu persuna innoċenti għall-gost.
13 Ejja nieħdu l-ġid kollu tagħhom.
Ejja nimlew id-djar tagħna b’dak li nisirqu.
15 Ibni, tmurx warajhom.
Anzi, żomm kemm jistaʼ jkun ’il bogħod minnhom.
16 Huma jiġru biex jagħmlu dak li hu ħażin;
Ħsiebhom biex joqtlu.
17 Żgur li għalxejn li tagħmel xibka fejn l-għasafar jistgħu jarawha.
18 Hu għalhekk li jistaħbew biex joqtlu;
Jistaħbew biex jieħdu l-ħajja t’oħrajn.
19 Hekk jagħmlu dawk li jisirqu biex isiru sinjuri,
U dak li jakkwistaw jeqirdilhom ħajjithom.
20 L-għerf veru hu bħal persuna li tgħajjat fit-triq.
Hi tibqaʼ tgħolli leħinha fil-pjazez.
21 Hi tgħajjat fil-kantunieri tat-toroq mimlijin nies.
F’bibien il-belt hi tgħid:
22 “Intom taʼ bla esperjenza, kemm se ddumu tħobbu l-bluha?
Intom li tħobbu twaqqgħu għaċ-ċajt, kemm se ddumu tieħdu pjaċir tagħmlu dan?
Intom il-boloh, kemm se ddumu tobogħdu l-għarfien?
Imbagħad jien nagħtikom l-għerf;*
Jien ngħallimkom kliemi.
24 Għax għajjattilkom, imma bqajtu tinjorawni,
Tajtkom idi, imma ħadd ma ta kas,
25 Bqajtu twarrbu l-pariri kollha tiegħi
U m’aċċettajtux il-korrezzjoni tiegħi.
26 Jien ukoll nidħaq meta jiġi fuqkom diżastru;
Inwaqqagħkom għaċ-ċajt meta jiġi fuqkom dak li tibżgħu minnu,
27 Meta dak li tibżgħu minnu jiġi bħal maltempata,
U d-diżastru jiġi bħal riefnu,
Meta l-inkwiet u l-problemi jiġu fuqkom.
28 Dak iż-żmien, se tibqgħu tgħajtuli għall-għajnuna, imma m’iniex se nwiġibkom;
Se tfittxuni bil-ħeġġa, imma m’intomx se ssibuni,
29 Għax intom tobogħdu l-għarfien,
U ma tirrispettawx lil* Ġeħova.
30 M’aċċettajtux il-pariri tiegħi;
U ma wrejtux rispett meta kkoreġejtkom.
31 Għalhekk, se tbatu l-konsegwenzi tal-għażliet tagħkom,
U se tixbgħu mill-pjanijiet* tagħkom stess.
32 Għax dawk taʼ bla esperjenza li jirribellaw se jmutu,
U l-boloh jinqerdu għax ma jimpurtahomx.
33 Imma min jismaʼ minni jgħix moħħu mistrieħ
U ma jinkwetax minħabba l-gwaj.”