Isaija
17 Dan hu messaġġ taʼ ġudizzju kontra Damasku:
“Damasku mhux se tibqaʼ belt,
U se ssir ħerba.
2 Il-bliet t’Għarogħer se jkunu abbandunati;
Dawn se jsiru biss postijiet fejn l-imrieħel jimteddu
U ma jbeżżagħhom ħadd.
3 Il-bliet iffortifikati se jisparixxu minn Efrajm,
U s-saltna se tisparixxi minn Damasku;
Il-glorja taʼ dawk li jifdal mis-Sirja
Se tkun bħal dik tal-Iżraelin,”* jgħid Ġeħova tal-armati.
4 “Dakinhar, il-glorja taʼ Ġakobb se tonqos,
U l-ġisem b’saħħtu tiegħu se jirqaq.
5 Dan se jkun bħal meta xi ħadd jaħsad l-għelieqi taċ-ċereali*
U jiġbor is-sbul,
Bħal meta xi ħadd ilaqqat iċ-ċereali fil-Wied* taʼ Refajm.
6 Tilqit biss se jifdal.
Bħal meta tiġi mfarfra siġra taż-żebbuġ
U jifdal żewġ jew tliet żebbuġiet misjurin fil-fergħa l-iktar għolja tagħha,
U erbgħa jew ħamsa fil-friegħi li jagħmlu l-iktar frott,” jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael.
7 Dakinhar il-bniedem se jfittex l-għajnuna mingħand Dak li għamlu, u se jittama fil-Qaddis t’Iżrael. 8 Hu mhux se jittama fl-artali li għamel; u mhux se jittama fix-xogħol taʼ jdejh, la fl-arbli sagri* u lanqas fl-artali tal-inċens.
9 Dakinhar il-bliet iffortifikati tiegħu se jsiru bħal post abbandunat fil-bosk,
Bħal fergħa li ġiet abbandunata quddiem l-Iżraelin;
Se jkun hemm ħerba.
10 Għax int insejt l-Alla li jsalvak;
Int ma ftakartx fil-Blata tal-fortizza tiegħek.
Hu għalhekk li ħawwilt xtieli sbieħ,
U għamilthom maʼ fergħa taʼ stranġier.*
11 Matul il-ġurnata, int tagħmel ilqugħ madwar ix-xtieli tiegħek b’attenzjoni,
Filgħodu tara li ż-żrieragħ ikunu diġà qed jinbtu,
Imma mhux se jkun hemm ħsad meta tkun ma tiflaħx ħafna u jkollok uġigħ li ma jitfejjaqx.
12 Isimgħu l-konfużjoni taʼ ħafna popli!
Huma qed jitqallbu bħall-baħar!
Isimgħu l-istorbju tal-ġnus,
Li qed jagħmlu ħoss bħal taʼ ilmijiet b’saħħithom!
13 Il-ġnus se jagħmlu ħoss bħal taʼ ħafna ilmijiet.
Alla se jikkoreġihom u huma jaħarbu ’l bogħod,
Huma se jaħarbu bħalma r-riħ iġorr il-qoxra taż-żerriegħa fuq il-muntanji,
Huma se jaħarbu bħalma riħ b’saħħtu jġorr ħaxix niexef.
14 Filgħaxija, se jkun hemm it-twerwir.
Qabel ma jisbaħ, mhux se jkun hemm għedewwa.
Hekk se jiġrilhom dawk li qed iħarbtuna,
U dawk li qed jisirquna.