L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
26 Maż-żmien in-nies taʼ Żif marru għand Sawl f’Gibegħa u qalulu: “David qed jinħeba fuq l-għolja taʼ Ħakila, faċċata tal-Ġesimon.”* 2 Għalhekk, Sawl niżel lejn id-deżert taʼ Żif biex ifittex lil David bi 3,000 suldat b’saħħtu t’Iżrael. 3 Sawl ikkampja fuq l-għolja taʼ Ħakila, faċċata tal-Ġesimon, ħdejn it-triq. David kien qed jgħix fid-deżert, u sar jaf li Sawl kien mar ifittxu hemm. 4 Għalhekk, David bagħat xi spiji biex ikun ċert li Sawl veru kien mar. 5 Iktar tard, David mar fejn kien ikkampjat Sawl, u ra l-post fejn kienu reqdin Sawl u Abner bin Ner, il-kap tal-armata tiegħu. Sawl kien rieqed f’nofs il-kampijiet bis-suldati kkampjati madwaru. 6 Imbagħad David qal lil Aħimelek il-Ħitti u lil Abisaj bin Seruja u ħu Ġowab: “Min se jinżel miegħi ħdejn Sawl fil-kampijiet?” Abisaj wieġeb: “Jien ninżel miegħek.” 7 Għalhekk, David u Abisaj marru ħdejn is-suldati billejl, u sabu lil Sawl rieqed f’nofs il-kampijiet bil-lanza tiegħu mwaħħla fl-art ħdejn rasu. Abner u s-suldati kienu mimdudin madwaru.
8 Abisaj issa qal lil David: “Illum Alla tak l-għadu f’idejk. U issa jekk jogħġbok, ħallini nsammru mal-art b’daqqa taʼ lanza, u ma jkollix bżonn nagħtih oħra.” 9 Madankollu, David qal lil Abisaj: “Tweġġgħux, għax min jistaʼ jattakka l-magħżul* taʼ Ġeħova u jibqaʼ innoċenti?” 10 David kompla jgħid: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li jew joqtlu Ġeħova stess, jew jasal il-jum li jmut bħal ħaddieħor, jew imur għall-battalja u jiġi maqtul. 11 Meta nqis is-sitwazzjoni mill-ħarsa taʼ Ġeħova, ma jgħaddilix minn moħħi li nattakka l-magħżul* taʼ Ġeħova! Għalhekk, ejja nieħdu l-lanza li qiegħda ħdejn rasu u l-buqar tal-ilma u mmorru.” 12 Għalhekk, David ħa l-lanza u l-buqar tal-ilma minn ħdejn ras Sawl, u telqu. Ħadd ma rahom, induna bihom, jew qam. Huma kienu kollha reqdin, għaliex Ġeħova kien ġegħelhom jorqdu fil-fond. 13 Imbagħad David mar in-naħa l-oħra u qagħad fuq il-quċċata tal-muntanja ’l bogħod minn Sawl.
14 David għajjat lis-suldati u lil Abner bin Ner, u qal: “Abner, mhux se twiġibni?” Abner wieġeb: “Min int biex tgħajjat u ttellef lir-re?” 15 David qal lil Abner: “M’intix int raġel b’saħħtek? U min hu bħalek f’Iżrael? Allura għala ma qgħadtx għassa maʼ sidek ir-re? Għax ġie wieħed mis-suldati biex joqtol lil sidek ir-re. 16 Dak li għamilt mhux tajjeb. Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li ħaqqkom tmutu, għaliex ma qgħadtux għassa maʼ sidkom, il-magħżul* taʼ Ġeħova. Issa ħarsu madwarkom! Fejn huma l-lanza tar-re u l-buqar tal-ilma li kienu ħdejn rasu?”
17 Imbagħad Sawl għaraf leħen David u qallu: “Dan leħnek, ibni David?” David wieġbu: “Iva, sidi r-re.” 18 Hu żied: “Sidi, għala qed tiġri warajja, il-qaddej tiegħek? X’għamilt jien u taʼ xiex jien ħati? 19 Jekk jogħġbok sidi r-re, ismaʼ kliemi: Jekk hu Ġeħova li wasslek biex tiħodha kontrija, ħa jaċċetta* l-offerta taċ-ċereali* tiegħi. Imma jekk huma n-nies li wassluk biex tagħmel dan, huma misħutin quddiem Ġeħova, għaliex illum keċċewni u ma ħallewnix ngħix fil-wirt taʼ Ġeħova, u qaluli, ‘Mur aqdi allat oħrajn!’ 20 U issa tħallinix immut ’il bogħod minn Ġeħova, għax int, re t’Iżrael, ħriġt tfittex bergħud wieħed, bħallikieku qed tikkaċċja għasfur salvaġġ fuq il-muntanji.”
21 Għal dan Sawl qallu: “Jien dnibt. Ejja lura, ibni David. Mhux se nagħmillek iktar ħsara, għax int qist ħajti prezzjuża llum. Iva, jien aġixxejt taʼ iblah u għamilt żball kbir.” 22 David wieġeb: “Hawn hi l-lanza tar-re. Ħa jiġi wieħed miż-żgħażagħ u jiħodha. 23 Hu Ġeħova li se jrodd lil kull wieħed skont kemm hu ġust u leali, għax illum Ġeħova tak f’idejja, imma jien ma ridtx nattakka l-magħżul* taʼ Ġeħova. 24 Bħalma ħajtek kienet prezzjuża għalija llum, jalla ħajti wkoll tkun prezzjuża għal Ġeħova, u jalla jeħlisni minn kull inkwiet.” 25 Sawl wieġbu: “Jalla tkun imbierek, ibni David. Int żgur li se tagħmel affarijiet kbar u żgur li se tirnexxi.” Imbagħad, David telaq għal triqtu u Sawl mar lura lejn daru.