Eżodu
30 “Agħmel artal bħala post biex taħraq l-inċens. Agħmlu mill-injam tal-akaċja. 2 Għandu jkun kwadru, twil kubitu,* wiesaʼ kubitu, u għoli żewġ kubiti. Il-qrun tiegħu jkunu parti minnu. 3 Iksi l-wiċċ, il-ġnub kollha, u l-qrun tiegħu bid-deheb pur u agħmillu bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 4 Tagħmillu wkoll żewġ ħolqiet tad-deheb ’l isfel mill-bordura tiegħu fuq iż-żewġt iġnub faċċata taʼ xulxin. U fihom jidħlu l-lasti biex iġorruh. 5 Il-lasti agħmilhom mill-injam tal-akaċja u iksihom bid-deheb. 6 L-artal poġġih quddiem il-purtiera li qiegħda qrib l-arka tat-Testimonjanza, quddiem l-għatu li qiegħed fuq it-Testimonjanza, fejn se nidhirlek.
7 “Aron għandu jaħraq l-inċens ifuħ fuqu meta jipprepara l-lampi kull filgħodu. 8 Aron għandu jaħraq l-inċens anki meta jixgħel il-lampi bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Din hi offerta tal-inċens regolari quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. 9 Toffrux fuq dan l-artal inċens ipprojbit jew offerta tal-ħruq jew offerta taċ-ċereali,* u tferrgħux offerta tax-xorb fuqu. 10 U Aron irid jagħmel tpattija fuq il-qrun tal-artal darba fis-sena. Bi ftit mid-demm tal-offerta għad-dnub tat-tpattija, hu jagħmel tpattija għall-artal darba fis-sena matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. L-artal hu mill-iktar qaddis għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom.”
11 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 12 “Kull meta tagħmel ċensiment u tgħodd lit-tfal t’Iżrael, kull wieħed irid jagħti fidwa* għalih innifsu lili, Ġeħova l-Alla tagħkom. Dan isir sabiex ebda kastig ma jiġi fuqhom meta jiġu rreġistrati. 13 Dawk kollha li huma rreġistrati jridu jagħtu nofs xekel* skont ix-xekel tal-post qaddis.* Xekel hu daqs 20 gera.* Il-kontribuzzjoni għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom, hi nofs xekel. 14 Kull min hu rreġistrat u għandu minn 20 sena ’l fuq irid jagħti l-kontribuzzjoni għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom. 15 Is-sinjuri m’għandhomx jagħtu iktar minn nofs xekel* u l-foqra m’għandhomx jagħtu inqas minn dan bħala kontribuzzjoni għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom, biex issir tpattija għalihom infushom. 16 U ħu l-flus tal-fidda tat-tpattija mingħand l-Iżraelin u agħtihom għas-servizz tat-tinda tal-laqgħa, sabiex iservu bħala tifkira quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, għall-Iżraelin, biex issir tpattija għalihom infushom.”
17 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u qallu: 18 “Agħmel vaska u bażi għaliha tar-ram. Poġġiha bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal u itfaʼ l-ilma fiha. 19 Aron u t-tfal tiegħu jaħslu jdejhom u saqajhom hemm. 20 Meta jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew meta jersqu ħdejn l-artal biex jaqdu u jagħmlu offerti li jiġu maħruqin lili, Ġeħova l-Alla tagħkom, għandhom jinħaslu bl-ilma, għax inkella jmutu. 21 Huma jaħslu jdejhom u saqajhom, ħalli ma jmutux, u dan iservi bħala regola għalihom għal dejjem, għalih u għat-tfal tiegħu matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom.”
22 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 23 “Imbagħad ħu l-aqwa fwejjaħ: 500 xekel mirra magħquda, 250 xekel kannella tfuħ, 250 xekel qasab aromatiku, 24 500 xekel kassja, skont ix-xekel tal-post qaddis,* u ħinn* żejt taż-żebbuġa. 25 Minnhom agħmel żejt tad-dlik qaddis. Iridu jiġu mħalltin bis-sengħa.* Dan għandu jkun żejt tad-dlik qaddis.
26 “Idlek bih it-tinda tal-laqgħa, l-arka tat-Testimonjanza, 27 il-mejda u l-għodod kollha tagħha, il-gandlier u l-għodod tiegħu, l-artal tal-inċens, 28 l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu, u l-vaska u l-bażi tagħha. 29 U qaddishom biex isiru mill-iktar qaddisin. Kull min imisshom għandu jkun qaddis. 30 U idlek* lil Aron u lit-tfal tiegħu, u qaddishom biex jaqdu bħala qassisin għalija.
31 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Dan għandu jibqaʼ bħala żejt tad-dlik qaddis għalija matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. 32 M’għandux jindilek fuq nies oħrajn, u m’għandkomx tagħmlu taħlita bħalu. Hu xi ħaġa qaddisa. Għandu jibqaʼ bħala xi ħaġa qaddisa għalikom. 33 Kull min jagħmel żejt ifuħ bħalu u jqiegħed ftit minnu fuq xi individwu mhux awtorizzat* irid jiġi maqtul.’”*
34 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Ħu l-istess kwantità minn dawn il-fwejjaħ: qtar tal-istakte, inċens ifuħ, galbanu jfuħ, u inċens abjad pur. 35 Agħmel minnhom inċens. It-taħlita tal-ħwawar trid tkun imħallta bis-sengħa,* immellħa, pura, u qaddisa. 36 Itħan ftit minnha fi trab fin u poġġi ftit minnu quddiem it-Testimonjanza fit-tinda tal-laqgħa, fejn se nidhirlek. Dan l-inċens għandu jkun mill-iktar qaddis għalikom. 37 Ħadd m’għandu jagħmel l-inċens b’din it-taħlita biex jużah hu. Għandek tqisu bħala xi ħaġa qaddisa għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom. 38 Kull min jagħmel bħalu biex jieħu gost bir-riħa tiegħu jrid jiġi maqtul.”*