Ġona
4 Imma Ġona xejn ma ħa pjaċir b’dan u rrabja ħafna. 2 Allura talab lil Ġeħova: “Ġeħova, kien għalhekk li jien kont qed ninkwieta meta kont f’pajjiżi. B’hekk għall-ewwel ħrabt lejn Tarsis, għax kont naf li int Alla qalbek tajba* u ħanin, ma tirrabjax malajr u turi ħafna mħabba u lealtà,* u ma tiħux pjaċir iġġib diżastru. 3 Jekk jogħġbok Ġeħova, ħudli ħajti, għax ikun aħjar li mmut milli nibqaʼ ħaj.”
4 Ġeħova staqsa: “Għandek għal xiex tirrabja daqshekk?”
5 Imbagħad Ġona ħareġ mill-belt u poġġa lejn in-naħa tal-Lvant tagħha. Hemmhekk għamel tinda biz-zkuk biex ikollu d-dell u jara x’se jiġri mill-belt. 6 Imbagħad Alla Ġeħova kabbar pjanta tal-qargħa bomblija* biex tagħmel id-dell fuq ras Ġona u tgħinu jħossu aħjar. Ġona ħa pjaċir ħafna bil-pjanta.
7 Imma l-għada qabel ma sebaħ, l-Alla l-veru bagħat dudu u dan attakka l-pjanta tal-qargħa bomblija u din nixfet. 8 Malli bdiet tielgħa x-xemx, Alla bagħat ukoll riħ jaħraq mil-Lvant, u x-xemx bdiet tisreġ fuq ras Ġona, u beda jħossu ma jiflaħx. Hu baqaʼ jitlob biex imut u jgħid: “Ikun aħjar li mmut milli nibqaʼ ħaj.”
9 Alla staqsa lil Ġona: “Għandek għal xiex tirrabja daqshekk minħabba l-pjanta tal-qargħa bomblija?”
Għal dan qallu: “Iva għandi għal xiex nirrabja. Tant jien irrabjat li rrid immut.” 10 Imma Ġeħova qallu: “Int iddispjaċiek għall-pjanta tal-qargħa bomblija, li la ħdimt għaliha u lanqas kabbartha. Din kibret f’lejl u mietet f’lejl. 11 M’għandix jien ukoll jiddispjaċini għal Ninwe l-belt il-kbira, fejn hemm iktar minn 120,000 ruħ li lanqas biss jafu jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin,* minbarra l-ħafna annimali li għandhom?”