Ġożwè
11 Malli Ġabin ir-re taʼ Ħasor semaʼ b’dan, hu bagħat jgħid lil Ġobab ir-re taʼ Madon, lir-re taʼ Simron, lir-re t’Aksaf, 2 lir-rejiet li kienu fir-reġjun muntanjuż tat-Tramuntana, lil dawk fil-pjanuri* fin-Nofsinhar taʼ Kinneret, lil dawk fis-Sefela u fuq l-għoljiet taʼ Dor lejn il-Punent, 3 lill-Kangħanin lejn il-Lvant u l-Punent, lill-Amurrin, lill-Ħittin, lill-Pereżin, lill-Ġebusin fir-reġjun muntanjuż, u lill-Ħiwwin fin-naħa t’isfel tal-Ħermon fl-art taʼ Mispa. 4 Għalhekk, dawn ħarġu bl-armati kollha tagħhom, li kienu daqs ir-ramel f’xatt il-baħar, flimkien maʼ ħafna u ħafna żwiemel u karrijiet tal-gwerra. 5 Ir-rejiet kollha ftiehmu li jiltaqgħu, u kkampjaw flimkien ħdejn l-ilmijiet taʼ Merom biex jiġġieldu kontra Iżrael.
6 Għal dan, Ġeħova qal lil Ġożwè: “Tibżax minħabba fihom, għax għada bħal dal-ħin se nerħihom f’idejn Iżrael u intom teqirduhom. Liż-żwiemel tagħhom għandkom taqtgħulhom l-għerq taʼ saqajhom u l-karrijiet tagħhom għandkom taħarquhom.” 7 Ġożwè u l-gwerriera kollha attakkawhom għal għarrieda ħdejn l-ilmijiet taʼ Merom. 8 Imbagħad Ġeħova tahom f’idejn l-Iżraelin, u huma għelbuhom u ġrew warajhom sa Sidon il-Kbira, sa Misrefot-majm, u sal-Wied taʼ Mispe lejn il-Lvant, u qatluhom sakemm ma baqaʼ ħadd ħaj. 9 Wara dan, Ġożwè għamlilhom bħalma kien qallu Ġeħova: liż-żwiemel tagħhom qatgħalhom l-għerq taʼ saqajhom u l-karrijiet tagħhom ħaraqhom.
10 Iktar minn hekk, Ġożwè mbagħad mar lura u rebaħ lil Ħasor u qatel lir-re tagħha bix-xabla, għax Ħasor kienet fuq dawn is-saltniet kollha. 11 Hu attakka lil kull min* kien hemm fiha bix-xabla u qeridhom. Ma ħalla lil ħadd ħaj. Imbagħad ħaraq lil Ħasor. 12 Ġożwè rebaħ lil dawn ir-rejiet kollha u l-bliet tagħhom. Hu qeridhom għalkollox bħalma kien ikkmanda Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova. 13 Madankollu, mill-bliet kollha li kien hemm fuq l-għoljiet, l-Iżraelin ħarqu biss lil Ħasor. Din kienet l-unika waħda li ħaraq Ġożwè. 14 L-Iżraelin ħadu l-affarijiet kollha u l-bhejjem taʼ dawn il-bliet. Imma lin-nies kollha qatluhom bix-xabla sakemm qerduhom għalkollox. Ma ħallew lil ħadd ħaj. 15 Mosè kkmanda lil Ġożwè dak li kien ikkmandah Ġeħova, u Ġożwè hekk għamel. Hu ra li jagħmel kulma Ġeħova kien ikkmanda lill-qaddej tiegħu Mosè.
16 Ġożwè ħa din l-art kollha: ir-reġjun muntanjuż, in-Negeb kollu, l-art kollha taʼ Gosen, is-Sefela, l-Għaraba, u r-reġjun muntanjuż t’Iżrael u l-pjanura l-baxxa tiegħu, 17 mill-Muntanja Ħalak, li qiegħda viċin is-Segħir, sa Bagħal-gad fil-Wied tal-Libanu n-naħa t’isfel tal-Muntanja Ħermon. Hu rebaħ lir-rejiet kollha tagħhom u qatilhom. 18 Ġożwè dam mhux ħażin jiggwerra maʼ dawn ir-rejiet kollha. 19 Ma kienx hemm belt li għamlet paċi mal-Iżraelin ħlief il-Ħiwwin li kienu jgħixu f’Gibegħon. Lill-bliet l-oħrajn kollha ġġildulhom u rebħulhom. 20 Kien Ġeħova li ħalliehom iwebbsu rashom sabiex jiggwerraw kontra Iżrael u b’hekk jeqridhom mingħajr ebda ħniena. Huma kellhom jinqerdu għalkollox, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
21 F’dak iż-żmien, Ġożwè qered lill-Għanakin mir-reġjun muntanjuż, minn Ħebron, minn Debir, minn Għanab, mir-reġjun muntanjuż kollu taʼ Ġuda, u mir-reġjun muntanjuż kollu t’Iżrael. Ġożwè qered lilhom u lil bliethom għalkollox. 22 Ma kienx għad hemm Għanakin fl-art tal-Iżraelin. Baqgħu biss f’Gaża, Gat, u Asdod. 23 Għalhekk, Ġożwè ħa f’idejh l-art kollha, bħalma Ġeħova kien wiegħed lil Mosè. Ġożwè mbagħad taha bħala wirt lill-Iżraelin skont is-sehem tagħhom biex tiġi mqassma fost it-tribujiet tagħhom. U ma kienx hemm gwerer fl-art.