L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
4 Ir-Re Salamun mexxa fuq Iżrael kollu. 2 Dawn kienu l-uffiċjali ta’ pożizzjoni għolja* tiegħu: Għażarija bin Sadok kien il-qassis; 3 Eliħoref u Aħija t-tfal taʼ Sisa kienu s-segretarji; Ġeħosafat bin Aħilud kien ir-reġistratur; 4 Benaja bin Ġeħojada kien il-kap tal-armata; Sadok u Abjatar kienu qassisin; 5 Għażarija bin Natan kien fuq il-gvernaturi; Żabud bin Natan kien qassis u ħabib tar-re; 6 Aħisar kien jieħu ħsieb il-palazz; u Adoniram bin Għabda kien fuq dawk li r-re kkmanda biex jaħdmu għalih.
7 Salamun kellu 12-il gvernatur fuq Iżrael kollu, u dawn kienu jipprovdu l-ikel lir-re u lil taʼ daru. Kull wieħed kellu r-responsabbiltà li jipprovdi l-ikel xahar fis-sena. 8 Dawn kienu: Bin Ħur li kien jieħu ħsieb ir-reġjun muntanjuż t’Efrajm; 9 bin Deker li kien jieħu ħsieb Makas, Sagħlbim, Bet-xemex, u Elon-bet-ħanan; 10 bin Ħesed li kien jieħu ħsieb Arubbot (u wkoll Sokoh u l-art kollha taʼ Ħefer); 11 bin Abinadab li kien jieħu ħsieb l-għoljiet kollha taʼ Dor (Tafat bint Salamun saret martu); 12 Bagħna bin Aħilud li kien jieħu ħsieb Tagħnak, Megiddo, u Bet-segħan kollu, li jinsab ħdejn Saretan taħt Ġeżragħel, minn Bet-segħan s’Abel-meħola sar-reġjun tal-Ġokmegħam; 13 bin Geber li kien jieħu ħsieb Ramot-gilegħad (u wkoll l-irħula tat-tined taʼ Ġajir bin Manasse f’Gilegħad u r-reġjun tal-Argob fil-Basan: 60 belt kbira bis-swar u l-istaneg tar-ram); 14 Aħinadab bin Iddo li kien jieħu ħsieb Maħanajm; 15 Aħimgħas li kien jieħu ħsieb Naftali (hu żżewweġ lil Basemat, tifla oħra taʼ Salamun); 16 Bagħna bin Ħusaj li kien jieħu ħsieb Aser u Begħalot; 17 Ġeħosafat bin Paruħa li kien jieħu ħsieb Issakar; 18 Simgħi bin Ela li kien jieħu ħsieb Benjamin; 19 u Geber bin Uri li kien jieħu ħsieb l-art taʼ Gilegħad, li hi l-art taʼ Siħon ir-re tal-Amurrin u t’Għog ir-re tal-Basan. Kien hemm ukoll gvernatur fuq dawn il-gvernaturi l-oħrajn kollha.
20 Ġuda u Iżrael kienu daqs ir-ramel taʼ ħdejn il-baħar. Huma kellhom x’jieklu u x’jixorbu u kienu ferħanin.
21 Salamun mexxa fuq is-saltniet kollha mix-Xmara* sal-art tal-Filistin u sal-fruntiera tal-Eġittu. Dawn kienu jġibu t-taxxi u qdew lil Salamun tul ħajtu.
22 L-ikel taʼ kuljum għal Salamun kien 30 kor* dqiq fin u 60 kor dqiq, 23 għaxar baqriet imsemmnin, 20 baqra li jirgħaw, u 100 nagħġa, minbarra tipi differenti taʼ ċriev u għasafar imsemmnin. 24 Hu kien jikkontrolla kollox din in-naħa tax-Xmara,* minn Tifsa sa Gaża, inkluż ir-rejiet kollha fuq din in-naħa tax-Xmara. Hu kellu l-paċi fir-reġjuni kollha taʼ madwaru. 25 Kemm dam imexxi Salamun, Ġuda u Iżrael għexu fis-sigurtà, kulħadd bid-dielja u t-tina tiegħu, minn Dan sa Bir-xeba.
26 U Salamun kellu 4,000* stalla għaż-żwiemel tal-karrijiet tiegħu u 12,000 żiemel.*
27 Dawn il-gvernaturi pprovdew l-ikel lir-Re Salamun u lil kull min kien jiekol mal-mejda tiegħu. Kull wieħed kien responsabbli għax-xahar tiegħu u kien jagħmel ċert li ma jkun hemm xejn nieqes. 28 Kull wieħed kien jieħu wkoll xgħir* u tiben kull fejn kien hemm bżonn għaż-żwiemel, inkluż iż-żwiemel tal-karrijiet, skont ir-responsabbiltà tiegħu.
29 Alla ta lil Salamun ħafna għerf u dixxerniment, kif ukoll abbiltà kbira li jifhem daqskemm hemm ramel f’xatt il-baħar. 30 L-għerf taʼ Salamun kien bil-wisq iktar mill-għerf tan-nies kollha tal-Lvant u mill-għerf kollu tal-Eġittu. 31 Hu kien iktar għaref minn kwalunkwe bniedem ieħor, iktar għaref minn Etan l-Eżraħi u minn Ħeman, Kalkol, u Darda, it-tfal taʼ Maħol. Hu sar magħruf mal-popli kollha tal-madwar. 32 Hu kiteb* 3,000 proverbju u għamel 1,005 għanjiet. 33 Hu kien jitkellem dwar is-siġar, miċ-ċedru tal-Libanu saż-żuf* li jikber mal-ħajt. Kien jitkellem ukoll dwar l-annimali, l-għasafar,* l-annimali li jitkaxkru,* u l-ħut. 34 Nies minn kull poplu, inkluż rejiet mill-art kollha li semgħu b’għerfu, kienu jmorru għand Salamun biex jisimgħu l-għerf tiegħu.