Ġob
42 Imbagħad Ġob wieġeb lil Ġeħova:
2 “Issa naf li int kapaċi tagħmel kollox,
M’hemm xejn li hu impossibbli għalik.
3 Int għedt, ‘Min hu dan li qed iqajjem id-dubji fuq il-pariri tiegħi
Mingħajr m’għandu għarfien biżżejjed?’
Għalkemm ma kontx nifhem,
Jien tkellimt dwar affarijiet tal-għaġeb wisq għalija, li ma nafx dwarhom.
4 Int għedt, ‘Jekk jogħġbok ismaʼ, u jien nitkellem.
Jien se nistaqsik, u int wiġibni.’
5 Jien kont smajt dwarek,
Imma issa qed narak b’għajnejja.
6 Jiddispjaċini għal dak li għedt,*
U għalhekk li se nindem billi noqgħod bilqiegħda fit-trab u l-irmied.”
7 Wara li Ġeħova kien qal dan il-kliem lil Ġob, Ġeħova qal lil Elifaż it-Temani:
“Jien irrabjat ħafna għalik u għaż-żewġt iħbieb tiegħek, għax intom m’għedtux il-verità dwari bħalma għamel il-qaddej tiegħi Ġob. 8 Għalhekk, aqbdu sebaʼ barrin u sebaʼ mtaten u morru għand Ġob, u offru sagrifiċċju tal-ħruq għalikom. U l-qaddej tiegħi Ġob jitlob għalikom. Jien żgur li se naċċetta t-talba tiegħu biex ma nikkastigakomx talli għedtu affarijiet bla sens, għax intom m’għedtux il-verità dwari bħalma għamel il-qaddej tiegħi Ġob.”
9 Għalhekk, Elifaż it-Temani, Bildad is-Suħi, u Sofar in-Nagħmati, marru u għamlu bħalma kien qalilhom Ġeħova. U Ġeħova aċċetta t-talba taʼ Ġob.
10 Wara li Ġob talab għal sħabu, Ġeħova neħħielu t-tbatija kbira li kien għaddej minnha. Ġeħova tah id-doppju taʼ kulma kellu qabel. 11 Ħutu kollha u l-ħbieb kollha li kellu marru għandu u kielu miegħu. Huma ddispjaċiehom għal dak li ġralu u farrġuh minħabba t-tbatija kollha li Ġeħova ħallieh jgħaddi minnha. Kull wieħed minnhom tah xi flus u ċurkett tad-deheb.
12 Għalhekk, Ġeħova bierek lil Ġob iktar minn qabel. Ġob kellu 14,000 nagħġa, 6,000 ġemel, 2,000 baqra,* u 1,000 ħmara. 13 Hu kellu sebaʼ subien u tlett ibniet oħra. 14 U l-ewwel tifla semmieha Ġemima, it-tieni Kesigħa, u t-tielet Keren-ħappuk. 15 Ma kienx hemm nisa sbieħ daqshom fil-pajjiż kollu, u missierhom tahom wirt flimkien maʼ ħuthom is-subien.
16 Wara dan, Ġob għex 140 sena. Hu ra lit-tfal tiegħu u lil dawk li ġew minnhom, sar-raba’ ġenerazzjoni. 17 Ġob għex ħajja twila u sodisfaċenti, u mbagħad miet.*