Imħallfin
19 F’dawk il-jiem meta ma kienx hemm re f’Iżrael, Levita li kien jgħix f’parti mbiegħda tar-reġjun muntanjuż t’Efrajm iżżewweġ mara minn Betlem taʼ Ġuda bħala l-konkubina tiegħu. 2 Imma l-konkubina tiegħu ma kinitx leali lejh, u telqitu u marret lejn dar missierha f’Betlem taʼ Ġuda. Hi baqgħet hemm erbaʼ xhur. 3 Imbagħad żewġha mar warajha biex jikkonvinċiha tmur lura. Miegħu kien hemm il-qaddej tiegħu u żewġt iħmir. Hi daħħlitu f’dar missierha u meta missierha rah, ħa pjaċir bih, 4 allura kkonvinċieh jibqaʼ miegħu tlett ijiem. Huma kienu jieklu u jixorbu, u hu kien iqattaʼ l-lejl hemmhekk.
5 Fir-rabaʼ jum, meta qamu kmieni biex jitilqu, missier iż-żagħżugħa qal lil ħatnu: “Kul xi ħaġa biex ikollok l-enerġija u mbagħad tistgħu tmorru.” 6 Għalhekk poġġew, u t-tnejn li huma kielu u xorbu flimkien. Wara dan, missier iż-żagħżugħa qal lir-raġel: “Jekk jogħġbok, qattaʼ l-lejl hawn u ħu pjaċir.” 7 Meta r-raġel qam biex jitlaq, il-kunjatu baqaʼ jitolbu bil-ħniena, u b’hekk reġaʼ qattaʼ l-lejl hemm.
8 Meta fil-ħames jum qam kmieni biex jitlaq, missier iż-żagħżugħa qal: “Jekk jogħġbok, kul xi ħaġa biex ikollok l-enerġija.” U qagħdu jitnikkru u jieklu sakemm kien kważi dalam. 9 Meta r-raġel qam biex jitlaq mal-konkubina u l-qaddej tiegħu, il-kunjatu qallu: “Ara, issa kważi sar filgħaxija. Jekk jogħġbok, ibqaʼ hawn dal-lejl. Issa kważi dalam. Oqgħod hawnhekk dal-lejl u ħu pjaċir. Għada qum kmieni għall-vjaġġ, u mur lura d-dar* tiegħek.” 10 Madankollu, ir-raġel ma riedx joqgħod lejl ieħor, allura qam u vvjaġġa sa Ġebus, jiġifieri Ġerusalemm. Miegħu kien hemm iż-żewġt iħmir, il-konkubina, u l-qaddej tiegħu.
11 Waqt li kienu qrib Ġebus, il-jum kien wasal fi tmiemu. Allura l-qaddej staqsa lil sidu: “Tgħid nieqfu f’din il-belt tal-Ġebusin u ngħaddu l-lejl fiha?” 12 Imma sidu qallu: “Aħjar ma niqfux f’belt barranija fejn m’hemmx Iżraelin. Se nibqgħu sejrin sa Gibegħa.” 13 Imbagħad qal lill-qaddej tiegħu: “Ejja nipprovaw naslu sa Gibegħa jew Rama u ngħaddu l-lejl f’post minnhom.” 14 Għalhekk, baqgħu sejrin fi triqithom, u x-xemx bdiet nieżla meta kienu qrib Gibegħa, li hi taʼ Benjamin.
15 Allura waqfu hemm u daħlu biex jgħaddu l-lejl f’Gibegħa. Meta daħlu, poġġew fil-pjazza tal-belt, imma ħadd ma daħħalhom f’daru biex jgħaddu l-lejl. 16 Fl-aħħar, dik il-lejla, raġel imdaħħal fiż-żmien ġie lura mix-xogħol tiegħu fl-għalqa. Hu kien mir-reġjun muntanjuż t’Efrajm u kien jgħix għal xi żmien f’Gibegħa, imma n-nies tal-belt kienu Benjamini. 17 Meta ra l-vjaġġatur fil-pjazza tal-belt, dan qallu: “Fejn sejjer, u minn fejn ġej?” 18 Hu wieġbu: “Aħna qed nivvjaġġaw minn Betlem taʼ Ġuda lejn parti mbiegħda tar-reġjun muntanjuż t’Efrajm, fejn noqgħod jien. Jien mort Betlem taʼ Ġuda u sejjer fid-dar taʼ Ġeħova,* imma ħadd ma daħħalni f’daru. 19 Għandna biżżejjed tiben u għalf għall-ħmir tagħna, u ħobż u nbid għalija, għall-mara, u għall-qaddej tagħna. Ma jonqosna xejn.” 20 Madankollu, ir-raġel imdaħħal fiż-żmien qal: “Ħa jkollok il-paċi! Ħalli f’idejja għal dak li għandek bżonn. Imma tgħaddix il-lejl fil-pjazza.” 21 Allura daħħlu f’daru u għalef il-ħmir. Imbagħad ħaslu saqajhom u kielu u xorbu.
22 Waqt li kienu qed jieħdu pjaċir, xi rġiel tal-belt li kienu mill-agħar, dawru d-dar u bdew isabbtu mal-bieb. Huma baqgħu jgħidu lir-raġel imdaħħal fiż-żmien, sid id-dar: “Oħroġ lir-raġel li ġie f’darek, biex nagħmlu s-sess miegħu.” 23 Għal dan, sid id-dar ħareġ barra u qalilhom: “Le ħuti, tagħmlux dan il-ħażen. Jekk jogħġobkom, dan ir-raġel hu mistieden f’dari. Tagħmlux din il-ħaġa taʼ mistħija. 24 Ħa nġibilkom it-tifla verġni tiegħi u l-konkubina tar-raġel, u abbużaw lilhom jekk determinati li tagħmlu hekk.* Imma tagħmlux din il-ħaġa taʼ mistħija lil dan ir-raġel.”
25 Imma l-irġiel ma ridux jisimgħuh, għalhekk ir-raġel qabad il-konkubina tiegħu u ħariġhielhom barra. Huma stuprawha u abbużawha l-lejl kollu sa filgħodu. Imbagħad bagħtuha meta beda jisbaħ. 26 Kmieni filgħodu, il-mara marret u waqgħet fid-daħla tad-dar tar-raġel fejn kien hemm sidha, u baqgħet hemmhekk sakemm sebaħ. 27 Meta sidha qam filgħodu u fetaħ il-bibien tad-dar biex ikompli l-vjaġġ, hu ra l-mara, il-konkubina tiegħu, mixħuta fid-daħla tad-dar b’idejha fuq l-għatba. 28 Għalhekk qalilha: “Qum; ejja mmorru.” Imma ma wiġbitux. Imbagħad poġġieha fuq il-ħmar u telaq lejn daru.
29 Meta wasal id-dar, hu qabad is-sikkina tal-biċċiera u qattaʼ lill-konkubina fi 12-il biċċa u bagħat biċċa f’kull territorju t’Iżrael. 30 Kull min ra dan qal: “Qatt ma ġrat jew rajna xi ħaġa bħal din minn dakinhar li l-Iżraelin ħarġu mill-art tal-Eġittu sal-lum. Ejja naħsbu fuqha, nieħdu parir, u niddeċiedu x’għandna nagħmlu.”