Numri
16 Imbagħad Koraħ bin Isħar, bin Keħat, bin Levi, ingħaqad maʼ Datan u Abiram, it-tfal t’Eljab, u maʼ On bin Felet, mit-tfal taʼ Ruben. 2 Huma ħaduha kontra Mosè, u magħhom ingħaqdu 250 raġel Iżraeli li kienu kapijiet tal-ġemgħa, irġiel importanti u magħżulin tal-kongregazzjoni. 3 Għalhekk, inġabru kontra Mosè u Aron u qalulhom: “Dejjaqtuna! Il-ġemgħa kollha hi qaddisa u Ġeħova qiegħed f’nofsha. Allura, għala għandkom togħlew fuq il-kongregazzjoni taʼ Ġeħova?”
4 Meta semaʼ dan, Mosè minnufih inxteħet wiċċu fl-art. 5 Imbagħad qal lil Koraħ u lil dawk kollha li kienu qed jappoġġawh: “Filgħodu Ġeħova se juri min hu tiegħu u min hu qaddis u min għandu jersaq qribu. U lil kull min jagħżel, jersaq qribu. 6 Koraħ, int u dawk kollha li qed jappoġġawk ħudu reċipjenti għall-inċens 7 u għada poġġu n-nar fihom u qiegħdu l-inċens fuqhom quddiem Ġeħova, u r-raġel li jintgħażel minn Ġeħova, ikun il-qaddis. Issa qbiżtu l-limiti, tfal taʼ Levi!”
8 Mosè mbagħad qal lil Koraħ: “Jekk jogħġobkom isimgħu, tfal taʼ Levi. 9 Jaqaw mhu xejn għalikom li l-Alla t’Iżrael għażilkom minn fost il-ġemgħa t’Iżrael u ħalliekom tersqu qribu biex tagħmlu s-servizz tat-tabernaklu taʼ Ġeħova u biex toqogħdu quddiem il-ġemgħa ħalli taqduha? 10 Mhu xejn għalikom li ħadkom qrib tiegħu, lilek u lil ħutek kollha, tfal taʼ Levi? Issa qegħdin tipprovaw issiru qassisin ukoll? 11 Għal din ir-raġuni, int u dawk kollha li qed jinġabru miegħek biex jappoġġawk qed tiħduha kontra Ġeħova. Għax min hu Aron biex tgergru kontrih?”
12 Iktar tard, Mosè bagħat għal Datan u Abiram, it-tfal t’Eljab, imma huma qalu: “M’aħniex ġejjin! 13 Mhu xejn għalik li ħriġtna minn art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel biex toqtolna fid-deżert? Issa trid ukoll taħkem għalkollox fuqna?* 14 Kif juru l-fatti, int ma daħħaltniex f’xi art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, u lanqas tajtna bħala wirt xi għalqa jew xi qasam tad-dwieli. Jaqaw trid taqlaʼ għajnejn dawn in-nies? Aħna mhux ġejjin!”
15 Għalhekk, Mosè rrabja ħafna u qal lil Ġeħova: “Taċċettax l-offerta taċ-ċereali* tagħhom. Jien lanqas ħmar wieħed ma ħadtilhom, u m’għamilt ħsara lil ħadd minnhom.”
16 Imbagħad Mosè qal lil Koraħ: “Għada mur quddiem Ġeħova maʼ dawk kollha li jappoġġawk u Aron. 17 Kull wieħed għandu jieħu r-reċipjent għall-inċens tiegħu u jpoġġi l-inċens fuqu, u kull wieħed jippreżentah quddiem Ġeħova, 250 reċipjent għall-inċens, flimkien miegħek u m’Aron, kull wieħed bir-reċipjent għall-inċens tiegħu.” 18 Għalhekk, huma ħadu r-reċipjent għall-inċens tagħhom, poġġew in-nar u l-inċens fuqu, u qagħdu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa flimkien maʼ Mosè u Aron. 19 Meta Koraħ ġabar lil dawk li jappoġġawh fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, il-glorja taʼ Ġeħova dehret lill-ġemgħa kollha.
20 Ġeħova issa qal lil Mosè u lil Aron: 21 “Infirdu minn maʼ dan il-grupp, sabiex neqridhom f’ħakka t’għajn.” 22 Għal dan, huma nxteħtu wiċċhom fl-art u qalu: “Alla tagħna li tagħti l-ħajja lil kulħadd,* se tirrabja int kontra l-ġemgħa kollha minħabba d-dnub taʼ raġel wieħed biss?”
23 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 24 “Kellem lill-ġemgħa u għidilhom, ‘Warrbu minn madwar it-tined taʼ Koraħ, Datan, u Abiram!’”
25 Imbagħad Mosè qam u mar għand Datan u Abiram, u l-anzjani* t’Iżrael marru miegħu. 26 Hu qal lill-ġemgħa: “Jekk jogħġobkom, ersqu minn ħdejn it-tined taʼ dawn l-irġiel mill-agħar u tmissu xejn minn tagħhom, biex ma tinqerdux minħabba d-dnub tagħhom.” 27 Dawn telqu minnufih minn ħdejn it-tined taʼ Koraħ, Datan, u Abiram, minn kull naħa, u Datan u Abiram ħarġu u qagħdu fid-daħla tat-tined tagħhom, flimkien man-nisa u mat-tfal kbar u żgħar tagħhom.
28 Imbagħad Mosè qal: “B’dan li ġej se tkunu tafu li Ġeħova bagħatni nagħmel dawn l-affarijiet kollha u mhux minn rajja: 29 Jekk dawn in-nies imutu mewta naturali bħalma jmutu l-bnedmin kollha u jekk il-kastig tagħhom hu l-istess bħal tal-bnedmin kollha, allura Ġeħova ma bagħatnix. 30 Imma jekk Ġeħova jagħmel xi ħaġa mhux tas-soltu magħhom, u l-art tinfetaħ* u tiblaʼ lilhom u kulma għandhom u jinżlu ħajjin fil-Qabar,* tkunu tafu fiċ-ċert li dawn l-irġiel urew nuqqas taʼ rispett lejn Ġeħova.”
31 U malli spiċċa jgħid dan il-kliem kollu, l-art taʼ taħthom inqasmet. 32 U l-art infetħet* u belgħet lilhom, lil taʼ darhom, lin-nies kollha taʼ Koraħ, u l-affarijiet kollha tagħhom. 33 U niżlu ħajjin fil-Qabar* huma u dawk kollha li kienu tagħhom, u l-art għattiethom, u b’hekk inqerdu minn fost il-kongregazzjoni. 34 L-Iżraelin kollha li kienu madwarhom ħarbu meta semgħuhom iwerżqu, għax qalu: “Qed nibżgħu li l-art tiblaʼ lilna wkoll!” 35 Imbagħad ħareġ nar mingħand Ġeħova u ħaraq il-250 raġel li kienu qed joffru l-inċens.
36 Ġeħova issa qal lil Mosè: 37 “Għid lil Elegħażar bin Aron il-qassis biex jieħu r-reċipjenti għall-inċens minn ġon-nar, għax huma qaddisin. Għidlu wkoll biex iferrex il-ġamar ftit ’il bogħod. 38 Ir-reċipjenti għall-inċens tal-irġiel li dinbu, u b’hekk mietu,* għandhom isiru pjanċi rqaq tal-metall biex jiksu l-artal, għaliex huma ppreżentawhom quddiem Ġeħova, u b’hekk saru qaddisin. Dawn għandhom iservu bħala sinjal għall-Iżraelin.” 39 Għalhekk, Elegħażar il-qassis ħa r-reċipjenti għall-inċens tar-ram, li kienu ppreżentawhom dawk li nħarqu, u għamilhom pjanċi biex jinkesa l-artal, 40 bħalma Ġeħova kien qallu permezz taʼ Mosè. Dan kien biex ifakkar lill-Iżraelin li ebda individwu mhux awtorizzat* u li mhuwiex mill-familja t’Aron m’għandu jersaq biex jaħraq l-inċens quddiem Ġeħova, u li ħadd m’għandu jsir bħal Koraħ u dawk li appoġġawh.
41 L-għada stess, il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin bdiet tgerger kontra Mosè u Aron u tgħid: “Intom it-tnejn qtiltu n-nies taʼ Ġeħova.” 42 Meta l-ġemgħa kienet inġabret kontra Mosè u Aron, daru kollha lejn it-tinda tal-laqgħa, u s-sħaba għattietha, u bdiet tidher il-glorja taʼ Ġeħova.
43 Mosè u Aron marru quddiem it-tinda tal-laqgħa, 44 u Ġeħova qal lil Mosè: 45 “Warrbu minn nofs din il-ġemgħa, sabiex neqridhom f’ħakka t’għajn.” U dawn inxteħtu wiċċhom fl-art. 46 Imbagħad Mosè qal lil Aron: “Ħu r-reċipjent għall-inċens u poġġi fih in-nar minn fuq l-artal u poġġi fuqu l-inċens u mur malajr għand il-ġemgħa u agħmel tpattija għalihom, għax ħarġet rabja mingħand Ġeħova. Il-kastig beda!” 47 Aron ħa minnufih ir-reċipjent għall-inċens, bħalma kien qal Mosè, u telaq jiġri f’nofs il-kongregazzjoni, u l-kastig kien diġà beda fost in-nies. Għalhekk, poġġa l-inċens fir-reċipjent u beda jagħmel tpattija għan-nies. 48 Hu baqaʼ wieqaf bejn il-mejtin u l-ħajjin. U l-kastig fl-aħħar waqaf. 49 U mietu 14,700 bil-kastig, minbarra dawk li mietu minħabba Koraħ. 50 Aron mar lura għand Mosè fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa wara li l-kastig kien waqaf.