Ġenesi
45 Għal dan, Ġużeppi ma felaħx jikkontrolla lilu nnifsu iktar quddiem il-qaddejja tiegħu, u qalilhom b’leħen għoli: “Oħorġu minn quddiemi!” Ħadd iktar ma baqaʼ maʼ Ġużeppi waqt li hu qal lil ħutu min kien.
2 Imbagħad tant beda jibki jgħajjat li semgħuh l-Eġizzjani u dar il-Fargħun. 3 Fl-aħħar, Ġużeppi qal lil ħutu: “Jien Ġużeppi. Għadu ħaj missieri?” Imma ħutu ma setgħux iwiġbuh, għaliex kienu mħawdin. 4 Għalhekk, Ġużeppi qal lil ħutu: “Jekk jogħġobkom, ersqu lejja.” U resqu lejh.
Imbagħad qalilhom: “Jien ħukom Ġużeppi, li kontu begħtuni u ttiħidt l-Eġittu. 5 Imma issa tinkwetawx u twaħħlux f’xulxin għaliex begħtuni. Għax Alla bagħatni qabilkom biex intom tibqgħu ħajjin. 6 Din hi t-tieni sena taʼ ġuħ fuq l-art, u għad baqaʼ ħames snin oħra li fihom mhux se naħartu jew naħsdu. 7 Imma Alla bagħatni hawn minħabba fikom, sabiex tkunu meħlusin bil-kbir u l-familji tagħkom ma jinqerdux.* 8 Għalhekk, ma kontux intom li bgħattuni hawnhekk, imma l-Alla l-veru, biex jinkarigani bħala l-ogħla kap* tal-Fargħun, bħala sid fuq daru kollha, u bħala mexxej fuq l-art kollha tal-Eġittu.
9 “Fittxu itilgħu għand missieri, u għidulu, ‘Dan qal ibnek Ġużeppi: “Alla inkarigani sid fuq l-Eġittu kollu. Inżel għandi u ddumx. 10 U int tgħix fl-art taʼ Gosen, viċin tiegħi, flimkien mat-tfal u n-neputijiet tiegħek, l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar, u kulma għandek. 11 Jien nipprovdilek l-ikel hemmhekk, għax għad baqaʼ ħames snin taʼ ġuħ. Inkella int u dawk taʼ darek issiru foqra, u titlef kulma għandek.”’ 12 Intom u ħija Benjamin qed taraw b’għajnejkom stess li veru jien qed inkellimkom. 13 Għalhekk, għidu lil missieri bil-glorja tiegħi kollha fl-Eġittu u b’kulma rajtu. Issa fittxu niżżlu lil missieri hawnhekk.”
14 Imbagħad hu għannaq lil ħuh Benjamin u beka, u Benjamin beka mgħannaq miegħu. 15 U bies lil ħutu kollha, għannaqhom, u beka. Imbagħad qagħdu jitkellmu miegħu.
16 Meta l-Fargħun u dawk taʼ daru semgħu li ġew ħut Ġużeppi, il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kienu ferħanin. 17 U l-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Għid lil ħutek biex jgħabbu l-bhejjem tat-tagħbija tagħhom u jmorru fl-art taʼ Kangħan, 18 u jiġu għandi flimkien maʼ missierhom u n-nies taʼ darhom biex nagħtihom l-affarijiet tajbin tal-art tal-Eġittu, u jieklu mill-aħjar prodott tal-art. 19 U nikkmandak tgħidilhom ukoll biex jieħdu karrijiet mill-art tal-Eġittu għat-tfal u għan-nisa tagħhom, u jrikkbu lil missierhom fuq wieħed minnhom u jiġu hawnhekk. 20 U għidilhom biex ma joqogħdux jinkwetaw minħabba l-affarijiet li għandhom, għaliex l-aqwa affarijiet tal-art kollha tal-Eġittu huma tagħhom.”
21 U t-tfal t’Iżrael għamlu hekk, u Ġużeppi tahom karrijiet skont l-ordnijiet tal-Fargħun u tahom l-ikel għall-vjaġġ. 22 Lil kull wieħed minnhom tah tibdila ħwejjeġ, imma lil Benjamin tah 300 biċċa tal-fidda u ħames tibdiliet ħwejjeġ. 23 U lil missieru bagħatlu dawn l-affarijiet għall-vjaġġ: għaxart iħmir mgħobbijin b’affarijiet tajbin tal-Eġittu u għaxart iħmir nisa mgħobbijin biċ-ċereali,* ħobż, u ikel ieħor. 24 B’hekk, bagħat lil ħutu, u huma u sejrin qalilhom: “Tirrabjawx maʼ xulxin fit-triq.”
25 U telgħu mill-Eġittu u waslu fl-art taʼ Kangħan għand missierhom Ġakobb. 26 Imbagħad tawh l-aħbar: “Ġużeppi għadu ħaj, u hu qed imexxi fuq l-art kollha tal-Eġittu!” Imma Ġakobb ma tax kas, għaliex m’emminhomx. 27 Meta bdew jgħidulu dak kollu li qalilhom Ġużeppi u ra l-karrijiet li kien bagħat Ġużeppi biex iġorruh, missierhom Ġakobb beda jieħu r-ruħ. 28 U Iżrael qal: “Smajt biżżejjed biex nemmen! Ibni Ġużeppi għadu ħaj! Ħa mmur narah qabel immut!”