Eżodu
7 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Għamiltek bħal Alla* għall-Fargħun, u ħuk Aron jitkellem għan-nom tiegħek bħala profeta. 2 Int għandek tirrepeti kulma se nikkmandak lil ħuk Aron, u hu jkellem lill-Fargħun, u dan jibgħat lill-Iżraelin minn pajjiżu. 3 U jien se nħalli lill-Fargħun iwebbes rasu,* u nagħmel ħafna sinjali u mirakli fl-art tal-Eġittu. 4 Imma l-Fargħun mhux se jismaʼ minnkom, u jien nuża l-qawwa tiegħi kontra l-Eġizzjani u nikkastigahom bil-kbir, u noħroġ il-poplu kbir tiegħi* Iżrael mill-art tal-Eġittu. 5 U l-Eġizzjani żgur li jkunu jafu li jien Ġeħova meta nuża l-qawwa tiegħi kontra l-Eġittu, u noħroġ lill-Iżraelin minn ġo nofshom.” 6 Mosè u Aron għamlu bħalma kien ikkmandahom Ġeħova. Għamlu preċiż hekk. 7 Mosè kellu 80 sena u Aron kellu 83 sena meta kellmu lill-Fargħun.
8 Ġeħova issa qal lil Mosè u lil Aron: 9 “Jekk il-Fargħun jgħidilkom biex tagħmlu miraklu, imbagħad għid lil Aron, ‘Aqbad il-bastun tiegħek u itfgħu fl-art quddiem il-Fargħun.’ U l-bastun isir serp kbir.” 10 Għalhekk, Mosè u Aron daħlu għand il-Fargħun u għamlu eżatt bħalma kien ikkmandahom Ġeħova. Aron tefaʼ l-bastun tiegħu fl-art quddiem il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu, u l-bastun sar serp kbir. 11 Madankollu, il-Fargħun ġabar lill-għorrief u lis-sħaħar. U l-qassisin tal-Eġittu li kienu jagħmlu l-maġija għamlu l-istess bil-maġija tagħhom. 12 Kull wieħed minnhom tefaʼ fl-art il-bastun tiegħu, u dawn saru sriep kbar, imma s-serp* t’Aron belaʼ s-sriep tagħhom. 13 Xorta waħda, il-Fargħun webbes rasu u ma semax minnhom, eżatt bħalma kien qal Ġeħova.
14 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Qalb il-Fargħun baqgħet l-istess u ma jridx jibgħat lin-nies. 15 Filgħodu mur għand il-Fargħun. Meta hu joħroġ ħdejn ix-Xmara Nil, oqgħod fit-tarf tagħha biex tiltaqaʼ miegħu hemm, u ħu miegħek il-bastun li kien inbidel f’serp. 16 U għidlu, ‘Ġeħova, l-Alla tal-Lhud, bagħatni għandek b’dan il-kliem: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqduni fid-deżert,” imma s’issa int għadek m’obdejtx. 17 Hekk jgħid Ġeħova: “B’dan tkun taf li jien Ġeħova. Ara! Bil-bastun li għandi f’idi se nolqot l-ilma tax-Xmara Nil, u l-ilma jsir demm. 18 U l-ħut li hemm fix-xmara jmut, u din tinten, u l-Eġizzjani ma jkunux jistgħu jixorbu minnha.”’”
19 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Għid lil Aron, ‘Aqbad il-bastun tiegħek u oħroġ idek lejn l-ilmijiet tal-Eġittu, ix-xmajjar, il-kanali,* l-għadajjar, u l-ħażniet tal-ilma kollha, sabiex isiru demm.’ Se jkun hemm id-demm fl-art kollha tal-Eġittu u anki fir-reċipjenti tal-injam u tal-ġebel.” 20 Minnufih Mosè u Aron għamlu bħalma kien ikkmanda Ġeħova. Aron għolla l-bastun u ta daqqa fuq l-ilma li kien hemm fix-Xmara Nil quddiem għajnejn il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu, u l-ilma kollu li kien hemm fix-xmara nbidel f’demm. 21 U l-ħut li kien hemm fix-xmara miet, u din bdiet tinten, u l-Eġizzjani ma setgħux jixorbu minnha. U l-ilmijiet kollha fl-art tal-Eġittu nbidlu f’demm.
22 Minkejja dan, il-qassisin tal-Eġittu għamlu l-istess bil-maġija misterjuża tagħhom, u b’hekk il-Fargħun kompla jwebbes rasu, u ma semax minn Mosè u Aron, eżatt bħalma kien qal Ġeħova. 23 Imbagħad, il-Fargħun mar lura f’daru, u dak li ra m’effettwah bl-ebda mod. 24 Għalhekk, l-Eġizzjani kollha bdew iħaffru madwar ix-Xmara Nil biex isibu l-ilma x’jixorbu, għax ma setgħux jixorbu minnha. 25 U għaddew sebat ijiem sħaħ mindu Ġeħova bidel l-ilma tax-Xmara Nil f’demm.