LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jd kap. 13 pp. 165-178
  • “Xandru Dan Fost il-Ġnus”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Xandru Dan Fost il-Ġnus”
  • Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “IL-​FROTT TAʼ XOFFTEJNA, IVA, IL-​BARRIN ŻGĦAR TAT-​TIFĦIR”
  • IL-​MESSAĠĠ LI JRID JIXXANDAR
  • KIF IXXANDRU DAN IL-​MESSAĠĠ?
  • X’JIDDETERMINA S-​SUĊĊESS TIEGĦEK?
  • Il-Jum taʼ Ġeħova—Tema Vitali
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Profeti b’Messaġġi li Jistgħu Jeffettwawna
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Punti Prinċipali mill-Kotba taʼ Ġoel u Għamos
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġeħova—L-Alla li Jbassar u Jwettaq
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
Ara Iżjed
Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
jd kap. 13 pp. 165-178

Kapitlu Tlettax

“Xandru Dan Fost il-​Ġnus”

1. Għala l-​fatt li Ġeħova jkellem lill-​profeta tiegħu jistaʼ jiġi mxebbah maʼ ljun jgħajjat?

QATT smajt iljun jgħajjat? Jingħad li l-​għajta tiegħu hi iktar qawwija mill-​ħoss taʼ ġakkħamer. X’kont tagħmel kieku smajt iljun jgħajjat fil-​qrib fil-​ħemda tal-​lejl? X’aktarx li kont tirreaġixxi bla dewmien. Għamos, wieħed mit-​12-il profeta li qed nikkunsidraw il-​kitbiet tagħhom, uża din l-​analoġija: “Għajjat iljun! Min ma jibżax? Tkellem il-​Mulej Sovran Ġeħova! Min ma jipprofetizzax?” (Għamos 3:3-8) Kieku smajt lil Ġeħova jitkellem, ma kontx tirreaġixxi kif għamel Għamos? Hu aġixxa u pprofetizza immedjatament kontra l-​ġens taʼ Israel b’għaxar tribujiet.

2. (a) Kif tistaʼ timita lil Għamos sabiex twettaq l-​inkarigu biex tipprofetizza? (b) X’se nikkunsidraw f’dan il-​kapitlu?

2 Forsi tgħid, ‘Imma jien m’iniex profeta!’ Forsi tħoss li m’intix kwalifikat għaliex ma ħadt ebda taħriġ formali biex tkun profeta. Madankollu, ftakar f’Għamos. Meta ġie wiċċ imbwiċċ mal-​qassis Amażija, li kien iqim lill-​għoġol, Għamos qal: “Jien la kont profeta u lanqas iben profeta; imma kont ragħaj u noqros it-​tin tas-​siġar tal-​ġummajż.” (Għamos 7:14) Għalkemm kien ġej minn familja umli, Għamos kien lest li jwettaq l-​inkarigu tiegħu bħala profeta għal Ġeħova. Xi ngħidu għalik? Tirrealizza int li ngħatajt inkarigu li f’xi aspetti huwa simili għal dak tat-​12-il profeta? Għandek kemm ixxandar il-​messaġġ t’Alla għal-​lum kif ukoll tgħallem u tagħmel dixxipli. Kif tħares lejh dan l-​inkarigu serju? X’inhu l-​messaġġ li għandek ixxandar fost il-​ġnus? Kemm qed twettqu bir-​reqqa dan l-​inkarigu? X’inhu li jiddetermina jekk xogħlok hux qed jirnexxi? Ejja nikkunsidraw it-​tweġibiet.

“IL-​FROTT TAʼ XOFFTEJNA, IVA, IL-​BARRIN ŻGĦAR TAT-​TIFĦIR”

3. Kif tistaʼ tkun involut f’xogħol simili għal dak tal-​profeti li qed nistudjaw il-​kitbiet tagħhom?

3 Int tassew involut f’xogħol bħal dak tal-​profeti? Forsi ma smajtux jgħajjat l-​iljun fis-​sens li ġejt imnebbaħ direttament minn Ġeħova. Iżda, mill-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, smajt il-​messaġġ urġenti dwar il-​jum taʼ Ġeħova li ġej dalwaqt. Kif rajna fl-​ewwel kapitlu taʼ dan il-​ktieb, il-​kliem “profeta” u “profetiku” għandu diversi tifsiriet. Għalkemm forsi m’intix profeta fis-​sens li kien Għamos jew il-​profeti tal-​qedem l-​oħrajn, xorta tistaʼ titkellem dwar il-​futur. Kif? Tistaʼ xxandar il-​messaġġi profetiċi li studjajt mill-​paġni taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa, inkluż dawk tat-​12-il profeta. Issa hu ż-​żmien biex tagħmel proprju dan.

4. Il-​profezija taʼ Ġoel 2:28-32 f’liema sens qed titwettaq illum?

4 Ħares lejn il-​kwistjoni minn angolu ieħor. Alla Ġeħova qal lill-​profeta Ġoel dwar żmien meta nies taʼ kull xorta kellhom jipprofetizzaw, biex ngħidu hekk: “Wara dan irid iseħħ li jien inferraʼ l-​ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin, u wliedkom subien u bniet jipprofetizzaw. U x-​xjuħ tagħkom joħolmu ħolm. U ż-​żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.” (Ġoel 2:28-32) Nhar Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​appostlu Pietru applika din is-​silta għat-​tiswib taʼ l-​ispirtu qaddis fuq dawk li kienu miġburin f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm u għall-​ippridkar li sar wara taʼ “l-​affarijiet grandjużi t’Alla.” (Atti 1:12-14; 2:1-4, 11, 14-21) Issa kkunsidra żmienna. Il-​profezija taʼ Ġoel ilha jkollha t-​twettiq kbir tagħha minn kmieni fis-​seklu 20. Kristjani midlukin bl-​ispirtu—irġiel u nisa, xjuħ u żgħażagħ—bdew “jipprofetizzaw,” jiġifieri, ixandru “l-​affarijiet grandjużi t’Alla,” inkluż l-​aħbar tajba tas-​Saltna, issa stabbilita fis-​smewwiet.

5. (a) Liema privileġġ għandna lkoll? (b) Xi jfisser għalik li toffri “l-​barrin żgħar tat-​tifħir”?

5 Għalkemm m’humiex imnisslin mill-​ispirtu qaddis biex ikunu wlied Alla, dawk tal-​“folla kbira” taʼ “nagħaġ oħrajn” qed jgħidu lis-​segwaċi midlukin taʼ Ġesù Kristu: “Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.” (Rivelazzjoni 7:9; Ġwanni 10:16; Żakkarija 8:23) Sew jekk għandek it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fis-​smewwiet u sew jekk fuq l-​art, int għandek il-​privileġġ li toffri ‘l-​frott taʼ xofftejk, iva, il-​barrin żgħar tat-​tifħir.’ (Ħosea 14:2) Xi tfisser din l-​espressjoni fil-​profezija taʼ Ħosea? “Il-​barrin żgħar . . . kienu l-​aħjar annimali għall-​offerti taʼ radd il-​ħajr,” jgħid C. F. Keil, studjuż tal-​Bibbja. L-​appostlu Pawlu rrefera għal Ħosea 14:2 meta kiteb: “Ħa noffru dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-​frott tax-​xofftejn li jistqarru ismu pubblikament.” (Ebrej 13:15) Iva, l-​espressjoni “l-​barrin żgħar tat-​tifħir” tirreferi għall-​aqwanett taʼ xofftejna, il-​kliem li ngħidu biex infaħħru lil Ġeħova.

6. Għala għandna neżaminaw il-​kwalità tas-​sagrifiċċji taʼ tifħir tagħna?

6 Lil Ġeħova ġġiblu sagrifiċċji taʼ tifħir meta tgħidlu talb mill-​qalb, tagħmel kummenti t’apprezzament dwaru fil-​laqgħat Kristjani, u titkellem maʼ ħaddieħor bl-​entużjażmu fil-​ministeru pubbliku. Iżda, kull wieħed minna jistaʼ jistaqsi, ‘Meta nieħu sehem f’dawn l-​attivitajiet, xi tkun il-​kwalità taʼ l-​offerta tiegħi?’ Minn dak li studjajt, int bla dubju sirt tistmerr il-​qassisin taʼ żmien Malakija li minn jeddhom ħadu annimali difettużi fuq l-​artal t’Alla. Ġeħova, permezz taʼ Malakija, kellu jenfasizzalhom il-​kwalità inferjuri tas-​sagrifiċċji tagħhom, għax ma kinux iħossu li qed iżebilħu l-​mejda taʼ Ġeħova. (Malakija 1:8) Għaldaqstant, nagħmlu tajjeb li neżaminaw il-​kwalità tas-​sagrifiċċji tagħna biex inkunu ċerti li huma l-​aqwanett u mhux difettużi b’xi mod.

IL-​MESSAĠĠ LI JRID JIXXANDAR

7. Il-​kuraġġ hu meħtieġ biex inxandru liema aspett tal-​messaġġ doppju tagħna?

7 Il-​fatt li noffru “l-​barrin żgħar tat-​tifħir” fil-​ministeru jitlob il-​kuraġġ, hux hekk? Dan hu għaliex il-​messaġġ li nieħdu għand in-​nies hu doppju, u wieħed mill-​aspetti tiegħu żgur li mhux wieħed popolari. Il-​profeta Ġoel qal lin-​nies t’Alla: “Xandru dan fost il-​ġnus, ‘Ħejju għall-​gwerra! Qanqlu lill-​irġiel setgħanin! Ħa jersqu qrib! Ħa jitilgħu, l-​irġiel kollha tal-​gwerra!’” (Ġoel 3:9) Peress li dan japplika għal żmienna, xi sfida din għall-​ġnus! Hi dikjarazzjoni tal-​gwerra ġusta taʼ Ġeħova kontra n-​nies li jisfidaw lil Alla. Filwaqt li Ġeħova jgħallem lin-​nies tiegħu biex “jaħdmu sjufhom f’sikek tal-​moħriet u l-​lanez tagħhom fi skieken taż-​żabra,” hu jgħid lill-​ġnus għedewwa biex ‘jaħdmu s-​sikek tal-​moħriet tagħhom fi sjuf u s-​skieken taż-​żabra tagħhom f’lanez.’ (Mikea 4:3; Ġoel 3:10) Iva, l-​għedewwa t’Alla jridu jħejju ruħhom biex jiltaqgħu fi gwerra mal-​Ħallieq taʼ l-​univers. Dan il-​messaġġ li nwasslu żgur li ma jtaffix l-​uġigħ.

8. “Il-​fdal taʼ Ġakobb” għala hu mxebbah maʼ ljun?

8 Fil-​messaġġ tal-​profeta Mikea, dawk li joffru ‘l-​frott taʼ xofftejhom, il-​barrin żgħar tat-​tifħir’ huma mxebbhin maʼ ljun. Hu kiteb: “Il-​fdal taʼ Ġakobb ikun fost il-​ġnus . . . bħal iljun qalb il-​bhejjem tal-​foresta, bħal iljun b’saħħtu qalb l-​imrieħel tan-​nagħaġ li, meta jgħaddi, jgħaffeġ u jqattaʼ biċċiet; u ma jkunx hemm ħellies.” (Mikea 5:8) Għala din l-​analoġija? Fi żmienna, il-​poplu t’Alla, bil-​fdal midluk minn taʼ quddiem, irid juri kuraġġ bħal taʼ ljun biex ixandar il-​messaġġ taʼ twissija lill-​ġnus.a

9. (a) Meta jkollok bżonn turi kuraġġ bħal taʼ ljun? (b) Kif tistaʼ tkun kuraġġuż meta tħabbat wiċċek maʼ l-​oppożizzjoni jew l-​apatija?

9 Kuraġġuż int bħal iljun biex ixxandar l-​aspett taʼ twissija tal-​messaġġ? Għandu mnejn ikollok bżonn dan il-​kuraġġ mhux biss meta tidher quddiem nies li għandhom l-​awtorità imma wkoll meta titkellem maʼ sħabek taʼ l-​iskola jew tax-​xogħol jew maʼ qrabatek li m’humiex taʼ l-​istess twemmin. (Mikea 7:5-7; Mattew 10:17-21) Kif tistaʼ trabbi l-​kuraġġ meta tħabbat wiċċek maʼ l-​oppożizzjoni jew l-​apatija? Ismaʼ kif Mikea kellu l-​ħila jwettaq il-​biċċa xogħol formidabbli taʼ twissija dwar il-​qerda kemm tas-​Samarija u kemm taʼ Ġerusalemm: “Jien, mill-​banda l-​oħra, sirt mimli qawwa, ġustizzja, u setgħa bl-​ispirtu taʼ Ġeħova, sabiex ngħid lil Ġakobb l-​irvell tiegħu u lil Israel id-​dnub tiegħu.” (Mikea 1:1, 6; 3:8) Int ukoll tistaʼ ‘ssir mimli qawwa’ għaliex int ukoll tistaʼ tirċievi provvista abbundanti taʼ l-​ispirtu t’Alla li jagħti l-​qawwa. (Żakkarija 4:6) Billi tistrieħ fuq Alla bit-​talb, ikollok il-​ħila xxandar il-​kliem li jistaʼ jġiegħel il-​widnejn iżarżru.—2 Slaten 21:10-15.

10. Kif nistgħu nimitaw lil Sofonija meta nxandru l-​messaġġ dwar “il-​jum taʼ Ġeħova”?

10 Trid tkun kuraġġuż, imma għandek ukoll tuża t-​tattika meta tippreżenta l-​messaġġ taʼ twissija lin-​nies. Jeħtieġ li nkunu “ġentili [jew, “tattikużi”] maʼ kulħadd,” anki meta l-​messaġġ ikun dwar “il-​jum taʼ Ġeħova” li ġej dalwaqt. (2 Timotju 2:24; Ġoel 2:1, 11; Sofonija 1:14) Għal darb’oħra nistgħu nitgħallmu mit-​12-il profeta. Dawn xandru l-​messaġġi taʼ ġudizzju mingħand Ġeħova, u madankollu wrew konsiderazzjoni lejn dawk li kienu jagħtu widen. Per eżempju, il-​profeta Sofonija ma qagħadx idur mal-​lewża meta kellem lill-​prinċpijiet (jew, l-​uħud nobbli) taʼ żmienu li kellhom qalbhom iebsa, imma f’dik il-​kritika ma inkludiex lis-​Sultan Ġosija li kien leali. (Sofonija 1:8) Meta nxandru l-​messaġġ taʼ twissija, nistgħu aħna ngħinu lin-​nies billi nħarsu lejhom bħala wħud li jistgħu jkunu nagħaġ, mhux ikollna ħarsa negattiva lejhom?—Mattew 25:32-34.

11. (a) X’inhu t-​tieni aspett tal-​messaġġ doppju li nġorru? (b) Kif tistaʼ timita lit-​12-il profeta meta xxandar il-​jum taʼ Ġeħova?

11 X’inhu l-​aspett l-​ieħor tal-​messaġġ doppju li nġorru? Dan l-​aspett insibuh enfasizzat f’Mikea kapitlu 5. “Il-​fdal taʼ Ġakobb ikun f’nofs ħafna popli bħal nida mingħand Ġeħova, bħal ħalbiet spissi fuq il-​ħaxix, li la jittamaw fil-​bniedem u lanqas jistennew xejn minn ulied il-​bniedem taʼ l-​art.” (Mikea 4:1; 5:7) Peress li llum jieħdu l-​aħbar tajba lil “ħafna popli,” “il-​fdal” taʼ Ġakobb, jew Israel, spiritwali u sħabhom huma bħal “nida [rifreskanti] mingħand Ġeħova” u “ħalbiet spissi fuq il-​ħaxix.” Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​aħħar 12-il ktieb taʼ l-​Iskrittura Ebrajka dwar dan it-​tieni aspett tal-​messaġġ tagħna, ladarba dawk il-​profeti ma xandrux biss il-​qerda imma wkoll it-​tiġdid. Fil-​ministeru tiegħek, qed tenfasizza l-​aspett pożittiv tal-​messaġġ dwar il-​jum taʼ Ġeħova?

KIF IXXANDRU DAN IL-​MESSAĠĠ?

12, 13. (a) Xi jfisser li n-​nies t’Alla ġew imxebbhin maʼ qtajjaʼ taʼ insetti? (b) Kif tħossok dwar dak li taqra f’Ġoel 2:7, 8?

12 Allura, kif qed ixxandru dan il-​messaġġ doppju? Il-​profeta Ġoel xebbah ix-​xogħol tal-​poplu t’Alla maʼ serje taʼ kastigi bl-​insetti, inkluż il-​ġurati. (Ġoel 1:4) Imma għala ngħidu li n-​nies taʼ Ġeħova huma, minn daqs dawk affarijiet, bħal qtajjaʼ taʼ insetti? Għaliex, bħalma hemm f’Ġoel 2:11, Alla jidentifika lil dawn l-​insetti bħala “l-​qawwa militari tiegħu.” (In-nies t’Alla huma simbolizzati mill-​ġurati fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni wkoll. Ara Rivelazzjoni 9:3, 4.) Ix-​xogħol taʼ l-​insetti li ddeskriva Ġoel kien bħal nar li jiblaʼ u, minfejn għaddew, dak li deher qisu “l-​ġnien taʼ l-​Għeden” ġie mibdul f’“xagħri abbandunat.” (Ġoel 2:2, 3) Kif tistaʼ turi li int konxju tas-​sinifikat dwar il-​profezija taʼ Ġoel?

13 Aħseb ftit kemm jaħdmu bir-​reqqa dawn il-​ħlejjaq ċkejknin. Ġoel poġġieha hekk: “Bħal irġiel setgħanin jiġru. Bħal gwerriera jitilgħu maʼ sur. U jmorru kull wieħed fi triqatu stess, u ma jbiddlux il-​mogħdijiet tagħhom. U ma jimbottawx lil xulxin. Bħal raġel b’saħħtu fi triqtu, jibqgħu sejrin; u jekk xi wħud jaqgħu saħansitra qalb il-​vleġeġ, l-​oħrajn ma jwarrbux minn triqithom.” (Ġoel 2:7, 8) Ebda “sur” t’oppożizzjoni ma jwaqqaf lilhom u lill-​kastig li kienu qed jikkaġunaw. “Jekk xi wħud jaqgħu saħansitra qalb il-​vleġeġ,” bħalma ġara fil-​każ taʼ xi Kristjani leali li nqatlu minn għedewwa oppressivi, oħrajn ikomplu bix-​xogħol, u jwettqu l-​missjoni li Ġeħova għandu għalihom. Determinat int li tibqaʼ taħdem fl-​inkarigu li xxandar il-​jum taʼ Ġeħova sakemm Alla jara li ġie mwettaq? Forsi saħansitra qed twettaq ix-​xogħol minflok xi Kristjani leali li mietu.

14. B’liema mod tistaʼ tikkontribwixxi biex ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar isir bir-​reqqa?

14 Ix-​xogħol bir-​reqqa hu fundamentali. Kif tistaʼ tikkontribwixxi personalment biex ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar isir bir-​reqqa bħalma hu deskritt fil-​profezija taʼ Ġoel? Billi tipparteċipa fil-​ministeru minn dar għal dar u mbagħad tmur lura biex tgħallem lil dawk li jkunu wrew xi interess. Ukoll, int terġaʼ tmur biex tikkuntattja lil dawk li ma tkunx sibthom id-​dar. B’hekk tkun qed turi li tifhem din id-​deskrizzjoni profetika. U meta tagħti xiehda lin-​nies fit-​triq, forsi tiltaqaʼ maʼ dawk li ma tistax tilħaqhom mod ieħor. Hawn metodu ieħor: Forsi tistaʼ tgħin lin-​nies fl-​inħawi tiegħek li immigraw minn pajjiżi oħrajn.b Qiegħed int għajnejk miftuħin għal dawn l-​opportunitajiet kollha, billi tikkontribwixxi biex ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar isir bir-​reqqa llum?

X’JIDDETERMINA S-​SUĊĊESS TIEGĦEK?

15. X’hemm taʼ min jinnotah dwar kif in-​nies wieġbu għall-​messaġġi tat-​12-il profeta?

15 Kif iwieġbu n-​nies għall-​messaġġ dwar il-​jum taʼ Ġeħova li jqanqal il-​biżaʼ? M’għandekx tissorprendi ruħek meta tiffaċċja l-​oppożizzjoni jew l-​apatija. Hekk ġralhom ħafna mill-​profeti t’Alla, li l-​biċċa l-​kbira minnhom kellhom iwasslu messaġġi taʼ twissija qawwijin. (Ġeremija 1:17-19; 7:27; 29:19) Minkejja dan, għadd taʼ profeti kellhom riżultati pożittivi! Taʼ l-​inqas ħamsa minnhom—Ġona, Mikea, Sofonija, Ħaggaj, u Żakkarija—irnexxielhom iqanqlu l-​qlub taʼ xi nies biex jindmu mid-​dnubiet tagħhom tal-​passat u jbiddlu ħajjithom.

16. Xi frott taw l-​isforzi taʼ Mikea bħala profeta?

16 Ix-​xogħol taʼ Sofonija bħala profeta milli jidher qanqal lis-​Sultan Ġosija biex jibda jagħti l-​ħajja mill-​ġdid lill-​qima pura. Mikea xandar bil-​qlubija messaġġ taʼ ġudizzju kontra l-​kapijiet taʼ Ġuda, u l-​aġir tas-​Sultan Ħeżekija kien fi qbil mal-​kliem taʼ Mikea. (Mikea 3:1-3) Huwa taʼ interess li xi xjuħ taʼ żmien Ġeremija rreferew għal kif wieġeb Ħeżekija bħala eżempju tajjeb meta qalu li s-​sultan ‘beżaʼ minn Ġeħova u pprova jtaffilu l-​korla.’ (Ġeremija 26:18, 19; 2 Slaten 18:1-4) Meta kien qed imexxi Ħeżekija, in-​nies taʼ Ġuda u wħud li xtaqu mis-​saltna tat-​tramuntana ċċelebraw il-​Qbiż u l-​Festa tal-​Ħobż bla Ħmira, u saħansitra tawlu l-​festa b’ġimgħa iżjed. X’kien ir-​riżultat talli reġgħu lura lejn il-​qima vera? “Kien hemm hena kbir f’Ġerusalemm.” (2 Kronaki 30:23-26) Mikea kien beda jxandar il-​messaġġ taʼ kundanna t’Alla lill-​ġens apostata taħt is-​Sultan Aħaż. Madankollu, il-​profeta setaʼ jara l-​frott tajjeb taʼ l-​isforzi tiegħu meta Ħeżekija, bin Aħaż, wieġeb b’mod pożittiv.

17. Ħaggaj u Żakkarija x’kellhom il-​ħila jwettqu?

17 Ikkunsidra wkoll il-​profeti Ħaggaj u Żakkarija. Dawn qdew lil-​Lhud li marru lura lejn art twelidhom u li kienu saru apatetiċi u moħħhom fihom infushom. (Ħaggaj 1:1, 2; Żakkarija 1:1-3) Saż-​żmien meta ż-​żewġ profeti bdew bl-​inkarigi tagħhom kienu għaddew 16-il sena mindu tpoġġa l-​pedament tat-​tempju. In-​nies kienu qed ‘jiġru, kull wieħed biex jieħu ħsieb daru stess’ waqt li d-​dar taʼ Ġeħova kienet “mitluqa.” Ħaggaj qal lil-​Lhud: “‘Agħmlu l-​ħila, intom in-​nies kollha tal-​pajjiż,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘u aħdmu.’” Imbagħad x’ġara? Ġeħova “qanqal l-​ispirtu” tal-​Gvernatur Żerubbabel, il-​Qassis il-​Kbir Ġożwè, u “dawk kollha li kien fadal mill-​poplu.” B’hekk, setgħu jtemmu x-​xogħol fuq it-​tempju.—Ħaggaj 1:9, 12, 14; 2:4.

18, 19. (a) Xi nies f’xi pajjiżi kif qed iwieġbu għax-​xandir tal-​jum taʼ Ġeħova? (b) Kif se twieġeb int għall-​bżonn li jixxandar il-​messaġġ taʼ twissija lin-​nies kollha?

18 Il-​biċċa l-​kbira mit-​12-il profeta xandru messaġġi lill-​ġens li fil-​bidu kien dedikat lil Ġeħova. Forsi aħna qed nippridkaw lil nies li qatt ma kienu jafu lill-​Alla l-​veru, imma xorta nistgħu nitgħallmu mir-​riżultati taʼ l-​attivitajiet tal-​profeti. Illum, ukoll, f’ħafna territorji, xi nies qed iwieġbu għall-​messaġġ urġenti dwar il-​jum taʼ Ġeħova. Qed naraw riżultati bħal dawk imbassrin minn Żakkarija: “Ħafna ġnus se jintrabtu maʼ Ġeħova f’dak il-​jum, u huma jsiru l-​poplu tiegħi; u jien se ngħammar f’nofsok.” (Żakkarija 2:11) Bħalissa, f’sens letterali, in-​nies t’Alla qed isibu lil min iwieġeb fost “ħafna ġnus.” (Rivelazzjoni 7:9) Żakkarija bassar: “Ħafna popli u ġnus setgħanin se jiġu biex ifittxu lil Ġeħova taʼ l-​armati f’Ġerusalemm u biex ifittxu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.” Huma deskritti bħala “għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus” li kellhom jaqbdu tarf il-​libsa taʼ Israeli spiritwali, u jgħidu: “Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”—Żakkarija 8:20-23.

19 Innota r-​referenza għall-​“ilsna kollha tal-​ġnus.” Il-​Bibbja u letteratura Biblika qed jiġu tradotti b’ħafna lingwi, u x-​Xhieda taʼ Ġeħova qed iħarrġu ministri biex jgħallmu lin-​nies mill-​“ilsna kollha tal-​ġnus.” (Mattew 28:19, 20; Atti 1:8) Int forsi tgħallimt lingwa oħra biex tgħin lin-​nies fl-​inħawi tiegħek li jitkellmu dik il-​lingwa. U għadd mhux ħażin kienu lesti li jitgħallmu lingwa ġdida jew tnejn u li jmorru jgħixu f’pajjiżi fejn hemm ħafna li jwieġbu bil-​ħerqa għall-​aħbar tajba. Huwa possibbli għalik li tmur f’dawn it-​territorji produttivi, u b’hekk ‘ixxandar dan fost il-​ġnus’? Ikkunsidra dan bit-​talb. Jekk qed trabbi familja, iddiskuti spiss magħhom dwar il-​possibbiltà taʼ ċaqliqa bħal din, u b’dan il-​mod tkun qed iżżomm din il-​mira quddiem uliedek li qed jikbru.

20. Ġeħova ġibed l-​attenzjoni lejn liema attitudni rigward in-​nies taʼ Ninwe?

20 Profeta ieħor, li kellu udjenza li tatu widen, u li ma tantx kienet tidher li se tagħmel hekk, kien Ġona. L-​irġiel taʼ Ninwe, saħansitra s-​sultan stess, wieġbu b’mod favorevoli għall-​messaġġ taʼ Ġona u poġġew il-​fidi f’Ġeħova. Alla nnifsu staqsa: “M’għandux jiddispjaċini għal Ninwe l-​belt il-​kbira, li fiha hemm iktar minn mija u għoxrin elf bniedem li lanqas biss jafu d-​differenza bejn idhom il-​leminija u x-​xellugija?” (Ġona 4:11) Aħseb ftit dwar dan il-​kliem b’konnessjoni maʼ dak li jqanqlek biex ixxandar lil ħaddieħor il-​jum taʼ Ġeħova li jqanqal il-​biżaʼ. Tħossok midjun lejn Ġeħova talli salvak permezz tal-​fidwa? Għandek sens taʼ responsabbiltà bħala qaddej dedikat taʼ Ġeħova? (1 Korintin 9:16, 17) Dawn huma raġunijiet validi biex ixxandar il-​jum taʼ Ġeħova. Iżda, iżjed minn hekk, ‘jiddispjaċik’ int għan-​nies li xxandrilhom il-​jum taʼ Ġeħova? Kemm tistaʼ tkun hieni meta l-​ħniena bħal t’Alla tqanqlek biex tkellem lin-​nies dwar dak il-​jum!

21. X’tistaʼ titgħallem mill-​eżempju t’Għamos meta ttratta mat-​theddida t’Amażija?

21 Ma nafux ħafna dwar it-​tweġibiet li kellhom Ġoel, Għobadija, Naħum, Ħabakkuk, u Malakija. Imma nafu għallinqas tweġiba waħda li kellu Għamos. Amażija oppona lil Għamos bil-​qawwa u akkuża lill-​profeta b’konfoffa kontra s-​sultan u pprova jipprojbixxi lil Għamos milli jippriedka f’Betel. (Għamos 7:10-13) Għamos iffaċċja l-​oppożizzjoni bil-​kuraġġ. Illum, ukoll, xi reliġjonisti jistgħu jipprovaw jinfluwenzaw lil xi mexxejja politiċi biex jippersegwitaw lin-​nies taʼ Ġeħova jew saħansitra biex jipprojbixxu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħhom li jagħmel il-​ġid. Se timita int lil Għamos billi xxandar l-​aħbar tajba bil-​qlubija minkejja l-​oppożizzjoni?

22. Għala tistaʼ tgħid li l-​ministeru hu taʼ suċċess fit-​territorju tiegħek?

22 Għalkemm it-​12-il profeta kellhom tweġibiet differenti, ilkoll wettqu l-​inkarigu tagħhom. Il-​ħaġa importanti mhix li n-​nies iwieġbu għall-​messaġġ doppju li nwasslulhom, imma li nieħdu għand Ġeħova “l-​frott taʼ xofftejna, iva, il-​barrin żgħar tat-​tifħir,” is-​“sagrifiċċju taʼ tifħir” li hu l-​aqwanett tagħna. (Ħosea 14:2; Ebrej 13:15) Imbagħad nistgħu nħallu r-​riżultati f’idejn Alla. Hu se jiġbed lil dawk li huma verament nagħaġ. (Ġwanni 6:44) Barra minn hekk, jistaʼ jkollok suċċess bħala xandâr tal-​messaġġ divin, minkejja kif iwieġbu n-​nies. Tistaʼ tibqaʼ ċert li “s-​saqajn taʼ dak li qed iġib aħbar tajba, dak li qed ixandar il-​paċi,” huma sbieħ f’għajnejn dawk li jaċċettaw l-​aħbar tajba b’apprezzament. Imma iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, huma sbieħ f’għajnejn Ġeħova. (Naħum 1:15; Isaija 52:7) Bil-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova tant fil-​qrib, kun determinat li tibqaʼ tagħmel dak li bassar Ġoel għal żmienna: “Xandru dan fost il-​ġnus, ‘Ħejju għall-​gwerra! Qanqlu lill-​irġiel setgħanin!’” Dan ifisser il-​gwerra t’Alla kontra l-​ġnus.—Ġoel 3:9.

[Noti taʼ taħt]

a Din il-​profezija forsi kellha l-​ewwel twettiq tagħha matul il-​perijodu Makkabi meta l-​Lhud taħt il-​Makkabin keċċew lill-​għedewwa tagħhom minn Ġuda u reġgħu ddedikaw it-​tempju. Dan għamilha possibbli għal fdal mil-​Lhud biex jilqaʼ lill-​Messija meta deher.—Danjel 9:25; Luqa 3:15-22.

b Il-ktejjeb Good News for People of All Nations, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, qed jintuża b’suċċess biex jgħin lin-​nies li ma jitkellmux il-​lingwa prinċipali fl-​inħawi tiegħek.

FHIMT KOLLOX?

• Illum kif tistaʼ toffri ‘l-​frott taʼ xofftejk, iva, il-​barrin żgħar tat-​tifħir’?—2 Slaten 20:3; Malakija 1:11.

• Liema messaġġ doppju qed ixxandar?—Isaija 61:2; Mikea 5:7, 8.

• Għala għandek bżonn kuraġġ bħal taʼ ljun biex ixxandar il-​jum taʼ Ġeħova?—Ġeremija 1:19; Ġoel 3:9-12.

KIF TWIEĠEB?

• X’lezzjoni tistaʼ titgħallem mill-​fatt li n-​nies t’Alla jiġu mxebbhin maʼ qtajjaʼ taʼ insetti?—Ġoel 1:4; 2:3; Atti 20:24.

• Kif tistaʼ turi li int konxju tal-​bżonn li tagħmel il-​ministeru tiegħek bir-​reqqa?—Għamos 7:14, 15; Mikea 1:1-4; Atti 10:42.

• Għala tistaʼ tkun fiduċjuż li x-​xandir tiegħek dwar il-​jum taʼ Ġeħova hu taʼ suċċess f’għajnejn Alla?—Malakija 3:10.

[Stampa f’paġna 165]

Kif tirreaġixxi kieku tismaʼ ljun jgħajjat?

[Stampa f’paġna 166, 167]

In-​nies t’Alla ilhom “jipprofetizzaw” minn kmieni fis-​seklu 20 sa żmienna

[Stampa f’paġna 169]

Qiegħed int ixxandar il-​jum taʼ Ġeħova bil-​qlubija?

[Stampi f’paġna 172, 173]

Int jistaʼ jkollok suċċess fil-​ministeru tiegħek, minkejja kif iwieġbu n-​nies

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja