Eżodu
24 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Itlaʼ għandi m’Aron, Nadab u Abiħu, u 70 mill-anzjani* t’Iżrael, u milu mill-bogħod. 2 Mosè, int biss għandek tersaq lejja, Ġeħova, imma l-oħrajn m’għandhomx jersqu, u l-poplu m’għandux jitlaʼ miegħek.”
3 U Mosè mar u qal lin-nies il-kliem kollu taʼ Ġeħova u d-deċiżjonijiet ġudizzjali kollha, u n-nies kollha wieġbu b’leħen wieħed: “Aħna lesti li nagħmlu dak kollu li qal Ġeħova.” 4 Għalhekk, Mosè niżżel bil-miktub il-kliem kollu taʼ Ġeħova. Imbagħad qam kmieni filgħodu u fin-naħa t’isfel tal-muntanja bena artal u 12-il pilastru li jirrappreżentaw lit-12-il tribù t’Iżrael. 5 Wara dan, għażel xi rġiel Iżraelin żgħażagħ u dawn offrew offerti tal-ħruq u offrew barrin bħala sagrifiċċji tal-paċi lil Ġeħova. 6 Imbagħad Mosè ħa nofs id-demm u poġġieh fi skutelli, u l-bqija tad-demm raxxu fuq l-artal. 7 Imbagħad ħa l-ktieb tal-patt u qrah b’leħen għoli lin-nies. U huma qalu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qal Ġeħova u se nobduh.” 8 Għalhekk, Mosè ħa d-demm u raxxu fuq in-nies u qal: “Dan hu d-demm tal-patt li Ġeħova għamel magħkom fi qbil mal-kliem kollu li għadkom kemm smajtu.”
9 Mosè u Aron, Nadab u Abiħu, u 70 mill-anzjani t’Iżrael telgħu, 10 u raw lill-Alla t’Iżrael. U taħt saqajh kien hemm xi ħaġa li kienet qisha art magħmula miż-żaffir u kienet pura bħas-sema bla sħab. 11 Hu ma kkastigax lill-irġiel importanti t’Iżrael, avolja raw viżjoni tal-Alla l-veru u kielu u xorbu.
12 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Itlaʼ ħdejja fuq il-muntanja u oqgħod hemmhekk. Jien se nagħtik it-twavel tal-ġebel bil-liġijiet u l-kmandamenti li se nikteb fuqhom biex ngħallem il-poplu.” 13 Għalhekk, Mosè u l-qaddej tiegħu Ġożwè bdew telgħin il-muntanja. Imbagħad Mosè kompla tielaʼ fuq il-muntanja tal-Alla l-veru. 14 Imma lill-anzjani kien qalilhom: “Stennewna hawn sakemm niġu lura ħdejkom. Għandkom lil Aron u Ħur magħkom. Kull min ikollu każ legali, jistaʼ jmur għandhom.” 15 Imbagħad Mosè telaʼ fuq il-muntanja waqt li s-sħaba kienet qed tgħattiha.
16 Il-glorja taʼ Ġeħova baqgħet fuq il-Muntanja Sinaj, u s-sħaba għattietha għal sitt ijiem. Fis-sebaʼ jum hu għajjat lil Mosè minn nofs is-sħaba. 17 U għall-Iżraelin li kienu qed josservaw, il-glorja taʼ Ġeħova dehret bħal nar li jeqred fuq il-quċċata tal-muntanja. 18 Imbagħad Mosè daħal fis-sħaba u kompla tielaʼ fuq il-muntanja. U Mosè baqaʼ 40 jum u 40 lejl fuq il-muntanja.