Isaija
18 Ħażin għall-pajjiż tal-insetti li jvenvnu ġwinħajhom
Fir-reġjun tax-xmajjar tal-Etjopja!
2 Il-pajjiż qed jibgħat lil xi wħud bil-baħar
Biex jaqsmu l-ilmijiet bid-dgħajjes tal-papiru billi jgħid:
“Morru, messaġġiera ħfief,
Għand ġens b’nies twal u b’ġilda lixxa,
Għand poplu li jbeżżaʼ n-nies kullimkien,
Għand ġens b’saħħtu u rebbieħ,
Li l-pajjiż tiegħu qed jittiekel mix-xmajjar.”
3 Nies li toqogħdu mal-art kollha,
Dak li se taraw se jkun qisu arblu bħala sinjal fuq il-muntanji,
U se tisimgħu bħal ħoss taʼ qarn jindaqq.
4 Għax hekk qalli Ġeħova:
“Se nibqaʼ għall-kwiet u nħares lejn il-post* stabbilit tiegħi,
Se nħares b’mod kalm bħad-dawl tax-xemx li jsaħħan l-għelieqi,
U se nkun kwiet bħan-nida li toqgħod fis-sħana tal-ħsad.
5 Għax qabel il-ħsad,
Meta d-dwieli jarmu u l-għeneb isir,
Il-friegħi żgħar se jinqatgħu bil-minġel,
U r-rimjiet irqaq se jinqalgħu u jitneħħew.
6 Il-ġisem tagħhom se jitħalla għall-għasafar tal-priża tal-muntanji
U għall-bhejjem.
L-għasafar tal-priża se jqattgħu s-sajf jieklu minnhom,
U l-bhejjem kollha se jqattgħu żmien il-ħsad jieklu minnhom.
7 Dak iż-żmien se jingħata rigal lil Ġeħova tal-armati,
Mingħand ġens b’nies twal u b’ġilda lixxa,
Mingħand poplu li jbeżżaʼ n-nies kullimkien,
Mingħand ġens b’saħħtu u rebbieħ,
Li l-pajjiż tiegħu qed jittiekel mix-xmajjar.
Dar-rigal se jingħata fuq il-Muntanja Sijon, il-post li jissejjaħ bl-isem taʼ Ġeħova tal-armati.”