Eżodu
26 “It-tabernaklu għandek tagħmlu b’għaxar biċċiet drapp tat-tined tal-għażel fin, ħajt blu, suf vjola, u ħajt aħmar jgħajjat. Għandek tagħmilhom b’disinji taʼ kerubini rrakkmati. 2 Kull biċċa drapp tkun twila 28 kubitu* u wiesgħa erbaʼ kubiti. Id-drapp kollu għandu jkun l-istess qies. 3 Għaqqad ħames biċċiet drapp waħda m’oħra biex tiġi biċċa drapp kbira u agħmel l-istess bil-ħames biċċiet drapp l-oħra. Hekk ikollok biċċtejn drapp kbar. 4 Fuq kull biċċa drapp kbira, mat-tarf tal-ġenb, ħit ħoloq mill-ħajt blu sabiex it-tnejn ikunu jistgħu jingħaqdu flimkien. 5 Tagħmel 50 ħolqa fuq biċċa waħda mid-drapp tat-tined, u 50 ħolqa f’tarf il-biċċa l-oħra tad-drapp tat-tined sabiex ikunu faċċata taʼ xulxin fejn jingħaqdu. 6 Agħmel 50 ganċ tad-deheb u għaqqad id-drappijiet tat-tined ma’ xulxin bil-ganċijiet, u b’hekk isiru biċċa drapp waħda għat-tabernaklu.
7 “Int tagħmel ukoll biċċiet tad-drapp mix-xagħar tal-mogħoż għat-tinda taʼ fuq it-tabernaklu. Tagħmel 11-il biċċa drapp tat-tined. 8 Kull biċċa drapp trid tkun twila 30 kubitu, u wiesgħa erbaʼ kubiti. Il-11-il biċċa drapp iridu jkunu l-istess qies. 9 U minnhom għaqqad ħames biċċiet flimkien u agħmel l-istess bis-sitta l-oħra, u itwi min-nofs is-sitt waħda li tgħatti l-parti taʼ quddiem tat-tinda. 10 Agħmel 50 ħolqa fit-tarf taʼ waħda mid-drappijiet tat-tinda, fit-tarf nett tal-biċċa drapp kbira, u 50 ħolqa fit-tarf tal-biċċa drapp l-oħra fejn jingħaqdu flimkien. 11 Agħmel 50 ganċ tar-ram u poġġi l-ganċijiet fil-ħoloq u għaqqad id-drappijiet tat-tinda flimkien, u b’hekk isiru biċċa drapp waħda għat-tabernaklu. 12 U nofs dak li jifdal mid-drappijiet tat-tinda jrid jiddendel għal fuq in-naħa taʼ wara tat-tabernaklu. 13 Il-kumplament tat-tul tad-drappijiet tat-tinda jrid jiddendel għal fuq it-tabernaklu kubitu fuq kull naħa, biex ikun mgħotti.
14 “Trid tgħatti t-tinda wkoll b’materjal magħmul mill-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor meħjutin flimkien u fuqhom qiegħed materjal magħmul mill-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien.
15 “U agħmel frejms weqfin magħmulin minn twavel tal-injam tal-akaċja għat-tabernaklu. 16 Kull frejm ikun twil għaxar kubiti u wiesaʼ kubitu u nofs. 17 Kull frejm ikollu żewġ minċotti* mwaħħlin bi dritt xulxin. Hekk għandek tagħmilhom il-frejms kollha tat-tabernaklu. 18 Trid tagħmel 20 frejm għan-naħa tax-xellug* tat-tabernaklu.
19 “Trid tagħmel 40 pedestall tal-fidda b’toqba fihom taħt l-20 frejm: żewġ pedestalli taħt kull frejm għaż-żewġ minċotti tiegħu. 20 U għall-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, in-naħa tal-lemin,* agħmel 20 frejm 21 bl-40 pedestall tal-fidda b’toqba fihom: żewġ pedestalli taħt kull frejm. 22 Għan-naħa taʼ wara* tat-tabernaklu, tagħmel sitt frejms magħmulin mit-twavel. 23 U tagħmel żewġ frejms bħala pilastri għaż-żewġ kantunieri tan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu. 24 Dawn il-frejms għandu jkollhom żewġ twavel minn isfel sa fuq, li jmissu flimkien fejn hemm l-ewwel ħolqa. Għandhom ikunu hekk it-tnejn li huma u jifformaw iż-żewġ pilastri tal-kantunieri. 25 U jkun hemm tmien frejms bis-16-il pedestall tal-fidda b’toqba fihom: żewġ pedestalli taħt kull frejm.
26 “U agħmel lasti mill-injam tal-akaċja, ħamsa għall-frejms taʼ ġenb wieħed tat-tabernaklu, 27 ħamsa għall-frejms tal-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, u ħamsa għall-frejms tan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu. 28 U l-lasta tan-nofs, li tgħaddi minn nofs il-frejms, trid tkun minn tarf sa tarf.
29 “Trid tiksi bid-deheb il-frejms magħmulin mit-twavel, u tagħmlilhom ħoloq tad-deheb biex iżommu l-lasti, u tiksi l-lasti bid-deheb. 30 U tagħmel it-tabernaklu skont il-pjanta li wrejtek fuq il-muntanja.
31 “U agħmel purtiera minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. Trid issir bil-kerubini rrakkmati fiha. 32 Dendilha fuq erbaʼ kolonni tal-akaċja miksijin bid-deheb. Il-ganċijiet tagħhom għandhom ikunu tad-deheb. Il-kolonni jridu jitpoġġew fuq erbaʼ pedestalli tal-fidda b’toqba fihom. 33 U dendel il-purtiera mal-ganċijiet u qiegħed l-arka tat-Testimonjanza ’l ġewwa mill-purtiera. Il-purtiera tifred il-Qaddis mill-Iktar Qaddis. 34 Qiegħed l-għatu fuq l-arka tat-Testimonjanza fl-Iktar Qaddis.
35 “Trid tqiegħed il-mejda ’l barra mill-purtiera, bil-gandlier faċċata tal-mejda lejn ix-xellug tat-tabernaklu, u l-mejda tpoġġiha fin-naħa tal-lemin. 36 U agħmel purtiera għad-daħla tat-tabernaklu minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin minsuġin kollha flimkien. 37 Għall-purtiera tad-daħla, agħmel ħames kolonni tal-akaċja u iksihom bid-deheb. Il-ganċijiet tagħhom għandhom ikunu tad-deheb, u agħmel ħames pedestalli tar-ram bit-toqob fihom għall-kolonni.