L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
21 Iktar tard, David mar Nob għand Aħimelek il-qassis. Aħimelek beda jirtogħod meta ltaqaʼ maʼ David, u qallu: “Għala qiegħed waħdek, u m’għandek lil ħadd miegħek?” 2 David wieġeb lil Aħimelek il-qassis: “Ir-re kkmandani nagħmel xi ħaġa, imma qalli, ‘Tħalli lil ħadd ikun jaf b’dak li qabbadtek tagħmel u b’dak li kkmandajtek.’ Jien ftehemt maż-żgħażagħ tiegħi biex niltaqgħu f’ċertu post. 3 Issa jekk għandek ħames ħobżiet, agħtihomli, inkella agħtini dak li ssib.” 4 Imma l-qassis wieġeb lil David: “M’għandix ħobż normali, imma ħobż qaddis. Nagħtihulek bil-patt li ż-żgħażagħ żammew ’il bogħod min-nisa.”* 5 David wieġeb lill-qassis: “In-nisa żgur li żammejniehom ’il bogħod minna, l-istess bħal meta jien ħriġt għall-battalja drabi oħra. Jekk iż-żgħażagħ jibqgħu qaddisin f’inkarigu normali, kemm iktar għandhom ikunu qaddisin illum?” 6 Għalhekk, il-qassis tah il-ħobż qaddis, għaliex ma kienx hemm ħobż hemmhekk ħlief il-ħobż tal-preżenza. Dan kien tneħħa minn quddiem Ġeħova sabiex jitqiegħed ħobż frisk minfloku dakinhar stess.
7 Issa wieħed mill-qaddejja taʼ Sawl kien hemmhekk dakinhar, obbligat joqgħod quddiem Ġeħova. Hu kien jismu Duweg l-Edomi, il-kap tar-ragħajja taʼ Sawl.
8 Imbagħad David qal lil Aħimelek: “Għandek xi lanza jew xabla li tistaʼ tagħtini? Jien ma ħadtx ix-xabla jew l-armi tiegħi, għax l-inkarigu tar-re kien urġenti.” 9 Għal dan il-qassis qallu: “Hawn ix-xabla taʼ Gulija l-Filisti, li int qtilt fil-Wied* t’Elah, imgeżwra f’biċċa drapp wara l-efod.* Jekk tridha, ħudha, għaliex m’hemmx ħliefha.” David qallu: “M’hawnx xabla bħalha. Agħtihieli.”
10 Dakinhar David telaq u kompla jaħrab minn Sawl, u fl-aħħar wasal għand ir-Re Akis taʼ Gat. 11 Il-qaddejja t’Akis qalulu: “Dan mhux David, ir-re tal-pajjiż? Mhux dwaru kantaw waqt li żifnu u qalu,
‘Sawl qatel eluf,
U David għaxriet t’eluf’?”
12 David ħaseb dwar dak li qalu, u beda jibżaʼ ħafna mir-Re Akis taʼ Gat. 13 Għalhekk, għamilha taʼ miġnun quddiemhom. Hu beda jħażżeż fuq il-bibien tad-daħla tal-belt u jħalli l-bżieq nieżel mad-daqna. 14 Fl-aħħar Akis qal lill-qaddejja tiegħu: “Dar-raġel miġnun. Għalfejn ġibtuhuli? 15 Jaqaw m’għandix biżżejjed imġienen biex ġibtu lil dan jitbellah quddiemi? Għandu dan jidħol f’dari?”