LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Eżekjel 1:1-48:35
  • Eżekjel

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Eżekjel
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Eżekjel

EŻEKJEL

1 Fil-ħames jum tar-rabaʼ xahar tas-sena 30,* meta kont fost il-poplu eżiljat ħdejn ix-Xmara Kebar, is-sema nfetħet u bdejt nara viżjonijiet mingħand Alla. 2 Fil-ħames jum tax-xahar, jiġifieri fil-ħames sena li r-Re Ġeħojakin kien eżiljat, 3 jien, Eżekjel,* irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova ħdejn ix-Xmara Kebar fl-art tal-Kaldin. Jien it-tifel tal-qassis Bużi. Hemmhekk irċivejt l-ispirtu* taʼ Ġeħova.

4 Jien u nħares, rajt riefnu qawwi ġej mit-Tramuntana, u kien hemm sħaba enormi u sajjetti li kienu mdawrin* b’dawl qawwi. F’nofs is-sajjetti kien hemm xi ħaġa li tixbah lill-metall imħallat bid-deheb u l-fidda. 5 Fihom kien hemm bħal erbaʼ ħlejjaq ħajjin,* u kull waħda kienet tidher bħal bniedem. 6 Kull ħliqa kellha erbaʼ wċuħ u erbaʼ ġwienaħ. 7 Saqajhom kienu dritti, u l-qiegħ taʼ saqajhom kien bħal taʼ barri żgħir,* u huma kienu qed ileqqu bħar-ram illostrat. 8 Dawn kellhom idejn bħal tan-nies taħt il-ġwienaħ tagħhom fuq l-erbaʼ naħat, u l-erbgħa li huma kellhom uċuħ u ġwienaħ. 9 Il-ġwienaħ tagħhom kienu jmissu maʼ xulxin. Ma kellhomx bżonn iduru meta jitilqu; l-erbgħa li huma kienu jmorru dritt ’il quddiem.

10 Wiċċhom kien jidher b’dan il-mod: Kull ħliqa kellha wiċċ taʼ bniedem, wiċċ taʼ ljun fuq il-lemin, wiċċ taʼ barri fuq ix-xellug, u wiċċ t’ajkla fuq wara. 11 Hekk kien jidher wiċċhom. Il-ġwienaħ tagħhom kienu miftuħin ’il fuq. Kull ħliqa kellha żewġt iġwienaħ li kienu jmissu maʼ xulxin u żewġt iġwienaħ li jgħattu ġisimhom.

12 L-erbgħa li huma kienu jmorru dritt ’il quddiem, kull fejn jidderiġihom l-ispirtu. Huma ma kellhomx bżonn iduru meta jitilqu. 13 Il-ħlejjaq ħajjin kienu jidhru bħal ġamar tan-nar jaqbad. Bejn kull ħliqa kien hemm xi ħaġa li tixbah lil torċi mixgħulin bin-nar u li kienet tiċċaqlaq ’il quddiem u lura. Min-nar kienu ħerġin is-sajjetti. 14 Meta l-ħlejjaq ħajjin kienu jmorru u jiġu, tant kienu jgħaġġlu li kienu jidhru bħal sajjetta.

15 Jien u nħares lejn il-ħlejjaq ħajjin, rajt rota mal-art ħdejn kull ħliqa ħajja b’erbaʼ wċuħ. 16 Ir-roti kienu jleqqu bħall-ħaġar tal-krisolitu, u l-erbgħa li huma kienu jidhru l-istess. Dawn kienu bħal rota msallba f’rota oħra. 17 Meta kienu jiċċaqalqu, huma setgħu jmorru lejn l-erbaʼ direzzjonijiet mingħajr il-bżonn li jduru. 18 Dawn ir-roti tant kienu għoljin li kienu xi ħaġa tal-għaġeb, u d-dawra taʼ barra taʼ kull rota kienet mimlija għajnejn. 19 Kull meta l-ħlejjaq kienu jiċċaqalqu, ir-roti kienu jiċċaqalqu magħhom, u meta l-ħlejjaq kienu jitilgħu ’l fuq mill-art, ir-roti wkoll kienu jitilgħu ’l fuq. 20 Huma kienu jmorru fejn jidderiġihom l-ispirtu t’Alla, kull fejn imur l-ispirtu. Ir-roti kienu jitilgħu ’l fuq magħhom, għax l-ispirtu li kien jidderieġi l-ħlejjaq ħajjin* kien jidderieġi r-roti wkoll. 21 Meta kienu jiċċaqalqu, dawn kienu jiċċaqalqu magħhom; u meta kienu jkunu weqfin, dawn kienu jkunu weqfin; u meta kienu jitilgħu ’l fuq mill-art, ir-roti kienu jitilgħu ’l fuq magħhom, għax l-ispirtu li kien jidderieġi l-ħlejjaq ħajjin kien jidderieġi r-roti wkoll.

22 Fuq ras il-ħlejjaq ħajjin kien hemm bħal ħġieġa impressjonanti u tleqq bħas-silġ. Din kienet kbira u kienet fuq il-ħlejjaq. 23 Huma kienu taħtha bi ġwinħajhom dritti, b’waħda tmiss mal-oħra. Il-ħlejjaq kollha kellhom żewġt iġwienaħ biex jgħattu naħa waħda taʼ ġisimhom u tnejn biex jgħattu n-naħa l-oħra. 24 Meta smajt il-ħoss taʼ ġwinħajhom, kien bħall-ħoss taʼ ħafna ilma, bħall-ħoss taʼ Dak li Jistaʼ Kollox. Meta kienu jiċċaqalqu, il-ħoss kien ikun bħal dik t’armata. Meta kienu jkunu weqfin, kienu jniżżlu ġwinħajhom.

25 Kien hemm leħen fuq il-ħġieġa taʼ fuq rashom. (Meta kienu jkunu weqfin, huma kienu jniżżlu ġwinħajhom.) 26 Fuq il-ħġieġa taʼ fuq rashom kien hemm xi ħaġa bħal ħaġra taż-żaffir, u din kienet tixbah lil tron. Bilqiegħda fuq it-tron kien hemm xi ħadd li jixbah lil bniedem. 27 U jien rajt kif kien jidher minn qaddu ’l fuq. Hu kien jidher ileqq bħall-metall imħallat bid-deheb u l-fidda, bħar-raġġi tan-nar. Minn qaddu ’l isfel kien jidher bħal nar. Madwaru kellu dija 28 bħal dik taʼ qawsalla fi sħaba f’ġurnata bix-xita. Hekk kienet tidher id-dija taʼ madwaru. Din kienet tixbah il-glorja taʼ Ġeħova. Meta rajtha, inżilt wiċċi mal-art u bdejt nismaʼ lil xi ħadd jitkellem.

2 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem,* qum fuq saqajk ħalli nkellmek.” 2 Meta kellimni Alla, l-ispirtu tiegħu daħal fija u qajjimni fuq saqajja biex inkun nistaʼ nisimgħu jkellimni.

3 Hu qalli: “Bin il-bniedem, qed nibagħtek għand il-poplu t’Iżrael, għand popli ribellużi* li rribellaw kontrija. Huma u missirijiethom ma waqfux jidinbu kontrija sal-lum. 4 Qed nibagħtek għand nies li huma insolenti u rashom iebsa, u għandek tgħidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’* 5 U huma żgur se jkunu jafu li kien hemm profeta fosthom, sew jekk jisimgħu u sew jekk ma jkunux iridu jisimgħu, għax huma nies ribellużi.

6 “Imma int, bin il-bniedem, tibżax minnhom, u tibżax minn dak li jgħidu, għalkemm int imdawwar bil-għollieq u x-xewk,* u tgħix qalb l-iskorpjuni. Tibżax minn dak li jgħidu u tibżax minnhom, għax huma nies ribellużi. 7 Għandek tgħidilhom dak li se ngħidlek, kemm jekk jisimgħuk u kemm jekk le, għax huma ribellużi.

8 “Bin il-bniedem, ismaʼ dak li se ngħidlek. Issirx ribelluż bħal dawn in-nies ribellużi. Iftaħ ħalqek u kul dak li se nagħtik.”

9 Meta ħarist, rajt lil xi ħadd ġej b’idu lejja, u f’idu kellu skroll miktub. 10 Meta fetħu quddiemi, kien miktub miż-żewġ naħat. Fuqu kellu għanjiet taʼ swied il-qalb, u kliem taʼ dwejjaq u taʼ biki.

3 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, kul dak li għandek quddiemek. Kul dan l-iskroll, u mur kellem il-poplu t’Iżrael.”

2 Allura ftaħt ħalqi, u tani l-iskroll biex nieklu. 3 U kompla jgħidli: “Bin il-bniedem, kul dan l-iskroll li qed nagħtik u imla żaqqek bih.” Allura bdejt nieklu, u togħmtu ħelu bħall-għasel.

4 Hu qalli: “Bin il-bniedem, mur f’nofs il-poplu t’Iżrael, u għidilhom dak li se ngħidlek. 5 Jien mhux qed nibagħtek għand poplu li jitkellem lingwa li ma tinftihemx u li int ma tafx, imma għand il-poplu t’Iżrael. 6 Mhux qed nibagħtek għand ħafna popli li jitkellmu b’lingwa li ma tinftihemx jew b’lingwa li int ma tafx, li l-kliem tagħhom ma tistax tifhmu. Kieku qed nibagħtek għandhom, huma jisimgħuk. 7 Imma l-poplu t’Iżrael mhux se jkunu jridu jisimgħu minnek, għax ma jridux jisimgħu minni. In-nies kollha t’Iżrael huma rashom iebsa u ma jridux jafu. 8 Jien għamiltek determinat u deċiż bħalhom.* 9 Moħħok għamilthulek bħad-djamant, iktar iebes miż-żnied. Tibżax u titwerwirx minnhom, għax huma nies ribellużi.”

10 Hu kompla jgħidli: “Bin il-bniedem, agħti kas u ismaʼ dak kollu li qed ngħidlek. 11 Mur fost l-eżiljati tal-poplu tiegħek u kellimhom. Għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,’* kemm jekk jisimgħu u kemm jekk ma jkunux iridu jisimgħu.”

12 Imbagħad l-ispirtu* ġarrni, u minn warajja smajt ħoss kbir u leħen li jgħid: “Jalla Ġeħova jiġi mfaħħar għall-glorja tiegħu minn fejn jgħix.” 13 Smajt il-ġwienaħ tal-ħlejjaq ħajjin li kienu qed iħabbtuhom maʼ xulxin, il-ħoss tar-roti taʼ ħdejhom, u ħoss kbir. 14 U l-ispirtu* ġarrni, u jien mort imdejjaq u rrabjat, u l-qawwa taʼ Ġeħova bdiet taħdem fuqi. 15 Allura mort għand in-nies li kienu fl-eżilju f’Tel-abib, għand dawk li kienu qed joqogħdu ħdejn ix-Xmara Kebar, u qgħadt hemm fejn kienu qed joqogħdu huma. Jien kont għadni mbellah u qgħadt fosthom sebat ijiem.

16 Meta għaddew is-sebat ijiem, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova:

17 “Bin il-bniedem, jien inkarigajtek bħala għassies għall-poplu t’Iżrael. Meta tismagħni nkellmek, int għandek twissihom għalija. 18 Meta ngħid lil xi ħadd ħażin, ‘Int żgur se tmut,’ imma ma twissihx u lanqas tavża l-ħażin biex ma jibqax jagħmel il-ħażen ħalli b’hekk jibqaʼ ħaj, hu jmut minħabba l-iżball tiegħu għax hu ħażin, imma se nżomm lilek responsabbli għad-demm tiegħu. 19 Imma jekk twissi lil xi ħadd ħażin u dan xorta jibqaʼ jagħmel il-ħażen u jibqaʼ fit-triq il-ħażina, hu se jmut għall-iżball tiegħu, imma int żgur li ssalva ħajtek.* 20 Imma meta xi ħadd ġust ma jibqax jagħmel dak li hu tajjeb u jagħmel dak li hu ħażin,* jien se npoġġi ostakli quddiemu, u hu jmut. Jekk ma twissihx, hu jmut għad-dnub tiegħu u l-affarijiet tajbin li jkun għamel jintesew, imma se nżomm lilek responsabbli għad-demm tiegħu. 21 Imma jekk tkun wissejt lil xi ħadd ġust biex ma jidnibx, u dan ma jidnibx, hu żgur li jibqaʼ ħaj għax ikun ġie mwissi, u int issalva ħajtek.”*

22 Hemmhekk ġiet fuqi l-qawwa taʼ Ġeħova, u hu qalli: “Qum, mur fil-pjanura tal-wied, u se nkellmek hemmhekk.” 23 Għalhekk, qomt u mort fil-pjanura tal-wied, u kien hemm il-glorja taʼ Ġeħova bħall-glorja li kont rajt ħdejn ix-Xmara Kebar, u nżilt wiċċi mal-art. 24 Imbagħad daħal fija l-ispirtu t’Alla u qajjimni fuq saqajja, u qalli:

“Mur id-dar tiegħek u ibqaʼ hemm. 25 Bin il-bniedem, lilek se jorbtuk bil-ħbula ħalli ma tkunx tistaʼ tmur f’nofshom. 26 U jien se nwaħħallek ilsienek mas-saqaf taʼ ħalqek, u int se ssir mutu u ma tkunx tistaʼ twissihom, għax huma nies ribellużi. 27 Imma meta nkellmek, se tkun tistaʼ terġaʼ titkellem, u għandek tgħidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’ Min irid jismaʼ, ħa jismaʼ, u min ma jridx jismaʼ, ma jismax, għax huma nies ribellużi.

4 “Bin il-bniedem, ħu briksa u qegħedha quddiemek. Fuqha naqqax il-belt taʼ Ġerusalemm. 2 Dawwarha b’assedju, ibni ħajt tal-assedju kontriha, tellaʼ kontriha rampa għall-assedju, agħmel kampijiet tas-suldati kontriha, u dawwarha b’magni li jeqirdu l-bibien u s-swar. 3 Ħu pjanċa tal-ħadid u qegħedha bħala ħajt tal-ħadid bejnek u bejn il-belt. Imbagħad ħares lejn il-belt, u din se tkun taħt assedju; int se tassedjaha. Dan hu sinjal għall-poplu t’Iżrael.

4 “Imbagħad għandek timtedd fuq ġenbek tax-xellug u tieħu fuqek il-ħtija tal-poplu t’Iżrael. Int se ġġorr il-ħtija tagħhom għall-ġranet kollha li se tkun mimdud fuq ġenbek. 5 U se jkollok tagħmel dan għal 390 jum, skont is-snin tal-ħtija tagħhom, u int se ġġorr il-ħtija tal-poplu t’Iżrael. 6 Meta tlestihom, għandek timtedd fuq ġenbek tal-lemin u se ġġorr il-ħtija tal-poplu taʼ Ġuda għal 40 jum. Se nagħtik ġurnata għal kull sena. 7 Int se tħares lejn l-assedju taʼ Ġerusalemm bil-kmiem imxammrin, u għandek tipprofetizza kontriha.

8 “Jien se norbtok bi ħbula ħalli ma tkunx tistaʼ ddur minn ġenb għal ieħor sakemm jgħaddu l-jiem kollha tal-assedju li se tagħmel.

9 “Għandek tieħu qamħ, xgħir,* ful, għads, millieġ,* u spelta u tqegħedhom f’kontenitur u minnhom tagħmel ħobż għalik innifsek. Int se tiekol dan sakemm iddum mimdud fuq ġenbek, 390 jum. 10 Int se tiżen u tiekol b’20 xekel* kuljum. Se tiekol f’ċertu ħinijiet.

11 “U ilma se tixrob bil-qies, parti minn sitta taʼ ħinn.* Se tixrob f’ċertu ħinijiet.

12 “Int se tiekol dan bħalma tiekol ftira tax-xgħir. Se taħmih quddiem għajnejhom billi tuża nar magħmul mill-ħmieġ niexef tan-nies.” 13 Ġeħova kompla jgħid: “Hekk se jieklu l-ħobż maħmuġ tagħhom l-Iżraelin fost il-popli li se nxerridhom fihom.”

14 Imbagħad jien għedt: “Mhux hekk, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox!* Jien minn mindu kont żgħir qatt ma tniġġist billi kilt* laħam t’annimal li nstab mejjet jew t’annimal li jkun tqattaʼ minn annimal ieħor, u qatt ma kilt laħam li mhuwiex nadif.”*

15 Allura qalli: “Tajjeb, jien se nħallik tuża d-demel tal-baqar minflok il-ħmieġ tal-bniedem, u se taħmi l-ħobż fuqu.” 16 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, jien qed innaqqas il-provvista tal-ikel* f’Ġerusalemm, u huma se jieklu b’ansjetà kbira l-porzjon tal-ħobż li jkunu wiżnu u se jixorbu mwerwrin l-ilma li jieħdu bil-qies. 17 Peress li se jonqoshom il-ħobż u l-ilma, huma se jħarsu lejn xulxin ixxokkjati u jispiċċaw fix-xejn minħabba l-iżball tagħhom.

5 “Bin il-bniedem, ħu xabla li taqtaʼ u użaha bħala mus taʼ barbier. Qaxxar xagħrek u d-daqna, u mbagħad ħu miżien, iżinhom, u qassamhom f’porzjonijiet. 2 Terz minnhom għandek taħarqu fin-nar f’nofs il-belt meta jgħaddu l-ġranet tal-assedju. Imbagħad għandek tieħu terz ieħor u tqattgħu bix-xabla madwar il-belt, u l-aħħar terz għandek ixxerrdu mar-riħ, u jien se nibgħat xabla għal warajhom.

3 “Għandek ukoll tieħu ftit mill-aħħar terz u tgeżwru fil-ħwejjeġ tiegħek. 4 U ħu ftit ieħor minnu u itfgħu fin-nar u aħarqu. Dan in-nar se jinfirex mal-poplu kollu t’Iżrael.

5 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* ‘Din hi Ġerusalemm. Jien poġġejtha f’nofs il-popli, imdawra bil-pajjiżi. 6 Imma hi rribellat kontra d-deċiżjonijiet ġudizzjali u l-liġijiet tiegħi, aġixxiet agħar mill-popli u l-pajjiżi taʼ madwarha. Għax in-nies tagħha rrifjutaw id-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u m’obdewx il-liġijiet tiegħi.’

7 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Peress li qlajtu iżjed inkwiet mill-popli kollha taʼ madwarkom, m’obdejtux il-liġijiet tiegħi, u ma żammejtux mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, imma minflok żammejtu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tal-popli kollha taʼ madwarkom, 8 jien, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, hekk ngħid: “Ġerusalemm, jien ġej kontrik u jien stess se nġib ġudizzju fuqek quddiem il-popli. 9 Jien se nagħmillek xi ħaġa li qatt m’għamiltha qabel u li qatt mhu se nerġaʼ nagħmilha, minħabba l-affarijiet moqżieża kollha li għamilt.

10 “‘“Għalhekk, il-ġenituri se jieklu t-tfal tagħhom f’nofsok, u t-tfal se jieklu lill-ġenituri tagħhom, u jien se nġib ġudizzju fuqek u se nxerred lill-kumplament f’kull direzzjoni.”’*

11 “‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid: ‘Peress li niġġist is-santwarju tiegħi bl-idoli moqżieża kollha tiegħek u bl-affarijiet diżgustanti kollha li għamilt, naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li jien ukoll se nwarrbek, m’iniex se nitħassrek, u m’iniex se nuri ħniena. 12 Terz min-nies tiegħek se jmutu bil-mard* jew bil-ġuħ f’nofsok. Terz ieħor se jmutu madwarek bix-xabla. U l-aħħar terz se nxerridhom maʼ kull direzzjoni, u se nibgħat xabla għal warajhom. 13 Imbagħad mhux se nibqaʼ rrabjat u inkorlat magħhom, u jien se nkun kuntent. U meta nkun sfogajt ir-rabja tiegħi magħhom, huma se jkollhom ikunu jafu li jien, Ġeħova, tkellimt għax irrid li jqimu lili biss.

14 “‘Jien se nagħmlek ħerba, u l-popli taʼ madwarek u kull min jgħaddi minn hemm se jwaqqgħuk għaċ-ċajt. 15 Meta jien b’rabja u korla niġġudikak u nikkastigak, se tiġi mwaqqgħa għaċ-ċajt, immaqdra, u se ssir eżempju taʼ twissija u xi ħaġa tal-biżaʼ għall-popli taʼ madwarek. Jien, Ġeħova, tkellimt.

16 “‘Jien se nibgħat kontra n-nies tiegħek vleġeġ qattiela tal-ġuħ biex jeqirduhom. Il-vleġeġ li se nibgħat se jagħmlukom ħerba. Il-ġuħ tagħkom se nagħmlu agħar, għax se nwaqqaf il-provvista tal-ikel.* 17 Se nibgħat fuq in-nies tiegħek il-ġuħ u l-bhejjem feroċi u se jħalluk bla tfal. Il-mard u l-qtil se jeqirduk, u jien se nġib xabla kontrik. Jien, Ġeħova, tkellimt.’”

6 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ħares lejn il-muntanji t’Iżrael u pprofetizza kontrihom. 3 Għandek tgħid, ‘Muntanji t’Iżrael, isimgħu dak li jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox lill-muntanji, lill-għoljiet, lix-xmajjar, u lill-widien: “Jien se nibgħat suldati bix-xabla kontrikom, u se jeqirdu l-postijiet għoljin tagħkom. 4 L-artali tagħkom se jitwaqqgħu, l-artali tal-inċens tagħkom se jitkissru, u n-nies tagħkom li se jinqatlu se nitfagħhom quddiem l-idoli moqżieża* tagħkom. 5 Se nitfaʼ l-iġsma mejtin tal-poplu t’Iżrael quddiem l-idoli moqżieża tagħhom, u se nxerred l-għadam tagħkom madwar l-artali tagħkom kollha. 6 Fil-postijiet kollha li toqogħdu, il-bliet se jsiru ħerba u l-postijiet għoljin se jitwaqqgħu u jitħallew ħerba. L-artali tagħkom se jitwaqqgħu u jitkissru, l-idoli moqżieża tagħkom se jispiċċaw fix-xejn, l-artali tagħkom tal-inċens se jitkissru, u x-xogħol kollu tagħkom se jinqered. 7 U dawk li jinqatlu se jaqgħu f’nofskom, u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.

8 “‘“Imma jien se nħalli fdal minnkom, għax ftit minnkom mhux se jmutu bix-xabla fost il-popli meta tinxterdu f’pajjiżi oħra. 9 U dawk li jibqgħu ħajjin se jiftakruni fost il-popli fejn se jittieħdu lsiera. Huma se jirrealizzaw li jien kelli qalbi maqsuma minħabba li ma kinux leali* u li abbandunawni. Huma kienu jixxennqu biex jaraw l-idoli diżgustanti tagħhom. Huma se jistħu mill-affarijiet ħżiena u moqżieża kollha li għamlu u se jobogħduhom. 10 Se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova u li meta heddidthom li se nġib dan id-diżastru fuqhom ma kienx paroli fil-vojt.”’

11 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Ċapċap idejk bil-biżaʼ, sabbat saqajk biex turi kemm int imdejjaq, u ħa jiddispjaċik għall-ħażen u l-affarijiet moqżieża kollha li għamel il-poplu t’Iżrael, għax huma se jmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard.* 12 Dak li se jkun ’il bogħod se jmut bil-mard, dak li se jkun qrib se jmut bix-xabla, u min jibqaʼ ħaj minn dawn l-affarijiet se jmut bil-ġuħ. Jien se nisfoga r-rabja tiegħi kontrihom. 13 U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta l-maqtulin tagħhom ikunu fost l-idoli moqżieża tagħhom, madwar l-artali kollha tagħhom, fuq kull għolja kbira, fuq il-qċaċet kollha tal-muntanji, taħt kull siġra b’saħħitha, u taħt il-friegħi tas-siġar kbar fejn għamlu offerti li jfuħu biex jikkalmaw lill-idoli moqżieża kollha tagħhom. 14 Jien se nuri l-qawwa tiegħi kontrihom u nagħmel lill-pajjiż art abbandunata, u l-postijiet fejn joqogħdu nagħmilhom iktar abbandunati mid-deżert qrib Dibla. U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’”

7 Erġajt irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* lill-pajjiż t’Iżrael, ‘Wasal it-tmiem, it-tmiem wasal fuq l-erbaʼ kantunieri tal-pajjiż. 3 Wasal it-tmiem fuqek, u jien se nisfoga r-rabja tiegħi miegħek, se niġġudikak skont kif qed iġġib ruħek, u se nitlob kont minnek għall-affarijiet moqżieża kollha li għamilt. 4 Jien mhux se nitħassrek u lanqas nurik ħniena, għax se nġiegħlek tħallas għal kif iġġib ruħek, u se tbati l-konsegwenzi għall-affarijiet moqżieża li għamilt. U se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.’

5 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Ġej diżastru, diżastru li qatt ma kien hawn bħalu. 6 Ġej it-tmiem. It-tmiem ġej u dan se jiġi fuqek f’daqqa waħda. Ara, ġej! 7 Int imissek,* int li tgħix fil-pajjiż. Daqt wasal iż-żmien, il-ġurnata qorbot. Fuq il-muntanji hemm konfużjoni, u mhux għajjat taʼ ferħ.

8 “‘Dalwaqt se nirrabja ħafna miegħek, u se nisfoga għalkollox ir-rabja tiegħi miegħek, se niġġudikak skont kif qed iġġib ruħek, u se nitlob kont minnek għall-affarijiet moqżieża kollha li għamilt. 9 Jien mhux se nitħassrek u lanqas nurik ħniena. Se nġiegħlek tħallas għal kif iġġib ruħek, u se tbati l-konsegwenzi għall-affarijiet moqżieża li għamilt. U se jkollkom tkunu tafu li jien, Ġeħova, qed nikkastigakom.

10 “‘Il-ġurnata ġejja! Hi viċin! Int imissek;* il-bastun biex nikkastigak lest biex nużah, u l-kburija tal-għadu żdiedet. 11 Il-vjolenza kibret f’bastun biex jikkastiga l-ħażen. La int u lanqas in-nies tiegħek mhu se ssalvaw. Il-ġid u l-fama tiegħek se jispiċċaw fix-xejn. 12 Iż-żmien ġej, il-ġurnata se tasal. Ħa ma jifraħx dak li qed jixtri, u ħa ma jkunx imdejjaq dak li qed ibigħ, għax jien se nirrabja ħafna magħhom kollha.* 13 Għax min qed ibigħ mhux se jmur lura għall-propjetà li biegħ, anki jekk ikun għadu ħaj, għax il-viżjoni hi kontrihom kollha. Ħadd mhu se jmur lura, u ħadd mhu se jsalva ħajtu minħabba li aġixxa ħażin.

14 “‘Huma daqqew it-trumbetta, u kulħadd lest għall-battalja, imma ħadd mhu sejjer, għax jien irrabjat ħafna magħhom kollha. 15 Barra l-belt hemm ix-xabla, u ġewwa hemm il-mard* u l-ġuħ. Kull min hu fl-għelieqi se jmut bix-xabla, u kull min hu fil-belt se jmut bil-ġuħ u bil-mard. 16 Dawk li se jirnexxilhom jibqgħu ħajjin se jaħarbu lejn il-muntanji, u kull wieħed minnhom se jgerger minħabba l-iżbalji tiegħu bħall-ħamiem tal-widien. 17 Idejhom bla saħħa u rkopptejhom qed iqattru l-ilma.* 18 Huma libsu l-ħwejjeġ tal-ixkora u qabdithom* rogħda kbira. Kollha kemm huma se jiġu umiljati u jkunu bil-qargħa.*

19 “Huma se jarmu l-fidda tagħhom fit-toroq, u d-deheb tagħhom se jsir bħal xi ħaġa diżgustanti għalihom. La l-fidda u lanqas id-deheb mhu se jsalvawhom fil-ġurnata li se jkun irrabjat ħafna Ġeħova. La se jixbgħu* u lanqas se jimlew żaqqhom, għax dawn* saru ostakli li jġegħluhom jiżbaljaw. 20 Huma kienu jitkabbru bis-sbuħija tat-tiżjin tagħhom, u bihom* għamlu l-istatwi moqżieża tagħhom, jiġifieri l-idoli diżgustanti tagħhom. Hu għalhekk li se nġegħelhom jobogħduhom dawn l-affarijiet. 21 Jien se nagħtihom f’idejn il-barranin biex jisirquhom u f’idejn il-ħżiena tal-art biex jiħduhom, u huma se jiddiżonoraw dawn l-affarijiet.

22 “‘Jien se nagħtihom* dahri, u huma* se jiddiżonoraw il-post moħbi tiegħi,* u l-ħallelin se jidħlu u jiddiżonorawh.

23 “‘Agħmel katina,* għax il-pajjiż mimli b’nies li nqatlu minħabba li ġew iġġudikati b’mod inġust u l-belt mimlija bil-vjolenza. 24 Jien se nġib l-agħar nies mill-popli, u huma se jiħdulhom djarhom, u jien se nġib fix-xejn il-kburija taʼ dawk b’saħħithom, u s-santwarji tagħhom se jiġu ddiżonorati. 25 Meta se jħossu wġigħ kbir, huma se jfittxu l-paċi, imma mhux se jsibuha. 26 Se jkollhom diżastru wara ieħor, se jisimgħu aħbar wara oħra, u għalxejn li se jfittxu viżjoni mingħand profeta. Il-liġi* li jgħallmu l-qassisin u l-pariri tal-anzjani* mhux se jkunu taʼ benefiċċju. 27 Ir-re se jkun imdejjaq ħafna, il-kap se jkun iddisprat, u l-idejn tan-nies fil-pajjiż se jitriegħdu bil-biżaʼ. Jien se nittrattahom skont kif iġibu ruħhom u se niġġudikahom skont kif iġġudikaw. U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’”

8 Il-qawwa taʼ Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* bdiet taħdem fuqi fil-ħames jum tas-sitt xahar tas-sitt sena,* waqt li jien kont bilqiegħda fid-dar tiegħi mal-anzjani* taʼ Ġuda. 2 Hekk kif ħarist, rajt forma taʼ raġel jixbah id-dehra tan-nar. Kien hemm in-nar taħt dak li deher qisu qaddu, u d-dehra tiegħu minn qaddu ’l fuq kienet tiddi, bħalma jleqq il-metall imħallat bid-deheb u l-fidda. 3 Imbagħad hu donnu ħareġ idu u qabadni minn troffa xagħar, u permezz taʼ viżjonijiet minn Alla, spirtu* ġarrni fis-sema u ħadni Ġerusalemm fid-daħla tal-bieb taʼ ġewwa li jħares lejn it-Tramuntana, fejn kien hemm is-simbolu* idolatruż tal-għira li kien iqanqal lil Alla biex jirrabja.* 4 U kien hemm il-glorja tal-Alla t’Iżrael, bħad-dehra li kont rajt fil-pjanura tal-wied.

5 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, jekk jogħġbok, ħares lejn it-Tramuntana.” Allura jien ħarist lejn it-Tramuntana, u hemmhekk, lejn it-Tramuntana tal-bieb tal-artal, fid-daħla, kien hemm dan is-simbolu* tal-għira. 6 Hu qalli: “Bin il-bniedem, qiegħed tara l-affarijiet mill-agħar u moqżieża li qed jagħmel il-poplu t’Iżrael hawnhekk, affarijiet li jġegħluni mmur ’il bogħod ħafna mis-santwarju tiegħi? Imma int se tara affarijiet li huma saħansitra iktar moqżieża minn dawn.”

7 Imbagħad ħadni fid-daħla tal-bitħa, u meta ħarist kien hemm toqba fil-ħajt. 8 Hu qalli: “Bin il-bniedem, jekk jogħġbok, kabbar it-toqba li hemm fil-ħajt.” U jien hekk għamilt, u rajt daħla. 9 Hu qalli: “Idħol u ara l-affarijiet ħżiena u moqżieża li qed jagħmlu hawnhekk.” 10 Għalhekk, dħalt u rajt kull tip taʼ statwa taʼ ħlejjaq li jitkaxkru u taʼ bhejjem moqżieża, u l-idoli diżgustanti* kollha tal-poplu t’Iżrael. Dawn kienu minquxin fuq il-ħajt mad-dawra kollha. 11 U 70 mill-anzjani tal-poplu t’Iżrael kienu quddiemhom, u wieqaf f’nofshom kien hemm Ġagħżanija bin Safan. Kull wieħed kellu inċensier f’idu, u kienet tielgħa sħaba tal-inċens ifuħ. 12 Hu qalli: “Bin il-bniedem, qed tara x’qed jagħmlu l-anzjani tal-poplu t’Iżrael fid-dlam, kull wieħed fil-kmamar taʼ ġewwa fejn għandu l-idoli* tiegħu? Għax huma qed jgħidu, ‘Ġeħova mhux qed jarana. Ġeħova telaq il-pajjiż.’”

13 Hu kompla jgħidli: “Int se tara li huma qed jagħmlu affarijiet saħansitra iktar moqżieża minn hekk.” 14 Allura ħadni fid-daħla tal-bieb tat-Tramuntana tat-tempju taʼ Ġeħova, u hemmhekk rajt nisa bilqiegħda jibku lill-alla Tammuż.

15 Hu kompla jgħidli: “Qed tara x’qed jagħmlu, bin il-bniedem? Int se tara affarijiet saħansitra iktar moqżieża minn dawn.” 16 Allura ħadni fil-bitħa taʼ ġewwa tad-dar taʼ Ġeħova. Hemmhekk fid-daħla tat-tempju taʼ Ġeħova, bejn l-intrata u l-artal, kien hemm madwar 25 raġel b’daharhom lejn it-tempju taʼ Ġeħova u wiċċhom lejn il-Lvant. Huma kienu qed imilu lejn ix-xemx.

17 Hu qalli: “Bin il-bniedem, qed tara x’inhuma jagħmlu? Jaqaw hi xi ħaġa żgħira li l-poplu taʼ Ġuda qed jagħmlu dawn l-affarijiet moqżieża, jimlew il-pajjiż bil-vjolenza, u jkomplu joffenduni? Huma qed jgħollu l-fergħa* maʼ mnieħri. 18 Allura jien se naġixxi b’rabja kbira. M’iniex se nitħassarhom u lanqas nurihom ħniena. Lanqas jekk jgħajtuli b’leħen għoli, m’iniex se nismagħhom.”

9 Imbagħad smajtu jgħidli b’leħen għoli: “Ħa jiġu dawk li se jikkastigaw il-belt, kull wieħed bl-arma tiegħu f’idu biex jeqred!”

2 Jien rajt sitt irġiel ġejjin min-naħa tal-bieb taʼ fuq li jħares lejn it-Tramuntana. Kull wieħed kellu f’idu l-arma tiegħu biex ifarrak biha. Fosthom kien hemm raġel li kien liebes ħwejjeġ tal-għażel u fuq ġenbu kellu kaxxa tas-segretarju,* u huma daħlu u qagħdu ħdejn l-artal tar-ram.

3 Imbagħad il-glorja tal-Alla t’Iżrael għoliet minn fuq il-kerubini minn fejn kienet u marret lejn l-għatba tal-bieb tat-tempju. U Alla beda jgħajjat lir-raġel li kien liebes il-ħwejjeġ tal-għażel u li maʼ qaddu kellu l-kaxxa tas-segretarju. 4 Ġeħova qallu: “Għaddi mill-belt, minn Ġerusalemm, u agħmel marka fuq moħħ dawk li qed ibatu u huma mdejqin minħabba l-affarijiet moqżieża li qed isiru fil-belt.”

5 U lill-oħrajn smajtu jgħidilhom: “Għaddu mill-belt warajh u oqtlu. Titħassruhomx u turuhomx ħniena. 6 Għandkom toqtlu u teqirdu għalkollox lill-irġiel xjuħ, il-ġuvintur, it-tfajliet, it-tfal żgħar, u n-nisa. Imma toqtlu lil ħadd li jkollu l-marka. Għandkom tibdew mis-santwarju tiegħi.” Allura bdew mill-anzjani li kienu quddiem it-tempju. 7 Imbagħad qalilhom: “Niġġsu t-tempju u imlew il-btieħi b’dawk maqtulin. Morru!” Għalhekk, huma marru u qatlu n-nies fil-belt.

8 Waqt li kienu qed joqtluhom, jien biss bqajt ħaj. Imbagħad inżilt wiċċi mal-art u għajjatt: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* jaqaw se teqred lil dawk kollha li fadal minn Iżrael waqt li turi r-rabja kbira tiegħek maʼ Ġerusalemm?”

9 Għalhekk qalli: “L-iżball tal-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda hu kbir, kbir ħafna. Il-pajjiż hu mimli bit-tixrid taʼ demm u l-belt hi mimlija bil-korruzzjoni. Għax huma qalu, ‘Ġeħova telaq il-pajjiż, u Ġeħova mhux qed jarana.’ 10 Imma jien mhux se nitħassarhom u lanqas nurihom ħniena. Se nġib fuqhom stess il-konsegwenzi taʼ kif aġixxew.”

11 Imbagħad ir-raġel li kien liebes il-ħwejjeġ tal-għażel u li kellu l-kaxxa tas-segretarju maʼ qaddu ġie lura, u qallu: “Jien għamilt bħalma kkmandajtni.”

10 Hekk kif kont qed inħares fuq dik li kienet qisha ħġieġa li kienet fuq ras il-kerubini, jien rajt bħal ħaġra taż-żaffir li kienet tidher bħal tron. 2 Imbagħad Alla qal lir-raġel li kien liebes l-għażel: “Idħol bejn ir-roti taħt il-kerubini u imla jdejk it-tnejn b’ġamar jaqbad minn bejn il-kerubini u itfgħu fuq il-belt.” Għalhekk, hu daħal waqt li jien kont qed inħares.

3 Il-kerubini kienu weqfin fuq in-naħa tal-lemin tat-tempju meta daħal ir-raġel, u s-sħaba mliet il-bitħa taʼ ġewwa. 4 U l-glorja taʼ Ġeħova għoliet minn fuq il-kerubini lejn l-għatba tal-bieb tat-tempju, u bil-mod il-mod it-tempju mtela bis-sħaba, u l-bitħa kienet mimlija bid-dija tal-glorja taʼ Ġeħova. 5 U mill-bitħa taʼ barra setaʼ jinstemaʼ l-ħoss tal-ġwienaħ tal-kerubini, bħall-ħoss taʼ meta jitkellem l-Alla li Jistaʼ Kollox.

6 Imbagħad ikkmanda lir-raġel li kien liebes l-għażel: “Ħu n-nar minn bejn ir-roti, minn bejn il-kerubini,” u hu daħal u qagħad ħdejn ir-rota. 7 Imbagħad wieħed mill-kerubini ħareġ idu lejn in-nar li kien hemm bejn il-kerubini. Hu ħa ftit minnu u poġġieh f’idejn it-tnejn taʼ dak li kien liebes l-għażel. Imbagħad dan ħadu u ħareġ. 8 Il-kerubini kellhom qishom idejn taʼ bniedem taħt ġwinħajhom.

9 Hekk kif kont qed inħares, rajt erbaʼ roti ħdejn il-kerubini, rota ħdejn kull kerubin. U r-roti kienu jleqqu bħal ħaġra tal-krisolitu. 10 L-erbgħa li huma kienu jidhru l-istess, bħal rota msallba f’rota oħra. 11 Meta kienu jiċċaqalqu, huma setgħu jmorru lejn l-erbaʼ direzzjonijiet mingħajr il-bżonn li jduru, għax kienu jmorru lejn il-post fejn kien iħares wiċċhom mingħajr ma kienu jduru. 12 Ġisimhom kollu, daharhom, idejhom, ġwinħajhom, u r-roti, ir-roti tal-erbgħa li huma, kienu mimlijin bl-għajnejn mad-dawra. 13 Rigward ir-roti, smajt leħen jgħajtilhom, “Roti!”

14 Kull kerubin kellu erbaʼ wċuħ. L-ewwel wiċċ kien wiċċ taʼ kerubin, it-tieni kien wiċċ taʼ bniedem, it-tielet kien wiċċ taʼ ljun, u r-rabaʼ kien wiċċ t’ajkla.

15 U l-kerubini kienu jogħlew. Dawn kienu l-istess ħlejjaq ħajjin li jien kont rajt ħdejn ix-Xmara Kebar. 16 Meta l-kerubini kienu jiċċaqalqu, ir-roti kienu jiċċaqalqu magħhom; u meta l-kerubini kienu jiftħu ġwinħajhom biex jogħlew ’il fuq mill-art, ir-roti ma kinux iduru jew jersqu minn ħdejhom. 17 Meta dawn kienu jkunu weqfin, huma kienu jkunu weqfin; meta kienu jogħlew, dawn kienu jogħlew magħhom, għax kien jidderiġihom l-ispirtu li kien jidderieġi l-ħlejjaq ħajjin.*

18 Imbagħad il-glorja taʼ Ġeħova telqet minn fuq l-għatba tal-bieb tat-tempju u qagħdet fuq il-kerubini. 19 Hekk kif kont qed inħares, il-kerubini fetħu ġwinħajhom u għolew mill-art. Ir-roti wkoll kienu ħdejhom meta telqu. Huma waqfu fid-daħla tal-bieb tal-Lvant tat-tempju taʼ Ġeħova, u l-glorja tal-Alla t’Iżrael kienet fuqhom.

20 Dawn kienu l-ħlejjaq ħajjin li jien kont rajt taħt it-tron tal-Alla t’Iżrael ħdejn ix-Xmara Kebar, għalhekk irrealizzajt li dawn kienu kerubini. 21 L-erbgħa li huma kellhom erbaʼ wċuħ, erbaʼ ġwienaħ, u qishom idejn taʼ bniedem taħt ġwinħajhom. 22 U l-uċuħ tagħhom kienu bħall-uċuħ li rajt ħdejn ix-Xmara Kebar. L-erbgħa li huma kienu jmorru dritt ’il quddiem.

11 U l-ispirtu refagħni u ħadni fejn il-bieb tat-tempju taʼ Ġeħova li jħares lejn il-Lvant. U fid-daħla tal-bieb rajt 25 raġel, li kienu mexxejja tal-poplu, u fosthom kien hemm Ġagħżanija bin Għażżur u Pelatija bin Benaja. 2 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, dawn huma l-irġiel li qed jippjanaw biex jagħmlu l-ħsara u li qed jagħtu pariri ħżiena fil-belt.* 3 Huma qed jgħidu, ‘Jaqaw mhux issa ż-żmien biex nibnu d-djar? Il-belt* hi bħal borma u aħna bħal laħam.’*

4 “Allura pprofetizza kontrihom. Bin il-bniedem, ipprofetizza.”

5 Imbagħad l-ispirtu taʼ Ġeħova ġie fuqi, u qalli: “Għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Sew qed tgħidu, poplu t’Iżrael, u jien naf x’intom taħsbu. 6 Intom ġegħeltu ħafna jmutu f’din il-belt u mlejtu t-toroq tagħha bil-mejtin.”’” 7 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* ‘L-iġsma mejtin li intom ferrixtu fil-belt huma bħal-laħam, u l-belt hi bħall-borma. Imma intom se titneħħew minnha.’”

8 “‘Intom bżajtu mix-xabla, u xabla se nġib kontrikom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 9 ‘Se noħroġkom minnha u nagħtikom f’idejn il-barranin u se nġib ġudizzju fuqkom. 10 Intom se tmutu bix-xabla. Jien se niġġudikakom fil-fruntiera t’Iżrael u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova. 11 Il-belt mhux se tkun bħall-borma għalikom, u intom mhux se tkunu bħal-laħam taʼ ġo fiha. Jien se niġġudikakom fil-fruntiera t’Iżrael, 12 u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova. Għax intom m’obdejtux ir-regolamenti tiegħi u ma żammejtux mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, imma aġixxejtu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tal-popli taʼ madwarkom.’”

13 Malli pprofetizzajt, Pelatija bin Benaja miet. Jien inżilt wiċċi mal-art u għajjatt: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, se teqred għalkollox lil dawk kollha li fadal minn Iżrael?”

14 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 15 “Bin il-bniedem, in-nies taʼ Ġerusalemm qalu lil ħutek, dawk li jiġu minnek bid-dritt li jixtru l-propjetà tiegħek, u lill-poplu t’Iżrael, ‘Ibqgħu ’l bogħod minn Ġeħova. Il-pajjiż hu tagħna; ingħata lilna.’ 16 Għalhekk għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Għalkemm bgħatthom ’il bogħod biex jgħixu fost il-popli u xerridthom fost il-pajjiżi, għal ftit żmien, jien se nsir santwarju għalihom fil-pajjiżi li marru fihom.”’

17 “Għalhekk għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se niġborkom mill-popli u mill-pajjiżi li nfrixtu fihom, u se nagħtikom l-art t’Iżrael. 18 U se tmorru lura hemmhekk u tneħħu minnha l-affarijiet moqżieża u diżgustanti li jsiru fiha. 19 Jien se nagħtikom qalb waħda u se nbiddel il-mod kif taħsbu.* Jien se nneħħilkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam,* 20 biex timxu mal-liġijiet tiegħi u żżommu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u tobduhom. U intom tkunu l-poplu tiegħi, u jien inkun l-Alla tagħkom.”’

21 “‘“Imma dawk li huma determinati li jibqgħu jagħmlu l-affarijiet moqżieża u diżgustanti tagħhom, jien se nġib fuqhom il-konsegwenzi tagħhom stess,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’”

22 Il-kerubini fetħu ġwinħajhom, ir-roti kienu maġenbhom, u l-glorja tal-Alla t’Iżrael kienet fuqhom. 23 Imbagħad il-glorja taʼ Ġeħova telgħet mill-belt u waqfet fuq il-muntanja lejn il-Lvant tal-belt. 24 Permezz taʼ viżjoni bl-ispirtu* t’Alla, l-ispirtu għollieni u ġabni għand il-poplu eżiljat fil-Kaldija. Imbagħad spiċċat il-viżjoni li rajt. 25 U jien bdejt ngħid lill-poplu eżiljat dwar l-affarijiet kollha li Ġeħova kien urieni.

12 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, int qed tgħix fost nies ribellużi. Għandhom għajnejn, imma ma jarawx, għandhom widnejn, imma ma jisimgħux, għax huma nies ribellużi. 3 Bin il-bniedem, ipprepara l-ħwejjeġ għall-eżilju. Imbagħad matul il-ġurnata, waqt li jkunu qed jarawk, għandek tmur fl-eżilju. Mur fl-eżilju mid-dar tiegħek għal post ieħor waqt li jkunu qed jarawk. Forsi jifhmu xi jfisser dan, avolja huma nies ribellużi. 4 Oħroġ il-ħwejjeġ għall-eżilju matul il-ġurnata waqt li jkunu qed jarawk. Imbagħad filgħaxija, meta jkunu qed jarawk, għandek titlaq bħal xi ħadd li qed jittieħed għall-eżilju.

5 “Waqt li qed jarawk, ħaffer toqba fil-ħajt u għaddi l-affarijiet tiegħek minn hemm. 6 Waqt li jkunu qed jarawk, poġġi l-affarijiet tiegħek fuq spalltek u ġorrhom fid-dlam. Għatti wiċċek biex ma tkunx tistaʼ tara l-art, għax jien qed nagħmlek bħala sinjal għall-poplu t’Iżrael.”

7 Jien għamilt eżatt kif ġejt ikkmandat. Matul il-ġurnata, ħriġt il-ħwejjeġ li kont se nieħu fl-eżilju, u filgħaxija ħaffirt toqba fil-ħajt b’idejja. U meta dalam, ħadt l-affarijiet u ġarrejthom fuq spallti quddiem għajnejhom.

8 Filgħodu rġajt irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 9 “Bin il-bniedem, il-poplu ribelluż t’Iżrael staqsewk x’qed tagħmel, hux vera? 10 Għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Dan il-messaġġ hu għall-kap f’Ġerusalemm u għall-poplu kollu t’Iżrael f’din il-belt.”’

11 “Għidilhom, ‘Jien sinjal għalikom. Hekk se jiġrilhom. Huma se jmorru fl-eżilju u se jkunu lsiera. 12 Il-kap li qiegħed fosthom se jġorr l-affarijiet tiegħu fuq spalltu u jitlaq fid-dlam. Hu se jħaffer toqba fil-ħajt u jgħaddi l-affarijiet tiegħu minn hemm. Hu se jgħatti wiċċu biex ma jkunx jistaʼ jara l-art.’ 13 Jien se nitfa’ x-xibka tiegħi fuqu, u hu jinqabad fiha. Imbagħad se nieħdu f’Babilonja, fl-art tal-Kaldin, imma mhux se jaraha. U hu se jmut hemm. 14 U se nxerred f’kull direzzjoni lil dawk kollha taʼ madwaru, jiġifieri lil dawk li jgħinuh u lis-suldati tiegħu, u se nibgħat xabla għal warajhom. 15 Huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nferrixhom fost il-popli u nxerridhom fost il-pajjiżi. 16 Imma jien se neħlisha lil xi wħud mix-xabla, mill-ġuħ, u mill-mard,* biex ikunu jistgħu jgħidu fost il-popli fejn se jmorru l-affarijiet moqżieża kollha li kienu jagħmlu; u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.”

17 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 18 “Bin il-bniedem, int għandek tiekol il-ħobż waqt li titriegħed bil-biżaʼ u tixrob l-ilma bil-biżaʼ u bl-ansjetà. 19 Għid lin-nies tal-pajjiż, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox lin-nies taʼ Ġerusalemm fil-pajjiż t’Iżrael: “Huma se jieklu l-ħobż tagħhom bl-ansjetà u jixorbu l-ilma tagħhom bil-biżaʼ, għax il-pajjiż tagħhom se jiġi abbandunat għalkollox minħabba l-vjolenza tan-nies kollha li jgħixu hemm. 20 Il-bliet li jgħixu n-nies fihom se jinqerdu, u l-pajjiż se jsir mitluq; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.”’”

21 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 22 “Bin il-bniedem, f’Iżrael għandkom proverbju li jgħid, ‘Il-ġranet jgħaddu, u kull viżjoni tiġi fix-xejn.’ 23 Allura għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Se nwaqqaf dan il-kliem, u mhux se jibqgħu jużawh iktar bħala proverbju f’Iżrael.”’ Imma għidilhom, ‘Il-ġranet huma viċin, u kull viżjoni se ssir.’ 24 Għax mhux se jkun hemm iktar viżjonijiet foloz jew tbassir li jieħdu pjaċir jisimgħu* fost il-poplu t’Iżrael. 25 ‘“Għax jien, Ġeħova, se nitkellem. Kulma ngħid se jsir mingħajr dewmien. Nies ribellużi, dak li ngħid se jiġri fi żmienkom,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’”

26 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 27 “Bin il-bniedem, hekk qed jgħid il-poplu t’Iżrael, ‘Il-viżjoni li qed tara għad fadlilha, u qed tipprofetizza dwar il-futur.’ 28 Allura għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “‘Xejn minn dak li ngħid mhu se jdum. Kulma ngħid se jsir,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”’”

13 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ipprofetizza kontra l-profeti t’Iżrael, u għid lil dawk li qed jivvintaw il-profeziji tagħhom stess,* ‘Isimgħu dak li jgħid Ġeħova. 3 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Ħażin għall-profeti stupidi li jipprofetizzaw dak li jaħsbu huma meta ma jkunu rċivew l-ebda viżjoni! 4 Iżrael, il-profeti tiegħek saru bħal volpijiet li jgħixu f’postijiet li huma ħerba. 5 Intom il-profeti m’intomx se tmorru ħdejn is-swar imkissrin biex terġgħu tibnuhom għall-poplu t’Iżrael. Minħabba f’hekk, Iżrael mhux se jibqaʼ ħaj fil-jum tal-battalja taʼ Ġeħova.” 6 “Dawk li qed jgħidu, ‘Ġeħova hekk jgħid,’ raw viżjonijiet foloz u bassru l-gideb, għax mhux Ġeħova bagħathom, imma huma stennew li jwettaq dak li jgħidu huma. 7 Intom rajtu viżjoni falza u bassartu l-gideb meta għedtu, ‘Ġeħova hekk jgħid,’ meta jien m’għedt xejn.”’

8 “‘Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “‘Peress li intom għedtu dak li mhux vera u l-viżjonijiet tagħkom huma gidba, jien kontrikom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.” 9 Se nuża l-qawwa tiegħi kontra l-profeti li l-viżjonijiet tagħhom huma foloz u li jbassru l-gideb. Huma mhux se jkunu fost in-nies li jien nafda, mhux se jkollhom isimhom miktub fir-reġistru tal-poplu t’Iżrael, u lanqas mhu se jerġgħu lura fl-art t’Iżrael; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 10 Dan għax huma qarrqu bil-poplu tiegħi meta qalulhom, “Hemm il-paċi!” meta m’hemmx paċi. Meta jinbena ħajt dgħajjef, huma jiksuh bil-ġibs.’*

11 “Lil dawk li qed jiksu l-ħajt bil-ġibs għidilhom li se jaqaʼ. Se tinżel xita bil-qliel, silġ, u jkun hemm irjieħ qawwijin li se jwaqqgħuh. 12 U meta l-ħajt jaqaʼ, se jistaqsukom, ‘Issa mbilli ksejtuh?’

13 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Se nqajjem irjieħ qawwijin u nitfaʼ xita bil-qliel għax jien irrabjat, u se nibgħat is-silġ biex neqred il-ħajt għax jien irrabjat ħafna. 14 Se nwaqqaʼ l-ħajt li ksejtu bil-ġibs u nitfgħu mal-art, u nikxef il-pedament tiegħu. Meta l-belt taqaʼ, intom se tispiċċaw magħha; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.’

15 “‘Meta nisfoga r-rabja kbira tiegħi fuq il-ħajt u fuq dawk li ksewh bil-ġibs, jien se ngħidilkom: “Il-ħajt m’għadux iktar, u lanqas dawk li ksewh. 16 M’għadx hemm iktar il-profeti t’Iżrael, dawk li kienu jipprofetizzaw lil Ġerusalemm u jaraw viżjonijiet taʼ paċi għaliha meta ma kienx hemm paċi,”’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

17 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn in-nisa tal-poplu tiegħek li qed jivvintaw il-profeziji tagħhom stess, u pprofetizza kontrihom. 18 Għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Ħażin għan-nisa li qed iħitu faxex għall-idejn* u jagħmlu l-velijiet taʼ kull daqs biex jipprovaw iġiegħlu lin-nies jagħmlu dak li jridu huma! Qegħdin intom tpoġġu l-ħajja tan-nies fil-periklu u tipprovaw issalvaw il-ħajja* tagħkom stess? 19 Se tiddiżonorawni fost il-poplu tiegħi għal naqra xgħir u għal biċċiet żgħar tal-ħobż billi qed toqtlu lil dawk* li għandhom jibqgħu ħajjin u tħallu ħajjin lil dawk li għandhom imutu? Dan qed tagħmluh billi qed tigdbu lill-poplu tiegħi li qed jismaʼ l-gideb tagħkom.”’

20 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Nisa, jien kontra l-faxex tagħkom li intom qed tużaw biex iġġiegħlu n-nies* jagħmlu dak li tridu intom, u se nċarrathom minn idejkom u neħles lil dawk li intom qed tikkaċċjaw bħal għasafar. 21 U jien se nċarrat il-velijiet tagħkom u neħles lin-nies tiegħi minn taħt idejkom, u huma ma jibqgħux ikunu bħal xi ħaġa li intom taqbdu f’nassa; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova. 22 Għax intom qtajtu qalb min hu ġust bil-gideb tagħkom meta ma kontx jien li qed inġiegħlu jbati,* u saħħaħtu lill-ħażin ħalli ma jdurx lura mill-affarijiet ħżiena li jkun qed jagħmel u jibqaʼ ħaj. 23 Għalhekk, intom in-nisa mhux se tkomplu taraw viżjonijiet foloz u tipprattikaw it-teħbir; u jien se neħles lill-poplu tiegħi minn taħt idejkom, u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.’”

14 Xi anzjani* minn Iżrael ġew u poġġew quddiemi. 2 Imbagħad irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 3 “Bin il-bniedem, dawn l-irġiel huma determinati li jqimu l-idoli moqżieża* tagħhom. Huma qed jagħmlu ostakli biex iġiegħlu lin-nies jidinbu. Għandi jien inwiġibhom meta jistaqsu għall-gwida tiegħi? 4 Issa għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Jekk Iżraeli hu determinat li jqim l-idoli moqżieża tiegħu u jagħmel ostakli biex iġiegħel in-nies jidinbu u mbagħad imur ifittex il-gwida mingħand profeta, jien, Ġeħova, se nikkastigah kif jistħoqqlu għall-ħafna idoli moqżieża li għandu. 5 Jien se nġiegħel lill-poplu t’Iżrael jitwerwru* minħabba li telquni u marru jqimu l-idoli moqżieża tagħhom.”’

6 “Allura għid lill-poplu t’Iżrael, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Ejjew lura u tibqgħux tqimu l-idoli moqżieża tagħkom u tibqgħux tagħmlu l-affarijiet diżgustanti kollha tagħkom. 7 Għax jekk ikun hemm Iżraeli jew barrani li jgħix f’Iżrael li jitlaqni, ikun determinat li jqim l-idoli moqżieża tiegħu, u jagħmel ostaklu għan-nies biex jidinbu u mbagħad ifittex il-gwida mingħand il-profeta tiegħi, jien, Ġeħova, jien stess nikkastigah. 8 Jien se niħodha kontrih, nagħmlu eżempju taʼ twissija, inġiegħlu jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt, u noqtlu; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.”’

9 “‘Imma jekk il-profeta jiġi mqarraq u jagħti tweġiba, inkun jien, Ġeħova, li qarraqt b’dak il-profeta. Imbagħad jien se nuża l-qawwa tiegħi biex nikkastigah u neqirdu għalkollox mill-poplu tiegħi Iżrael. 10 Huma se jkollhom ibatu l-konsegwenzi tad-dnub tagħhom. Il-ħtija taʼ dak li jfittex il-gwida se tkun l-istess bħall-ħtija tal-profeta, 11 ħalli l-poplu t’Iżrael ma jibqgħux jitbiegħdu minni u jniġġsu lilhom infushom bid-dnubiet kollha tagħhom. U huma jkunu l-poplu tiegħi u jien inkun l-Alla tagħhom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

12 Imbagħad irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 13 “Bin il-bniedem, jekk xi nies f’pajjiż jaġixxu b’nuqqas taʼ lealtà, jien nuża l-qawwa tiegħi kontrihom u neqred il-provvista tal-ikel tagħhom,* nibgħat il-ġuħ fil-pajjiż, u noqtol kemm nies u kemm annimali minn ġo fih.” 14 “‘Anki kieku f’dak il-pajjiż ikun hemm Noè, Danjel, u Ġob, bil-ġustizzja tagħhom, dawn it-tlett irġiel lilhom infushom biss jirnexxilhom isalvaw,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

15 “‘Jew ejja ngħidu li nġiegħel annimali feroċi jgħaddu mill-pajjiż u jnaqqsu l-popolazzjoni tiegħu* u nagħmlu post abbandunat mingħajr ħadd ma jgħaddi minnu minħabba l-annimali slavaġ.’ 16 Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid, ‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li kieku kien hemm dawn it-tlett irġiel fih, la s-subien u lanqas il-bniet tagħhom ma kienu jsalvaw; lilhom infushom biss kien jirnexxilhom isalvaw, u l-art issir abbandunata.’”

17 “‘Jew ejja ngħidu li nġib ix-xabla kontra l-pajjiż, u ngħid: “Ħa tgħaddi x-xabla mill-pajjiż,” u noqtol in-nies u l-annimali. 18 Anki kieku dawn it-tlett irġiel kienu fih, naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘li la s-subien u lanqas il-bniet tagħhom ma kien jirnexxilhom isalvaw; lilhom infushom biss isalvaw.’”

19 “‘Jew ejja ngħidu li nġib il-mard* fil-pajjiż u nuri r-rabja kbira tiegħi billi noqtol ħafna nies u annimali. 20 Anki kieku Noè, Danjel, u Ġob kienu fih, naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘li la s-subien u lanqas il-bniet tagħhom ma kien jirnexxilhom isalvaw; minħabba l-ġustizzja tagħhom, lilhom infushom biss isalvaw.’”

21 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Hekk se jiġri meta nibgħat ix-xabla, il-ġuħ, l-annimali feroċi, u l-mard bħala l-erbaʼ kastigi* kontra Ġerusalemm biex noqtol kemm nies u kemm annimali minn ġo fiha. 22 Madankollu, se jkun hemm xi ftit li se jaħarbu, inkluż subien u bniet. Huma ġejjin għandkom, u meta taraw kif jaġixxu u dak li jagħmlu, intom żgur li se tifhmu għala ġibt dan id-diżastru fuq Ġerusalemm, jiġifieri dak kollu li għamiltilha.’”

23 “‘Meta taraw kif jaġixxu u dak li jagħmlu, intom se tifhmu u tkunu tafu li dak li għamilt ma kienx għalxejn,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

15 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, x’inhi d-differenza bejn l-injam tad-dielja u l-injam taʼ kwalunkwe siġra oħra jew taʼ fergħa tas-siġar tal-foresta? 3 Jistgħu minnu jagħmlu lasta biex jaħdmu biha? Jew jistgħu jagħmlu musmar biex idendlu xi ħaġa miegħu? 4 Dan jintefaʼ fin-nar biex ikompli jaqbad. Iż-żewġt itruf tiegħu jittieklu bin-nar u anki n-nofs jinħaraq. Ikun tajjeb għal xi ħaġa issa? 5 Anki meta kien sħiħ ma setaʼ jintuża għal xejn. Aħseb u ara meta n-nar jaħarqu u jġibu fix-xejn!”

6 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* ‘Jien se nittratta lin-nies taʼ Ġerusalemm bħall-injam tad-dielja fost is-siġar tal-foresta, li jien tfajtu fin-nar biex ikompli jaqbad. 7 Jien se niħodha kontrihom. Għalkemm ħelsuha min-nar, xorta se jaħraqhom nar ieħor. U meta niħodha kontrihom, se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.’”

8 “‘Peress li ma kinux leali lejja, il-pajjiż se nagħmlu art abbandunata,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

16 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, għid lil Ġerusalemm bl-affarijiet moqżieża kollha tagħha. 3 Għandek tgħid, ‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* hekk jgħid lil Ġerusalemm: “L-oriġini u t-twelid tiegħek kienu fl-art tal-Kangħanin. Missierek kien Amurri, u ommok kienet Ħittija. 4 Fil-ġurnata li twilidt, ma qatgħulekx il-kurdun, ma ħaslukx bl-ilma, m’għorkukx bil-melħ, u ma dawrukx f’biċċiet tad-drapp. 5 Ħadd ma tħassrek biżżejjed biex jagħmel xi ħaġa minn dawn l-affarijiet, u ħadd ma wriek ħniena. Minflok, dakinhar li twilidt tefgħuk f’għalqa għax kienu jobogħduk.

6 “‘“Meta kont għaddej, rajtek tagħti b’saqajk fid-demm tiegħek, u waqt li kont hemm maħmuġa fid-demm tiegħek, għedtlek: ‘Int se tibqaʼ tgħix!’ Iva, waqt li kont hemm maħmuġa fid-demm tiegħek, għedtlek: ‘Int se tibqaʼ tgħix!’ 7 Jien għamiltek poplu kbir bħal ħaxix li jikber f’għalqa, u int kbirt u żviluppajt u lbist l-aħjar tiżjin. Sidrek imtela u xagħrek twal, imma xorta kont għadek għarwiena għalkollox.”’

8 “‘Meta kont għaddej u rajtek, innotajt li kont kbira biżżejjed biex tiżżewweġ. Allura tfajt il-ħwejjeġ tiegħi fuqek biex ma tkunx għarwiena, ħliftlek u dħalt f’patt miegħek, u int sirt tiegħi,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 9 Iktar minn hekk, ħsiltek bl-ilma, neħħejtlek id-demm, u dliktek biż-żejt. 10 Imbagħad libbistek ħwejjeġ irrakkmati, tajtek sandli tal-ġilda mill-aqwa,* geżwirtek f’għażel fin, u libbistek ħwejjeġ li jiswew ħafna. 11 Żejjintek b’ġojjelli u poġġejtlek ċpiepet f’idejk u ġiżirana m’għonqok. 12 Libbistek ukoll ħolqa fi mnieħrek, imsielet f’widnejk, u kuruna sabiħa fuq rasek. 13 Int bqajt tiżżejjen bid-deheb u l-fidda, u l-ħwejjeġ tiegħek kienu għażel fin, materjal li jiswa ħafna, u ħwejjeġ irrakkmati. Int kont tiekol dqiq fin, għasel, u żejt. Int kbirt u sirt sabiħa ħafna, u sirt tajba biex tkun reġina.’”*

14 “‘Il-fama tiegħek* baqgħet tikber fost il-popli minħabba s-sbuħija tiegħek, għax kienet perfetta peress li jien poġġejt il-glorja tiegħi fuqek,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

15 “‘Imma int bdejt tafda fis-sbuħija tiegħek. U minħabba l-fama tiegħek, sirt prostituta. Int kont lesta li tipprostitwixxi lilek innifsek maʼ kull min jgħaddi, u kont tagħtihom is-sbuħija tiegħek. 16 Int ħadt ftit mill-ħwejjeġ tiegħek b’kuluri differenti u użajthom biex iżżejjen il-postijiet għoljin fejn kont tagħmel il-prostituzzjoni. Dawn l-affarijiet ma messhomx saru, u lanqas qatt m’għandhom isiru. 17 Int ħadt il-ġojjelli sbieħ tad-deheb u l-fidda li kont tajtek jien, u minnhom għamilt statwi taʼ rġiel u għamilt il-prostituzzjoni magħhom. 18 Imbagħad għattejthom* bil-ħwejjeġ irrakkmati tiegħek u offrejtilhom iż-żejt u l-inċens tiegħi. 19 Int offrejtilhom ukoll bħala riħa pjaċevoli* l-ħobż li tajtek biex tiekol li kien magħmul minn dqiq fin, żejt, u għasel. Eżatt hekk ġara,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

20 “‘Għalik ma kienx biżżejjed li tagħmel il-prostituzzjoni, int anki qbadt is-subien u l-bniet li kellek minni u ssagrifikajthom lill-idoli. 21 Int qtilt lit-tfal tiegħi u ħraqthom fin-nar billi offrejthom bħala sagrifiċċju. 22 Waqt li kont tagħmel l-affarijiet diżgustanti u l-prostituzzjoni, int ma ftakartx fiż-żmien meta kont żgħira u għarwiena għalkollox, u tagħti b’saqajk fid-demm tiegħek. 23 Ħażin għalik, ħażin għalik minħabba l-affarijiet kollha li għamilt,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 24 Int bnejt post biex tqim l-allat foloz u bnejt post għoli għalik f’kull pjazza. 25 Int bnejt il-postijiet għoljin tiegħek fl-iktar post importanti taʼ kull triq, biddilt is-sbuħija tiegħek f’xi ħaġa diżgustanti billi tajt lilek innifsek* lil kull min kien jgħaddi, u int bqajt tagħmel iktar prostituzzjoni. 26 Int għamilt il-prostituzzjoni mal-Eġizzjani, li huma l-ġirien tiegħek b’xewqat sesswali,* u int offendejtni bil-prostituzzjoni li l-ħin kollu tagħmel. 27 Jien se nuża l-qawwa tiegħi kontrik, innaqqas il-provvista tal-ikel tiegħek, u nagħtik f’idejn in-nisa li jobogħduk, il-bniet tal-Filistin, li skandalizzaw ruħhom minħabba l-imġiba oxxena tiegħek.

28 “‘Peress li ma kontx sodisfatta, mort tagħmel il-prostituzzjoni mal-Assirjani, imma wara li għamilt il-prostituzzjoni magħhom, xorta ma kontx sodisfatta. 29 Allura għamilt iżjed prostituzzjoni fl-art taʼ Kangħan* u mal-Kaldin, imma xorta ma kontx sodisfatta. 30 Kemm kienet marida* qalbek* meta għamilt dawn l-affarijiet kollha u aġixxejt bħal prostituta bla mistħija!ʼ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 31 ‘Imma meta bnejt post biex tqim l-allat foloz fl-iktar post importanti taʼ kull triq u bnejt għalik post għoli f’kull pjazza, ma kontx bħal prostituta, għax ma ridtx titħallas. 32 Int mara adultera, li tieħu l-barranin minflok lil żewġha. 33 In-nies lill-prostituti jagħtuhom rigal, imma fil-każ tiegħek, int tajt ir-rigali lil dawk kollha li jiġru warajk. Int ixxaħħamhom biex jiġu għandek minn kullimkien ħalli tagħmel il-prostituzzjoni. 34 Int l-oppost tan-nisa l-oħra li jagħmlu l-prostituzzjoni. Ħadd ma jagħmel il-prostituzzjoni bħalek! Int tħallas lil oħrajn, u mhux huma jħallsu lilek. Int tagħmel l-oppost.’

35 “Għalhekk, prostituta, ismaʼ l-messaġġ taʼ Ġeħova. 36 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Int urejt ix-xewqat sesswali tiegħek b’mod esaġerat u kont għarwiena waqt li kont qed tagħmel il-prostituzzjoni mal-maħbubin tiegħek u mal-idoli diżgustanti* kollha tiegħek. Int anki ssagrifikajt id-demm tat-tfal tiegħek lil dawn l-idoli moqżieża. 37 Għalhekk, qed niġbor flimkien lill-maħbubin kollha tiegħek li tajt pjaċir, kemm lil dawk li kont tħobb u kemm lil dawk li kont tobgħod. Se niġborhom flimkien minn kullimkien biex jiġġieldu kontrik u se nneżżgħek quddiemhom, u se jarawk għarwiena għalkollox.

38 “‘U se nikkastigak b’ġudizzji li ħaqqhom in-nisa li jagħmlu adulterju u li jxerrdu d-demm, u demmek se jixxerred b’rabja kbira u korla. 39 Se nagħtik f’idejhom, u huma se jkissru l-postijiet li għamilt biex tqim l-allat foloz u jwaqqgħu l-postijiet għoljin tiegħek. Huma se jneżżgħuk, jiħdulek il-ġojjelli sbieħ tiegħek, u jħalluk għarwiena għalkollox. 40 Se jġibu folla kontrik, u dawn se joqtluk bix-xwabel tagħhom u billi jwaddbulek il-ġebel. 41 Se jaħarqu d-djar tiegħek u jagħmlu ġudizzju quddiem ħafna nisa; mhux se nħallik iktar prostituta, u mhux se tibqaʼ tħallas. 42 Imbagħad ma nibqax daqshekk irrabjat miegħek, u l-korla tiegħi titbiegħed minnek. Jien inkun kalm u ma nibqax inħossni offiż.’

43 “‘Peress li int ma ftakartx li jien ħadt ħsiebek meta kont żgħira u rrabjajtni b’dawn l-affarijiet kollha li għamilt, jien se nġib fuqek stess il-konsegwenzi taʼ kif aġixxejt, u int ma tibqax taġixxi b’mod oxxen u tagħmel dawn l-affarijiet kollha moqżieża,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

44 “‘Kull min juża l-proverbji meta jitkellem se jgħid dan il-proverbju għalik: “It-tifla hi bħal ommha!” 45 Int bint ommok, li tobgħod lir-raġel u lit-tfal tagħha. U int oħt ħutek il-bniet, li jobogħdu lir-raġel u lit-tfal tagħhom. Ommkom kienet Ħittija, u missierkom kien Amurri.’”

46 “‘Oħtok il-kbira li tgħix in-naħa tat-Tramuntana* tiegħek mat-tfal bniet tagħha* hi s-Samarija, u oħtok iż-żgħira, li tgħix lejn in-Nofsinhar* tiegħek mat-tfal bniet tagħha hi Sodoma. 47 Mhux biss aġixxejt bħalhom u għamilt l-affarijiet moqżieża li jagħmlu huma, imma wara ftit, int saħansitra kont qed tagħmel iktar dnubiet minnhom.’ 48 Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid, ‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li oħtok Sodoma u l-bniet tagħha m’għamlux dak li int u l-bniet tiegħek għamiltu. 49 Dan kien l-iżball t’oħtok Sodoma: Hi u l-bniet tagħha kienu kburin, kellhom ħafna x’jieklu, moħħhom mistrieħ u kienu fil-paċi, imma huma xorta m’għenux lil min kien batut u fqir. 50 Huma baqgħu suppervi u komplew jagħmlu l-affarijiet moqżieża quddiem wiċċi, allura ħassejt li kelli neqridhom.

51 “‘U s-Samarija m’għamlitx nofs id-dnubiet li għamilt int. Int bqajt tagħmel ħafna affarijiet moqżieża iktar milli għamlu huma, sal-punt li ħutek il-bniet dehru ġusti minħabba l-affarijiet moqżieża kollha li għamilt int. 52 Int se jkollok tiġi umiljata minħabba li ġġustifikajt kif ġabu ruħhom ħutek* il-bniet. Minħabba d-dnub tiegħek, jiġifieri li aġixxejt b’mod iktar moqżież milli għamlu huma, huma inqas ħatja minnek. Allura istħi u kun umiljata talli għamilt lil ħutek il-bniet jidhru ġusti.’

53 “‘Se niġbor flimkien l-ilsiera taʼ Sodoma u l-bniet tagħha, u tas-Samarija u l-bniet tagħha. Se niġbor ukoll magħhom l-ilsiera tiegħek 54 biex tiġi umiljata. Int se tħossok umiljata minħabba dak li għamilt biex iħossuhom aħjar. 55 Ħutek il-bniet, Sodoma u l-bniet tagħha u s-Samarija u l-bniet tagħha, se jerġgħu jsiru kif kienu qabel, u anki int u l-bniet tiegħek se terġgħu tkunu kif kontu qabel. 56 Meta tkabbart, lil oħtok Sodoma lanqas biss kont lesta li ssemmiha. 57 Dan kien qabel ma nkixef il-ħażen tiegħek. Issa l-bniet tas-Sirja u dawk taʼ madwarhom iwaqqgħuk għaċ-ċajt, u l-bniet tal-Filistin, flimkien maʼ dawk kollha taʼ madwarek, imaqdruk. 58 Int se tbati l-konsegwenzi tal-kondotta oxxena tiegħek u tal-affarijiet moqżieża li tagħmel,’ jgħid Ġeħova.”

59 “Għax hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Issa se nagħmillek bħalma għamilt int, għax int iddisprezzajt il-ħalfa billi ksirt il-patt tiegħi. 60 Imma jien stess se niftakar fil-patt li għamilt miegħek meta kont żgħira, u se nagħmel patt miegħek li jibqaʼ għal dejjem. 61 Int se tiftakar kif ġibt ruħek u se tħossok umiljata meta tilqaʼ lil ħutek il-bniet, kemm dawk li huma akbar minnek u anki dawk li huma iżgħar minnek, u jien se nagħtihomlok bħala l-bniet tiegħek, imma mhux minħabba l-patt li għamilt miegħek.’

62 “‘Jien se nagħmel patt miegħek; u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova. 63 Meta naħfirlek minkejja dak kollu li għamilt, int se tiftakar u tistħi tiftaħ ħalqek minħabba l-umiljazzjoni tiegħek,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

17 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, għid ħaġa moħġaġa u proverbju dwar il-poplu t’Iżrael. 3 Għandek tgħid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “L-ajkla l-kbira, li għandha ġwinħajha kbar u mimlija rix twil ikkulurit, ġiet il-Libanu u ħadet il-biċċa taʼ fuq tas-siġra taċ-ċedri. 4 Hi qaċċtet l-iktar fergħa għolja tagħha, ħaditha fl-art taʼ Kangħan,* u qegħditha f’belt tan-negozjanti. 5 Imbagħad ħadet ftit żerriegħa tal-pajjiż u poġġietha f’ħamrija tajba. Hi ħawlitha bħas-siġra taż-żafżaf ħdejn ħafna ilmijiet. 6 Imbagħad nibtet u saret dielja baxxa u mifruxa. Il-weraq tagħha kien iħares ’il ġewwa u l-għeruq tagħha kienu taħtha. B’hekk saret dielja, u din bdiet tarmi u ħarġet il-friegħi.

7 “‘“Imbagħad ġiet ajkla oħra kbira, li kellha ġwinħajha kbar u rix twil. U l-għeruq taʼ din id-dielja bdew jinfirxu lejha, ’il bogħod mill-ħamrija taʼ taħtha, u l-weraq tagħha dawritu lejn din l-ajkla ħalli tkun tistaʼ ssaqqiha. 8 Din kienet diġà tħawlet f’art tajba ħdejn ħafna ilmijiet biex toħroġ il-friegħi, tagħmel il-frott, u ssir dielja mill-isbaħ.”’

9 “Għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Se tmur tajjeb din? Jaqaw mhux se jkun hemm xi ħadd li jqaċċtilha l-għeruq tagħha u b’hekk il-frott tagħha jitħassar u l-friegħi jinxfu? Tant se tinxef li mhux se jkun hemm bżonn xi ħadd b’saħħtu jew ħafna nies biex jaqilgħuha mill-għeruq. 10 Għalkemm ġiet imħawla mill-ġdid, se tmur tajjeb? Meta jkun hemm ir-riħ mil-Lvant, din se tinxef għalkollox. Din se tinxef fejn nibtet.”’”

11 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 12 “Jekk jogħġbok, għid lin-nies ribellużi, ‘M’intomx tindunaw xi jfissru dawn l-affarijiet?’ Għidilhom, ‘Ir-re taʼ Babilonja mar Ġerusalemm u ħa r-re u l-mexxejja tagħha u ġabhom lura miegħu f’Babilonja. 13 Iktar minn hekk, hu ħa wieħed mill-familja tar-re, għamel patt miegħu, u ġiegħlu jaħlef li jkun leali lejh. Imbagħad ħa lill-irġiel importanti tal-pajjiż 14 ħalli s-saltna titbaxxa, ma tkunx tistaʼ terġaʼ ssir b’saħħitha, u tkompli teżisti biss jekk jinżamm dan il-patt. 15 Imma fl-aħħar, ir-re taʼ Ġuda rribella kontra r-re taʼ Babilonja billi bagħat il-messaġġiera tiegħu l-Eġittu biex iġib żwiemel u armata kbira minn hemm. Se jmur tajjeb? Il-wieħed li għamel dawn l-affarijiet, jistaʼ jaħrab il-kastig? Jistaʼ jikser il-patt u xorta jeħlisha?’

16 “‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid, “Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li hu żgur se jmut f’Babilonja, fil-post fejn jgħix ir-re* li għamlu re,* għax hu ddisprezza l-ħalfa u kiser il-patt. 17 Meta l-Babiloniżi jibnu r-rampi u s-swar biex idawru l-belt u biex jeqirdu lil ħafna nies, l-armata l-kbira taʼ ħafna suldati tal-Fargħun mhux se jkunu t’għajnuna fil-gwerra. 18 Hu ddisprezza l-ħalfa u kiser il-patt minkejja li kien ta kelmtu.* Hu għamel dawn l-affarijiet u mhux se jeħlisha.”’

19 “‘Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li żgur se nġib fuqu l-konsegwenzi talli ddisprezza l-ħalfa tiegħi u kiser il-patt tiegħi. 20 Se nitfaʼ x-xibka tiegħi fuqu, u hu se jinqabad fiha. Se nieħdu Babilonja u niġġudikah hemmhekk minħabba n-nuqqas taʼ lealtà li wera kontrija. 21 U s-suldati kollha tiegħu li jaħarbu se jmutu bix-xabla, u dawk li jifdal se jinxterdu f’kull direzzjoni.* Imbagħad intom se jkollkom tkunu tafu li jien, Ġeħova, tkellimt.”’

22 “‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Se nieħu fergħa mill-iktar parti għolja tas-siġra taċ-ċedri u nħawwilha, mill-parti taʼ fuq tal-fergħa rqiqa jien se nqaċċat rimja ġdida u nħawwilha jien stess fuq muntanja għolja ħafna. 23 Se nħawwilha fuq muntanja għolja t’Iżrael; u l-friegħi tagħha se jikbru, tagħmel ħafna frott, u ssir siġra taċ-ċedri mill-isbaħ. Taħtha u fid-dell tal-weraq tagħha, se jgħix kull tip t’għasfur. 24 U s-siġar kollha se jkollhom ikunu jafu li jien, Ġeħova, niżżilt is-siġra l-kbira u għollejt is-siġra l-baxxa; jien nixxift is-siġra ħadra u għamilt is-siġra niexfa tħaddar. Jien, Ġeħova, tkellimt u għamilt dak li għedt.”’”

18 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Xi jfisser dan il-proverbju li jgħidu fl-art t’Iżrael, ‘Il-missirijiet kielu għeneb qares, imma ddarrsu s-snien tat-tfal tagħhom’?

3 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid, ‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li mhux se tibqgħu tgħidu dan il-proverbju f’Iżrael. 4 L-erwieħ* kollha huma tiegħi. Bħalma r-ruħ tal-missier hi tiegħi, hekk hi r-ruħ tal-iben. Ir-ruħ* li tidneb hi dik li tmut.

5 “‘Ejja ngħidu li jkun hemm raġel ġust u jagħmel dak li hu ġust u sewwa. 6 Dan ma jikolx mis-sagrifiċċji idolatrużi fuq il-muntanji; ma jittamax fl-idoli diżgustanti* tal-poplu t’Iżrael; ma jiddiżonorax il-mara taʼ xi ħadd ieħor jew ikollu relazzjoni sesswali maʼ mara meta jkollha d-demm li jiġiha kull xahar; 7 ma jittratta ħażin lil ħadd, imma jagħti lura dak li jkun ħa bħala garanzija taʼ self; ma jisraq lil ħadd, imma jagħti l-ikel tiegħu stess lil min hu bil-ġuħ u jagħti x’jilbes lil min hu għarwien; 8 ma jsellifx bl-imgħax jew bl-użura, imma joqgħod attent li ma jaġixxix bl-inġustizzja; hu jagħmel ġustizzja vera bejn raġel u ieħor; 9 u jibqaʼ jobdi l-liġijiet tiegħi u jżomm mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi biex jaġixxi b’lealtà. Raġel bħal dan hu ġust u żgur li jibqaʼ jgħix,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

10 “‘Imma ejja ngħidu li għandu tifel li hu ħalliel jew qattiel,* jew jagħmel xi waħda minn dawn l-affarijiet: 11 (għalkemm il-missier ma jkun għamel xejn minn dawn l-affarijiet) jiekol mis-sagrifiċċji idolatrużi fuq il-muntanji, jiddiżonora lil mara taʼ xi ħadd ieħor, 12 jittratta ħażin lil min hu fil-bżonn u lill-fqir, jisraq, ma jagħtix lura dak li jkunu tawh bħala garanzija taʼ self, jafda fl-idoli diżgustanti, jagħmel affarijiet moqżieża, 13 u jsellef bl-użura jew jieħu l-imgħax. Dan l-iben ma jibqax jgħix. Minħabba l-affarijiet moqżieża li għamel, hu żgur li jinqatel. Demmu stess ikun fuqu.

14 “‘Imma ejja ngħidu li jkun hemm tifel li jara d-dnubiet kollha li għamel missieru, u minkejja li jarahom, hu ma jagħmilx dawn l-affarijiet. 15 Ma jikolx mis-sagrifiċċji idolatrużi fuq il-muntanji; ma jittamax fl-idoli diżgustanti tal-poplu t’Iżrael; ma jiddiżonorax lil mara taʼ xi ħadd ieħor; 16 ma jittratta ħażin lil ħadd; ma jaħtafx dak li jkun ħa bħala garanzija taʼ self; ma jisraq lil ħadd; jagħti l-ikel tiegħu stess lil min hu bil-ġuħ; jagħti x’jilbes lil min hu għarwien; 17 ma jaħqarx lil min hu fqir; ma jsellifx bl-użura jew jieħu l-imgħax; u jżomm mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u jobdi l-liġijiet tiegħi. Raġel bħal dan mhux se jmut minħabba d-dnub taʼ missieru. Hu żgur li jibqaʼ ħaj. 18 Imma peress li missieru għamel il-frodi, seraq lil ħuh, u għamel dak li hu ħażin fost il-poplu tiegħu, hu jmut minħabba d-dnub tiegħu.

19 “‘Imma intom se tgħidu: “Għala l-iben m’għandux ibati l-konsegwenzi tad-dnub taʼ missieru?” Ladarba l-iben għamel dak li hu ġust u sewwa, u żamm mal-liġijiet tiegħi u obdiehom, hu żgur li jibqaʼ ħaj. 20 Ir-ruħ* li tidneb hi dik li tmut. L-iben mhux se jbati l-konsegwenzi tad-dnub taʼ missieru, u l-missier mhux se jbati l-konsegwenzi taʼ ibnu. Min jaġixxi b’mod ġust biss se jiġi ppremjat għall-ġustizzja tiegħu, u min jagħmel il-ħażin biss se jiġi kkastigat għall-ħażen tiegħu.

21 “‘Issa jekk xi ħadd ħażin ma jibqax jagħmel id-dnubiet li jkun qed jagħmel, jobdi l-liġijiet tiegħi, u jagħmel dak li hu ġust u sewwa, hu żgur jibqaʼ ħaj. Ma jmutx. 22 Jien mhux se nikkastigah* għad-dnubiet li jkun għamel. Hu jibqaʼ ħaj talli jkun qed jagħmel dak li hu sewwa.’

23 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid: ‘Jaqaw jien nieħu pjaċir bil-mewt taʼ xi ħadd ħażin? Jaqaw ma nippreferix jien li hu ma jibqax jagħmel il-ħażen u jibqaʼ ħaj?’

24 “‘Imma meta xi ħadd ġust ma jibqax jagħmel dak li hu tajjeb u jagħmel dak li hu ħażin* billi jagħmel l-affarijiet moqżieża kollha li jagħmel min hu ħażin, se jibqaʼ jgħix? L-affarijiet tajbin kollha li jkun għamel jintesew u se jmut minħabba n-nuqqas taʼ lealtà u d-dnub tiegħu.

25 “‘Imma intom se tgħidu: “Dak li għamel* Ġeħova mhuwiex ġust.” Jekk jogħġobkom isimgħuni, poplu t’Iżrael. Dak li nagħmel jien mhuwiex ġust? Mhux dak li tagħmlu intom mhuwiex ġust?

26 “‘Meta xi ħadd ġust ma jibqax jagħmel dak li hu tajjeb u jagħmel dak li hu ħażin u b’hekk imut, hu se jmut minħabba l-ħażen tiegħu stess.

27 “‘Meta xi ħadd ħażin ma jibqax jagħmel il-ħażen li jkun qed jagħmel u jibda jagħmel dak li hu ġust u sewwa, hu jibqaʼ ħaj.* 28 Meta jinduna li jkun qed jagħmel dak li hu ħażin u ma jibqax jagħmlu, hu żgur jibqaʼ ħaj. Ma jmutx.

29 “‘Imma l-poplu t’Iżrael se jgħid: “Dak li jagħmel Ġeħova mhux ġust.” Hu verament dak li nagħmel jien li mhuwiex ġust, poplu t’Iżrael? Mhux dak li tagħmlu intom li mhuwiex ġust?’

30 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid: ‘Għalhekk, se niġġudika lil kull wieħed skont kif jaġixxi, poplu t’Iżrael. Indmu u tibqgħux tagħmlu dak li hu ħażin ħalli ma tkunux t’ostaklu u ġġibu l-ħtija fuqkom. 31 Warrbu l-affarijiet ħżiena kollha li għamiltu, żviluppaw qalb ġdida, u biddlu l-mod kif taħsbuha, għax għala għandkom tmutu, poplu t’Iżrael?’

32 “‘Jien ma niħux pjaċir bil-mewt taʼ ħadd,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. ‘Mela duru lura u għixu.’”

19 “Għandek tkanta għanja taʼ swied il-qalb dwar il-kapijiet t’Iżrael, 2 u tgħid,

‘Ommok kienet bħal iljuna qalb l-iljuni.

Hi kienet timtedd qalb l-iljuni żgħar u b’saħħithom u hemm rabbiet il-frieħ tagħha.

 3 Wieħed mill-frieħ tagħha sar iljun b’saħħtu.

Hu tgħallem ibiċċer il-priża li jaqbad,

U saħansitra kien jiblaʼ lill-bnedmin.

 4 Il-popli semgħu bih u qabduh fil-ħofra li għamlulu,

U ħaduh fl-art tal-Eġittu bil-ganċijiet.

 5 Hi stennietu, imma meta qatgħet qalbha li mhux se jerġaʼ jiġi lura,

Hi ħadet ieħor mill-frieħ tagħha u ttrennjatu biex isir iljun b’saħħtu.

 6 Hu wkoll kien jimxi fost l-iljuni u sar iljun b’saħħtu.

Hu tgħallem ibiċċer il-priża li jaqbad, u saħansitra kien jiblaʼ lill-bnedmin.

 7 Hu kien imur idur qalb it-torrijiet iffortifikati tagħhom u qered il-bliet tagħhom,

U l-għajta tiegħu setgħet tinstemaʼ fil-pajjiż abbandunat kollu.

 8 Il-popli mid-distretti tal-madwar ġew għalih biex jitfgħu x-xibka tagħhom fuqu,

U hu nqabad fil-ħofra tagħhom.

 9 Huma daħħluh f’gaġġa permezz tal-ganċijiet u ħaduh għand ir-re taʼ Babilonja.

Hemmhekk qegħduh f’post magħluq biex ma jinstemax iżjed jgħajjat fuq il-muntanji t’Iżrael.

10 Ommok kienet bħal dielja* mħawla ħdejn l-ilmijiet.

Hi kellha l-frott u kienet mimlija friegħi minħabba l-abbundanza tal-ilma.

11 Il-friegħi tagħha saru b’saħħithom, tajbin biex jintużaw bħala xettri tal-mexxejja.

Din kibret u għoliet fuq is-siġar l-oħra,

U bdiet tidher minħabba l-għoli tagħha u minħabba l-ħafna weraq tagħha.

12 Imma hi ġiet maqlugħa mill-għeruq u mwaddba mal-art b’rabja kbira,

U riħ mil-Lvant nixxef il-frott tagħha.

Il-friegħi b’saħħithom tagħha ġew imqaċċtin u nixfu, u ħaraqhom in-nar.

13 Issa hi mħawla fid-deżert,

F’art niexfa u bla ilma.

14 In-nar infirex mill-friegħi b’saħħithom tagħha għall-friegħi żgħar u għall-frott u ħaraqhom,

U ma kien fadal l-ebda fergħa b’saħħitha, l-ebda xettru għall-mexxejja.

“‘Din hi għanja taʼ swied il-qalb li se ssir popolari.’”

20 Fl-għaxar jum tal-ħames xahar tas-sebaʼ sena, xi anzjani* t’Iżrael ġew u poġġew quddiemi biex jaraw jekk Ġeħova għandux xi ħaġa x’jgħidilhom. 2 Imbagħad irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 3 “Bin il-bniedem, għidilhom hekk lill-anzjani t’Iżrael, ‘Hekk jgħidilkom Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Intom ġejtu taraw jekk għandix xi ħaġa x’ngħidilkom. Imma naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li mhux se nwiġibkom,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’

4 “Bin il-bniedem, lest biex tiġġudikahom?* Lest biex tiġġudikahom? Għidilhom bl-affarijiet moqżieża li għamlu missirijiethom. 5 Għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Dakinhar li għażilt lil Iżrael, jien ħlift* lit-tfal taʼ Ġakobb u wrejthom min jien fl-art tal-Eġittu. Iva, jien ħliftilhom u għedtilhom, ‘Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’ 6 Dakinhar ħlift li noħroġhom mill-art tal-Eġittu għal art li jien għażiltilhom,* art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. Din kienet l-isbaħ art mill-artijiet kollha. 7 Imbagħad jien għedtilhom, ‘Kull wieħed minnkom għandu jarmi l-affarijiet moqżieża li hemm quddiemu; titniġġsux bl-idoli moqżieża* tal-Eġittu. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’

8 “‘“Imma huma rribellaw kontrija u ma ridux jisimgħu minni. Ma rmewx l-affarijiet moqżieża li kien hemm quddiemhom u ma telqux l-idoli moqżieża tal-Eġittu. Allura ħlift li nuri r-rabja kbira tiegħi u nisfoga għalkollox ir-rabja tiegħi kontrihom fl-art tal-Eġittu. 9 Imma jien aġixxejt minħabba ismi ħalli ma jiġix iddiżonorat f’għajnejn il-popli li kienu jgħixu fosthom. Meta ħriġthom mill-art tal-Eġittu, urejthom min jien quddiem dawn il-popli. 10 Jien ħriġthom mill-art tal-Eġittu u mexxejthom fid-deżert.

11 “‘“Imbagħad tajthom il-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi ħalli kull min jobdihom jibqaʼ jgħix. 12 Tajthom ukoll il-liġi tiegħi dwar is-Sabat bħala sinjal bejni u bejnhom biex ikunu jafu li jien, Ġeħova, hu l-wieħed li qed inqaddishom.

13 “‘“Imma l-poplu t’Iżrael irribellaw kontrija fid-deżert. Huma m’obdewx il-liġijiet tiegħi u warrbu d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, li min jobdihom jibqaʼ jgħix. Huma ddiżonoraw ħafna l-liġi tiegħi dwar is-Sabat. Allura ħlift li nuri r-rabja kbira tiegħi kontrihom fid-deżert biex neqridhom għalkollox. 14 Jien aġixxejt minħabba ismi stess ħalli ma jiġix iddiżonorat f’għajnejn il-popli li ħriġthom* quddiemhom. 15 Jien fid-deżert ħliftilhom ukoll li mhux se ndaħħalhom fl-art li wegħedthom, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel u l-isbaħ art mill-artijiet kollha. 16 Għamilt hekk għax huma warrbu d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, m’obdewx il-liġijiet tiegħi, u ddiżonoraw il-liġi tiegħi dwar is-Sabat, għax huma kienu jqimu* l-idoli moqżieża tagħhom.

17 “‘“Imma jien tħassarthom u ma qridthomx għalkollox, ma qridthomx għalkollox fid-deżert. 18 Jien għedt lit-tfal tagħhom fid-deżert, ‘Timxux mar-regoli taʼ missirijietkom, iżżommux mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tagħhom, u titniġġsux bl-idoli moqżieża tagħhom. 19 Jien Ġeħova l-Alla tagħkom. Imxu mal-liġijiet tiegħi, żommu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, u obduhom. 20 Qaddsu l-liġi tiegħi dwar is-Sabat, u dan se jkun sinjal bejni u bejnkom biex tkunu tafu li jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’

21 “‘“Imma t-tfal tagħhom bdew jirribellaw kontrija. Huma ma mxewx mal-liġijiet tiegħi, u la obdew u lanqas żammew mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, li min jobdihom jibqaʼ jgħix. Huma ddiżonoraw il-liġi tiegħi dwar is-Sabat. Allura ħlift li nuri r-rabja kbira tiegħi u nisfoga għalkollox ir-rabja tiegħi kontrihom fid-deżert. 22 Imma jien żammejt lura u aġixxejt minħabba ismi stess ħalli ma jiġix iddiżonorat f’għajnejn il-popli li ħriġthom* quddiemhom. 23 Ukoll, jien ħliftilhom fid-deżert li se nferrixhom fost il-popli u nxerridhom fost il-pajjiżi. 24 Dan minħabba li ma żammewx mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, warrbu l-liġijiet tiegħi, iddiżonoraw il-liġi tiegħi dwar is-Sabat, u qiemu l-idoli moqżieża taʼ missirijiethom. 25 Jien ħallejthom ukoll jimxu wara r-regoli li ma kinux tajbin u wara d-deċiżjonijiet ġudizzjali li ma setgħux jagħtuhom il-ħajja. 26 Jien ħallejthom iniġġsu lilhom infushom bis-sagrifiċċji li kienu jagħmlu meta kienu jaħarqu fin-nar lill-ewwel imwieled tagħhom. Dan biex nagħmilhom ħerba, u b’hekk ikunu jafu li jien Ġeħova.”’

27 “Allura bin il-bniedem, kellem lill-poplu t’Iżrael u għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Bl-istess mod, missirijietkom dgħaw* kontrija billi aġixxew b’nuqqas taʼ lealtà miegħi. 28 Jien ġibthom fl-art li wegħedthom li se nagħtihom. Meta raw l-għoljiet kbar u s-siġar b’ħafna weraq, huma bdew joffru s-sagrifiċċji tagħhom u offerti li joffenduni. Hemmhekk kienu jippreżentaw is-sagrifiċċji bħala riħa pjaċevoli* u jferrgħu l-offerti tax-xorb tagħhom. 29 Allura staqsejthom, ‘Għala qed tmorru f’dan il-post għoli? (Għadu jissejjaħ Post fl-Għoli sal-lum.)’”’

30 “Issa lill-poplu t’Iżrael għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Intom qegħdin titniġġsu bl-istess mod bħal missirijietkom billi tqimu l-idoli moqżieża tagħhom biex ma tkunux leali lejja, hux hekk?* 31 U għadkom sal-lum titniġġsu billi toffru sagrifiċċji lill-idoli moqżieża tagħkom billi taħarqu fin-nar lit-tfal tagħkom. Allura poplu t’Iżrael, għandi jien fl-istess ħin inwiġibkom?”’

“‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘li mhux se nwiġibkom. 32 Mhu se jiġri qatt dak li għandkom f’moħħkom meta tgħidu, “Ejja nsiru bħall-popli, bħall-familji tal-pajjiżi l-oħra, li jqimu* l-injam u l-ġebel.”’”

33 “‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘li se mmexxi fuqkom bħal re b’id b’saħħitha, b’qawwa kbira, u b’rabja kbira. 34 Jien se noħroġkom mill-popli u niġborkom flimkien mill-pajjiżi fejn tferrixtu b’id b’saħħitha, b’qawwa kbira, u b’rabja kbira. 35 Jien se noħroġkom fid-deżert tal-popli u hemmhekk se niġġudikakom jien stess.

36 “‘Bħalma ġġudikajt lil missirijietkom fid-deżert fl-art tal-Eġittu, jien se niġġudika lilkom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 37 ‘Jien se nġegħelkom tgħaddu minn taħt il-bastun tar-ragħaj u nġegħelkom iżżommu mal-patt.* 38 Imma jien se nneħħi minn fostkom lil dawk li jirribellaw kontrija u li jiksru l-liġi tiegħi. Għax jien se noħroġhom mill-pajjiż li qed jgħixu fih bħala barranin, imma mhux se jidħlu fl-art t’Iżrael. U se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.’

39 “Int, poplu t’Iżrael, hekk jgħidlek Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Ħa jmur kull wieħed minnkom jaqdi l-idoli moqżieża tiegħu. Imma kunu afu li jekk ma tibdewx tisimgħu minni, se jiġi żmien fejn ma tkunux tistgħu tiddiżonoraw iżjed l-isem qaddis tiegħi bis-sagrifiċċji u l-idoli moqżieża tagħkom.’

40 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid hekk: ‘Il-poplu sħiħ t’Iżrael, kollha kemm huma, se jaqduni fuq il-muntanja qaddisa tiegħi, fuq muntanja għolja f’Iżrael. Jien se nieħu pjaċir bikom hemm u se nistenna mingħandkom il-kontribuzzjonijiet u l-ewwel prodott tal-offerti tagħkom, l-affarijiet qaddisa kollha tagħkom. 41 Minħabba r-riħa pjaċevoli,* jien se nieħu pjaċir bikom meta noħroġkom mill-popli u niġborkom flimkien mill-pajjiżi li tferrixtu fihom; u permezz tagħkom jien se niġi mqaddes f’għajnejn il-popli.’

42 “‘U meta nġibkom fl-art t’Iżrael, fl-art li wegħedt li se nagħti lil missirijietkom, intom se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova. 43 U hemm se tiftakru kif ġibtu ruħkom u l-affarijiet kollha li għamiltu, li bihom niġġistu lilkom infuskom, u se titqażżu lilkom infuskom minħabba l-affarijiet ħżiena kollha li għamiltu. 44 Meta nagħmel dawn l-affarijiet, se jkollkom tkunu tafu li jien, Ġeħova, se nagħmilhom minħabba ismi. Poplu t’Iżrael, mhux se nikkastigakom skont kif ġibtu ruħkom u l-affarijiet ħżiena li għamiltu,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

45 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 46 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn in-Nofsinhar u hemm xandar u pprofetizza lill-foresta fl-art tan-Nofsinhar. 47 Lill-foresta fin-Nofsinhar għidilha, ‘Ismaʼ x’għandu jgħid Ġeħova. Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Qed inqabbad nar kontrik, u se jaħraq kull siġra ħadra u kull siġra niexfa fik. Il-fjamma mhux se tintefa, u bih se jinħaraq kulħadd* min-Nofsinhar sat-Tramuntana. 48 U kulħadd se jara li jien stess, Ġeħova, tajtha n-nar biex ma tintefiex.”’”

49 U jien għedt: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, dwari qed jgħidu, ‘Dan mhux dejjem ħaġa moħġaġa* jgħid?’”

21 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn Ġerusalemm, tkellem kontra l-postijiet qaddisa, u pprofetizza kontra l-art t’Iżrael. 3 Għid lill-art t’Iżrael, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Jien kontrik, u se noħroġ ix-xabla minn postha u noqtol kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena. 4 Peress li se noqtol minnek it-tajbin u l-ħżiena, ix-xabla tiegħi se toħroġ minn postha kontra n-nies kollha min-Nofsinhar sat-Tramuntana. 5 In-nies kollha se jkollhom ikunu jafu li jien stess, Ġeħova, ħriġt ix-xabla tiegħi minn postha. Din mhux se terġaʼ tmur lura.”’

6 “U int, bin il-bniedem, ħu nifs fil-fond waqt li titriegħed.* Iva, ħu nifs fil-fond b’qalbek maqsuma quddiemhom. 7 U jekk jgħidulek, ‘Għala qed tonfoħ?’ int għidilhom, ‘Minħabba l-aħbar.’ Għax żgur li se tiġri, u kull qalb se ddub bil-biżaʼ, kull id se tintelaq, kull spirtu se jiddgħajjef, u kull irkoppa se tqattar l-ilma.* ‘Żgur li se tiġri. Din se sseħħ,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”*

8 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 9 “Bin il-bniedem, ipprofetizza u għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Għid, ‘Xabla! Xabla ġiet imsinna u llostrata. 10 Imsinna biex toqtol ħafna; illostrata biex tleqq bħas-sajjetti.’”’”

“Imma għandna nifirħu?”

“‘Din* se tkisser ix-xettru taʼ ibni stess, bħalma tagħmel lil kull siġra.

11 “‘Din ingħatat biex tiġi llostrata u biex tintuża. Ix-xabla ġiet imsinna u llostrata, biex tingħata lil dak li se joqtol.

12 “‘Bin il-bniedem, għajjat u ibki għax din ġiet kontra l-poplu tiegħi; hi kontra l-kapijiet kollha t’Iżrael. Dawn se jkunu vittmi tax-xabla flimkien mal-poplu tiegħi. Għalhekk, agħti fuq koxxtok biex turi li int imdejjaq. 13 Il-poplu tiegħi ġie eżaminat, u x’se jiġri jekk ix-xabla tkisser ix-xettru? Dan* ma jibqax jeżisti,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

14 “U int, bin il-bniedem, ipprofetizza, ċapċap idejk, u għid tliet darbiet ‘Xabla!’ Din hi x-xabla li toqtol il-vittmi, ix-xabla li toqtol ħafna u li qed iddur madwarhom. 15 Huma se jibżgħu ħafna* u ħafna se jaqgħu fil-bibien tal-belt tagħhom. Jien se noqtol bix-xabla. Iva, din se tkun tleqq bħas-sajjetti u llostrata biex toqtol! 16 Oqtol fuq il-lemin u fuq ix-xellug! Oqtol kull fejn ix-xafra tiegħek tiġi ggwidata! 17 Jien ukoll se nċapċap idejja u nagħmel ġudizzju, u mbagħad ma nibqax daqshekk irrabjat. Jien stess, Ġeħova, tkellimt.”

18 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 19 “Bin il-bniedem, immarka żewġ toroq biex tgħaddi minnhom ix-xabla tar-re taʼ Babilonja. It-tnejn li huma għandhom joħorġu mill-istess pajjiż, u agħmel sinjal fil-parti tat-triq li tagħti għaż-żewġt ibliet. 20 Għandek tagħmel marka fi triq biex ix-xabla tiġi kontra Rabba tal-Għammonin, u marka fit-triq l-oħra biex tiġi kontra Ġerusalemm, il-belt iffortifikata taʼ Ġuda. 21 Għax ir-re taʼ Babilonja jieqaf biex jipprattika t-teħbir fil-parti tat-triq li tiftaħ għaż-żewġ toroq. Hu jċaqlaq il-vleġeġ. Jara x’jgħidu l-idoli* tiegħu; jeżamina l-fwied. 22 It-teħbir li għandu f’idu l-leminija jimmarka lejn Ġerusalemm bħala l-belt biex jarma l-magni li jeqirdu, jikkmandahom joqtlu, jagħmlu l-ħoss tal-battalja, jarma l-magni li jeqirdu kontra l-bibien tagħha, itellaʼ rampa għall-assedju, u jibni ħajt tal-assedju. 23 Imma għal dawk* li kienu għamlulhom* ħalfa, dan it-teħbir se jidher li mhuwiex veru. Imma hu se jiftakar il-ħtija tagħhom u se jaqbadhom.

24 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Intom ġegħeltu l-ħtija tagħkom stess tiġi mfakkra billi kxiftu n-nuqqasijiet tagħkom u wrejtu d-dnubiet tagħkom b’dak kollu li għamiltu. Issa li ftakru fikom, se tittieħdu bil-forza.’

25 “Kap ħażin t’Iżrael, li int ferut għall-mewt, il-ġurnata tiegħek waslet, wasal iż-żmien li tiġi kkastigat. 26 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Neħħi t-turban u inżaʼ l-kuruna. L-affarijiet mhux se jibqgħu l-istess. Għolli lil min mhux importanti u baxxi lil min hu importanti. 27 Ħerba, ħerba, ħerba se nagħmilha.* U din mhu se tkun taʼ ħadd sakemm jiġi l-wieħed li jkollu d-dritt legali għaliha u nagħtihielu.’

28 “U int, bin il-bniedem, ipprofetizza u għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox dwar l-Għammonin u t-twaqqigħ għaċ-ċajt tagħhom: Xabla! Xabla lesta biex toqtol; hi llostrata biex teqred u tleqq bħas-sajjetti. 29 Minkejja l-viżjonijiet foloz u teħbir li mhux veru dwarek, in-nies tiegħek se jiġu mitfugħin fuq il-maqtulin, fuq l-irġiel ħżiena li waslet il-ġurnata tagħhom, iż-żmien li jiġu kkastigati. 30 Ix-xabla għandha tiddaħħal f’postha. Jien se niġġudikak fil-post minn fejn ġejt, l-art li twilidt fiha. 31 Se nikkastigak għax jien irrabjat, u r-rabja tiegħi taħraq bħan-nar. U se nagħtik f’idejn nies kattivi, nies li huma tas-sengħa f’li jeqirdu. 32 Int se tkun bħal xi ħaġa li tintefaʼ fin-nar biex ikompli jaqbad. Demmek stess se jiġi mxerred fil-pajjiż, u ħadd iktar ma jiftakar fik, għax jien stess, Ġeħova, tkellimt.’”

22 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, lest int li tgħid il-ġudizzju kontra* l-belt li hi ħatja taʼ qtil u li tgħidilha dwar l-affarijiet diżgustanti kollha tagħha? 3 Għandek tgħid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Int belt li toqtol ħafna nies u se jasallek iż-żmien li tiġi ġġudikata. Int tniġġes lilek innifsek bl-idoli moqżieża* li tagħmel, 4 sirt ħatja bil-qtil li tagħmel, u m’għadekx nadifa bl-idoli moqżieża tiegħek. Int qed tgħaġġel il-ġudizzju tiegħek, u dan daqt se jiġri. Huwa għalhekk li l-popli se jmaqdruk u l-pajjiżi kollha se jwaqqgħuk għaċ-ċajt. 5 Belt b’isem ħażin u mimlija inkwiet, il-pajjiżi li huma viċin u ’l bogħod minnek se jwaqqgħuk għaċ-ċajt. 6 Kull kap t’Iżrael li hemm fik juża l-awtorità tiegħu biex joqtol. 7 In-nies li hemm fik jittrattaw lil missierhom u lil ommhom b’diżrispett. Huma jqarrqu bir-residenti barranin, u jittrattaw ħażin lill-orfni* u lin-nisa romol.”’”

8 “‘Int tiddisprezza l-postijiet qaddisin tiegħi u tiddiżonora l-liġi tiegħi dwar is-Sabat. 9 Fik hemm nies li jimmalafamaw u li huma determinati li joqtlu. Fik jieklu mis-sagrifiċċji fuq il-muntanji u jibqgħu jaġixxu b’mod oxxen. 10 Fik in-nies jiddiżonoraw is-sodda taʼ missierhom,* u jisforzaw mara biex jagħmlu magħha waqt li ma tkunx nadifa meta jkollha t-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar. 11 Fik raġel jaġixxi b’mod diżgustanti mal-mara taʼ ħaddieħor, xi ħadd ieħor jiddiżonora lill-mara tat-tifel b’kondotta oxxena, u jerġaʼ ħaddieħor jabbuża lil oħtu, it-tifla taʼ missieru stess. 12 Fik hemm dawk li jaċċettaw it-tixħim biex jinqatlu nies innoċenti. Int issellef bl-imgħax jew bi profitt,* u tisraq il-flus mingħand ħaddieħor. Iva, int insejtni għalkollox,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

13 “‘Jien iddiżgustat minħabba l-qligħ diżonest li għamilt u minħabba li fik inqatlu nies innoċenti. 14 Se tibqaʼ kuraġġuż* u jdejk se jibqgħu b’saħħithom fiż-żmien meta nieħu azzjoni kontrik? Jien stess, Ġeħova, tkellimt u se nieħu azzjoni. 15 Jien inxerrdek fost il-popli u nferrxek fost il-pajjiżi, u se nwaqqaf il-kondotta mhux nadifa tiegħek. 16 U int se tiġi ddiżonorata quddiem il-popli u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova.’”

17 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 18 “Bin il-bniedem, għalija l-poplu t’Iżrael saru bħall-ħmieġ tal-metall li ma jiswa għal xejn. Huma kollha bħar-ram, il-landa, il-ħadid, u ċ-ċomb ġo forn. Huma saru bħall-ħmieġ tal-fidda.

19 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Minħabba li lkoll kemm intom sirtu bħall-ħmieġ tal-metall li ma jiswa għal xejn, qed niġborkom flimkien f’Ġerusalemm. 20 Bħalma wieħed jiġbor il-fidda, ir-ram, il-ħadid, iċ-ċomb, u l-landa ġo forn biex iġiegħel in-nar jonfoħ fuqhom u jdewwibhom, hekk ukoll se niġborkom flimkien fir-rabja u l-korla tiegħi, u se nonfoħ fuqkom u ndewwibkom. 21 Se niġborkom flimkien u nonfoħ fuqkom in-nar tar-rabja kbira tiegħi, u intom se ddubu fil-belt. 22 Bħalma l-fidda ddub ġo forn, hekk intom se ddubu fiha; u se jkollkom tkunu tafu li jien stess, Ġeħova, urejtkom ir-rabja kbira tiegħi.’”

23 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 24 “Bin il-bniedem għidilha, ‘Int art li la se titnaddaf u lanqas mhu se tagħmel xita fuqek dakinhar li nkun irrabjat ħafna. 25 Il-profeti tagħha qed jikkonfoffaw fiha, bħal iljun jgħajjat li jċarrat dak li jaqbad. Huma qed jibilgħu n-nies.* Huma qed jaħtfu l-ġid u l-affarijiet prezzjużi. Fiha għamlu ħafna nisa romol. 26 Il-qassisin tagħha kisru l-liġi tiegħi, u huma jibqgħu jiddiżonoraw il-postijiet qaddisin tiegħi. Ma jagħmlu l-ebda differenza bejn dak li hu qaddis u dak li hu komuni, jonqsu milli jgħidu x’inhu nadif u x’mhuwiex, u jirrifjutaw li jobdu l-liġi tiegħi dwar is-Sabat; u jien ġejt iddiżonorat fosthom. 27 Il-mexxejja taʼ ġo fiha huma bħal ilpup li jċarrtu dak li jaqbdu; huma jxerrdu d-demm u joqtlu n-nies* biex jagħmlu qligħ diżonest. 28 Imma l-profeti tagħha jaħbu l-affarijiet ħżiena li jagħmlu bħal xi ħadd li jiksi l-ħajt bil-ġir. Huma jaraw viżjonijiet li ma jkunux veri u jbassru l-gideb, u jgħidu: “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,” meta jien, Ġeħova, ma nkun għedt xejn. 29 In-nies tal-pajjiż imbroljaw u serqu, ittrattaw ħażin lil dawk fil-bżonn u l-foqra, u serqu lir-residenti barranin u m’għamlux ġustizzja magħhom.’

30 “‘Kont qed infittex lil xi ħadd fosthom li jistaʼ jirranġa l-ħajt tal-ġebel jew li jistaʼ joqgħod fil-parti tal-ħajt li hu mkisser biex jiddefendi l-pajjiż, ħalli jien ma neqirdux, imma ma sibt lil ħadd. 31 Allura se nikkastigahom minħabba li jien irrabjat. Jien se neqridhom b’rabja li hi bħan-nar. Jien se nġib fuqhom stess il-konsegwenzi taʼ kif aġixxew,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

23 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, kien hemm żewġ nisa li kienu t-tfal tal-istess omm. 3 Huma saru prostituti fl-Eġittu. Kienu jagħmlu l-prostituzzjoni minn mindu kienu żgħar. Hemmhekk għafsulhom u messewlhom sidirhom meta kienu verġni. 4 Il-kbira kien jisimha Oħola* u oħtha Oħoliba.* Huma saru tiegħi u wilduli t-tfal. Oħola tirrappreżenta lis-Samarija u Oħoliba lil Ġerusalemm.

5 “Oħola bdiet tagħmel il-prostituzzjoni waqt li kienet il-mara tiegħi. Hi kellha xewqat sesswali għall-maħbubin tagħha l-Assirjani, li huma l-ġirien tagħha. 6 Huma kienu gvernaturi lebsin ħwejjeġ blu u uffiċjali. Kollha kemm huma kienu ġuvintur sbieħ rekbin iż-żwiemel tagħhom. 7 Hi kompliet tagħmel il-prostituzzjoni mal-iżjed Assirjani importanti, u niġġset lilha nfisha bl-idoli moqżieża* taʼ dawk li kienet tixtieq ħafna. 8 Hi ma waqfitx tagħmel il-prostituzzjoni li kienet tagħmel fl-Eġittu, għax meta kienet żgħira huma mteddew magħha, messewlha sidirha, u b’xewqa kbira kellhom relazzjoni immorali magħha. 9 Allura tajtha f’idejn il-maħbubin tagħha, jiġifieri f’idejn l-Assirjani, dawk li kellha xewqat sesswali għalihom. 10 Huma ddiżonorawha,* ħatfu t-tfal tagħha, u qatluha b’xabla. Hi kellha fama ħażina man-nisa, u hi ġiet iġġudikata.

11 “Meta oħtha Oħoliba rat dan kollu, hi kellha saħansitra iktar xewqat sesswali, u l-prostituzzjoni li għamlet kienet agħar minn t’oħtha. 12 Hi kellha xewqat sesswali għall-ġirien tagħha l-Assirjani. Dawn kienu l-gvernaturi u l-uffiċjali li kienu lebsin ħwejjeġ mill-aqwa u rekbin iż-żwiemel. Kollha kemm huma kienu ġuvintur sbieħ. 13 Meta niġġset lilha nnifisha, jien rajt li t-tnejn li huma aġixxew bl-istess mod. 14 Imma Oħoliba kompliet tagħmel iżjed prostituzzjoni. Hi rat irġiel imnaqqxin fuq il-ħajt. Dawn kienu statwi tal-Kaldin imnaqqxin u miżbugħin bl-aħmar, 15 lebsin ċinturini maʼ qaddhom, u b’turban twil fuq rashom. Kollha kemm huma kienu jidhru bħal gwerriera u jixbhu lill-Babiloniżi, li twieldu fl-art tal-Kaldin. 16 Malli rathom, hi kellha xewqat sesswali għalihom u bagħtet messaġġiera għalihom fil-Kaldija. 17 Allura l-Babiloniżi baqgħu jmorru magħha fis-sodda u niġġsuha billi kellhom relazzjoni immorali magħha. U wara li ġiet imniġġsa minnhom, hi ddiżgustathom u warrbithom.

18 “Meta hi bla mistħija għamlet il-prostituzzjoni u neżgħat għarwiena, jien kont iddiżgustat biha u warrabtha, bħalma kont iddiżgustat b’oħtha u warrabtha. 19 Hi baqgħet tagħmel iżjed prostituzzjoni, billi tiftakar f’meta kienet żgħira u kienet tagħmel il-prostituzzjoni fl-art tal-Eġittu. 20 Hi kellha xewqat sesswali għall-maħbubin tagħha bħall-konkubini taʼ rġiel li għandhom l-organu ġenitali tagħhom bħal taʼ ħmar jew bħal taʼ żiemel. 21 Int ixxennaqt għall-kondotta oxxena taʼ meta kont għadek żgħira u l-Eġizzjani kienu jmissulek sidrek.

22 “Għalhekk Oħoliba, hekk jgħidlek Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* ‘Jien se nxewwex lill-maħbubin tiegħek li int iddiżgustajt u warrabt. Jien se nġibhom kontrik minn kull direzzjoni. 23 Dawn huma l-Babiloniżi u l-Kaldin kollha, l-irġiel taʼ Pekod, Sugħa, u Kugħa, flimkien mal-Assirjani kollha. Kollha kemm huma huma ġuvintur sbieħ, gvernaturi u uffiċjali, u gwerriera u nies importanti.* Kollha kemm huma rekbin iż-żwiemel. 24 Huma se jattakkawk b’ħafna karrijiet tal-gwerra bir-roti u b’armata kbira taʼ suldati li għandhom tarki kbar u żgħar* u elmijiet. Huma se jdawruk, u jien se nagħtihom l-awtorità biex jiġġudikawk, u huma se jiġġudikawk kif jaħsbu huma. 25 Jien se nuri kemm jien irrabjat, u huma se jaġixxu kontrik bir-rabja kbira tagħhom. Se jaqtgħulek imnieħrek u widnejk, u n-nies tiegħek li jibqgħu ħajjin se jmutu bix-xabla. Huma se jiħdulek it-tfal, u dawk li se jibqgħu ħajjin se jinħarqu bin-nar. 26 Huma se jċarrtulek ħwejġek u jaħtfulek il-ġojjelli sbieħ. 27 Jien se nwaqqaf il-kondotta oxxena tiegħek u l-prostituzzjoni tiegħek li bdiet fl-art tal-Eġittu. Int mhux se tibqaʼ tħares lejhom u mhux se tiftakar iżjed l-Eġittu.’

28 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox hekk jgħid, ‘Jien dalwaqt se nagħtik f’idejn dawk li tobgħod, dawk li int iddiżgustajt u warrabt. 29 Huma se jaġixxu miegħek b’mibegħda, se jiħdulek dak li ħdimt iebes għalih, u se jħalluk għarwiena għalkollox. Kulħadd se jara l-immoralità bla mistħija tiegħek, il-kondotta oxxena tiegħek, u l-prostituzzjoni tiegħek. 30 Se jiġrulek dawn l-affarijiet għax int ġrejt wara l-popli bħal prostituta u għax niġġist lilek innifsek bl-idoli moqżieża tagħhom. 31 Int aġixxejt l-istess bħal oħtok, u se npoġġi f’idek it-tazza* tagħha.’

32 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,

‘Int se tixrob mit-tazza t’oħtok, li hi wiesgħa u fonda,

U n-nies se jidħqu bik u jwaqqgħuk għaċ-ċajt, għax it-tazza hi mimlija b’dan.

33 Int se tixrob it-tazza t’oħtok is-Samarija.

Int se tisker, se jkollok ħafna dwejjaq,

U se ssir xi ħaġa tal-biżaʼ u mwarrba.

34 Int se jkollok tixrob it-tazza sal-aħħar qatra u tgerrem il-biċċiet tal-fuħħar tat-tazza,

U mbagħad iċċarrat sidrek.

“Għax jien stess tkellimt,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’

35 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Peress li nsejtni u injorajtni għalkollox,* int se jkollok tbati l-konsegwenzi tal-kondotta oxxena tiegħek u tal-prostituzzjoni li tagħmel.’”

36 Imbagħad Ġeħova qalli: “Bin il-bniedem, lest int biex tgħidilhom il-ġudizzju lil Oħola u Oħoliba u tiffaċċjahom għall-affarijiet moqżieża li għamlu? 37 Huma għamlu adulterju,* u jdejhom imċappsin bid-demm tan-nies li qatlu. Mhux talli għamlu adulterju billi qiemu l-idoli moqżieża tagħhom, imma wkoll ħarqu lit-tfal tiegħi fin-nar bħala ikel għall-idoli tagħhom. 38 U mhux hekk biss, imma għamluli hekk ukoll: Dakinhar huma niġġsu s-santwarju tiegħi u ddiżonoraw il-liġi tiegħi dwar is-Sabat. 39 Dakinhar stess, wara li qatlu lit-tfal tagħhom bħala sagrifiċċji għall-idoli moqżieża tagħhom, huma daħlu fis-santwarju tiegħi biex jiddiżonorawh. Dan għamluh fit-tempju tiegħi stess. 40 Huma anki bagħtu għall-irġiel biex jiġu mill-bogħod ħafna permezz taʼ messaġġier. Meta kienu ġejjin, int inħsilt, żbajt għajnejk, u żżejjint bil-ġojjelli. 41 U int poġġejt fuq sufan mill-isbaħ b’mejda quddiemu, u fuqha qegħedt l-inċens u ż-żejt tiegħi. 42 Hemmhekk instemaʼ l-ħoss taʼ folla rġiel li lesti li jieħdu pjaċir, u fosthom kien hemm sakranazzi li ġabuhom mid-deżert. Huma poġġew ċpiepet f’idejn iż-żewġ nisa u kuruni sbieħ fuq rashom.

43 “Imbagħad dwar dik li għejiet tagħmel l-adulterju, għedt, ‘Hi se tkompli tagħmel il-prostituzzjoni.’ 44 Allura baqgħu jmorru għandha bħalma wieħed imur għand prostituta. Hekk marru għand Oħola u Oħoliba, in-nisa li jaġixxu b’mod oxxen. 45 Imma rġiel ġusti se jiġġudikawha kif ħaqqha għall-adulterju u t-tixrid taʼ demm; għax it-tnejn li huma adulteri, u għandhom idejhom imċappsin bid-demm tan-nies li qatlu.

46 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Se nġib armata kontrihom u se tisirqilhom kollox, u huma se jsiru xi ħaġa tal-biżaʼ għall-popli taʼ madwarhom. 47 L-armata se twaddbilhom il-ġebel u toqtolhom bix-xabla. Huma se joqtlu s-subien u bniet tagħhom u jaħarqulhom id-djar tagħhom. 48 Jien se nara li ma jkunx hemm iżjed kondotta oxxena fil-pajjiż, u n-nisa kollha se jieħdu t-tagħlima u ma jimitawx il-kondotta oxxena tagħkom. 49 Huma se jġibu fuqkom il-konsegwenzi tal-kondotta oxxena tagħkom u tad-dnubiet li għamiltu mal-idoli moqżieża tagħkom; u intom se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’”

24 Fl-għaxar jum tal-għaxar xahar tad-disaʼ sena, irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ħu nota taʼ din id-data, taʼ dan il-jum, għax f’dan il-jum ir-re taʼ Babilonja beda l-attakk tiegħu kontra Ġerusalemm. 3 U għid dan il-proverbju* dwar in-nies ribellużi:

“‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:*

“Poġġi l-borma fuq in-nar u ferraʼ l-ilma fiha.

 4 Poġġi biċċiet tal-laħam fiha, kull biċċa tajba,

Il-koxxa u l-ispalla; imlieha bl-aqwa għadam.

 5 Ħu l-aqwa nagħaġ tal-merħla u qiegħed iz-zkuk taħt il-borma mad-dawra kollha.

Għalli l-biċċiet tal-laħam u sajjar l-għadam taʼ ġo fiha.”’”

6 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:

‘Ħażin għall-belt li xxerred id-demm, li hi bħal borma bis-sadid u li s-sadid ma tneħħiex!

Neħħi l-laħam minnha biċċa biċċa; titfax ix-xorti għalihom.

 7 Għax id-demm li xerrdet qiegħed fiha.

Hi ferrgħetu fuq blat ċatt. Ma ferrgħetux fl-art biex tgħattih bit-trab.

 8 Jien poġġejt id-demm tagħha fuq blata ċatta u tleqq

Biex jibqaʼ jidher,

Ħalli nirrabja ħafna u nagħmel vendetta.ʼ

9 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:

‘Ħażin għall-belt li xxerred id-demm!

Jien se nagħmel ħafna njam fuq xulxin.

10 Żid iz-zkuk u qabbad in-nar,

Għalli l-laħam sew, ferraʼ l-brodu, u ħalli l-għadam jinħaraq.

11 Poġġi l-borma vojta fuq il-ġamar biex tisħon,

U b’hekk ir-ram tagħha jiġi jaħraq ħafna.

Il-ħmieġ tagħha jdub fiha, u s-sadid tagħha jinħaraq.

12 Lanqas ħaqq il-kedda,

Għax il-ħafna sadid tagħha mhux se jinqalaʼ.

Itfagħha fin-nar bis-sadid b’kollox!’

13 “‘In-nuqqas taʼ ndafa tiegħek hu minħabba l-kondotta oxxena tiegħek. Ipprovajt innaddfek, imma int ma kontx se tindaf min-nuqqas taʼ ndafa tiegħek. Int se tindaf wara li ma nibqax daqshekk irrabjat miegħek. 14 Jien stess, Ġeħova, tkellimt. Dan se jiġri. Jien se naġixxi mingħajr ma nżomm lura, la se tiġini ħasra, u lanqas se jiddispjaċini. Huma se jiġġudikawk skont dak li għamilt u kif aġixxejt,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

15 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 16 “Bin il-bniedem, f’daqqa waħda se niħodlok lill-għażiża tiegħek. Int m’għandekx tagħmel vistu* u lanqas tibki. 17 Tkarrab fil-kwiet u tagħmilx il-vistu għall-mejtin. Orbot it-turban tiegħek u ilbes is-sandli. M’għandekx tgħatti l-mustaċċi u tikolx il-ħobż li jġibulek.”

18 Filgħodu kellimt lin-nies, u filgħaxija mietet il-mara tiegħi. Għalhekk, l-għada filgħodu għamilt bħalma ġejt ikkmandat. 19 U n-nies bdew jgħiduli: “Tistaʼ tgħidilna xi jfissru għalina dawn l-affarijiet li qed tagħmel?” 20 Wiġibthom: “Irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid, 21 ‘Għid lill-poplu t’Iżrael: “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Jien daqt se niddiżonora s-santwarju tiegħi li intom kburin bih, li tgħożżuh ħafna, u li hu marbut maʼ qalbkom.* Is-subien u l-bniet tagħkom stess li ħallejtu warajkom se jinqatlu bix-xabla. 22 Imbagħad se jkollkom tagħmlu bħalma għamilt jien. M’intomx se tgħattu l-mustaċċi tagħkom u lanqas se tieklu l-ikel li se jġibulkom oħrajn. 23 It-turban tagħkom se jkun fuq raskom u s-sandli f’saqajkom. M’intomx se tagħmlu vistu jew tibku. Minflok, intom se tbatu minħabba l-iżbalji tagħkom stess u se tokorbu maʼ xulxin. 24 Eżekjel sar sinjal għalikom. Bħalma għamel hu, hekk se tagħmlu intom. Meta jiġri hekk, intom se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’”’”

25 “U int, bin il-bniedem, dakinhar li jien niħdilhom il-fortizza tagħhom, jiġifieri l-ħaġa sabiħa li tagħtihom il-ferħ, il-ħaġa għażiża għalihom, u dik li qalbhom* hi marbuta magħha, flimkien mat-tfal tagħhom subien u bniet, 26 int se ssir taf b’dan mingħand wieħed li jkun ħarab. 27 Dakinhar se tiftaħ ħalqek u titkellem mal-wieħed li jkun ħarab, ma tibqax iktar mutu. Int se ssir sinjal għalihom, u huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.”

25 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn l-Għammonin u pprofetizza kontrihom. 3 Dwar l-Għammonin għandek tgħid, ‘Isimgħu dak li jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.* Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Peress li fraħtu meta s-santwarju tiegħi ġie ddiżonorat, meta l-art t’Iżrael tħalliet ħerba, u meta l-poplu taʼ Ġuda mar fl-eżilju, 4 jien se nagħtikom f’idejn in-nies tal-Lvant. Huma se jagħmlu l-kampijiet tagħhom* fik u jarmaw it-tined tagħhom f’nofsok. Huma se jieklu l-frott tagħkom u jixorbu l-ħalib tagħkom. 5 Lil Rabba se nagħmilha post fejn jirgħaw l-iġmla, u l-art tal-Għammonin post fejn tistrieħ il-merħla; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.”’”

6 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Minħabba li ċapċapt idejk, sabbatt saqajk, u fraħt bil-ħdura taʼ qalbek minħabba s-sitwazzjoni tal-art t’Iżrael, 7 jien se nuża l-qawwa tiegħi kontrik u nagħtik f’idejn il-popli biex jisirquk. Jien se nneħħik mill-popli u neqirdek mill-pajjiżi. Jien se neqirdek għalkollox, u int se jkollok tkun taf li jien Ġeħova.’

8 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Peress li Mowab u s-Segħir qalu: “Il-poplu taʼ Ġuda hu bħall-popli l-oħrajn kollha,” 9 jien se nħalli l-bliet tal-fruntieri taʼ Mowab jiġu attakkati, inkluż l-aqwa* bliet taʼ Bet-ġesimot, Bagħal-megħon, u saħansitra Kirjatajm. 10 Se nagħti lill-Mowabin u l-Għammonin lin-nies tal-Lvant biex il-popli ma jiftakrux iktar l-Għammonin. 11 U se nagħmel ġudizzju f’Mowab u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’

12 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Edom għamel vendetta mill-poplu taʼ Ġuda, u b’hekk ġab fuqu ħtija kbira billi vvendika ruħu minnhom. 13 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se nuża l-qawwa tiegħi wkoll kontra Edom u se noqtol minnu kemm bniedem u kemm annimal, u nagħmlu ħerba. Huma se jmutu bix-xabla minn Teman sa Dedan. 14 ‘Se nġib vendetta fuq Edom permezz tal-poplu tiegħi Iżrael. Dawn se juru r-rabja u l-korla tiegħi m’Edom biex ikun jaf x’inhi l-vendetta tiegħi stess,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”’

15 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Il-Filistin ipprovaw bi krudeltà jġibu vendetta u qerda minħabba l-mibegħda kontinwa tagħhom. 16 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se nuża l-qawwa tiegħi kontra l-Filistin u se nneħħi lill-Keretin u neqred lin-nies li jgħixu mal-kosta tal-baħar li jkun fadal. 17 U se nagħmel vendetta kbira minnhom b’kastigi ħorox, u huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nġib il-vendetta fuqhom.”’”

26 Fl-ewwel jum tax-xahar fil-11-il sena, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, minħabba li Tir qalet kontra Ġerusalemm, ‘Il-bieb tal-popli nkiser! Kollox ġej lejja, u peress li saret ħerba, jien se nsir sinjura.’ 3 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* ‘Tir, jien kontrik, u se nġib ħafna popli kontrik bħalma l-baħar iġib il-mewġ tiegħu. 4 Huma se jeqirdu s-swar taʼ Tir u jwaqqgħulha t-torrijiet tagħha, u jien se nneħħilha l-ħamrija u nagħmilha blata tleqq li ma jitlaʼ xejn fuqha. 5 Hi se ssir post fejn inixxfu x-xbieki f’nofs taʼ baħar.’

“Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid: ‘Jien stess tkellimt, u l-popli se jisirquha. 6 In-nies tal-bliet* fil-kampanja tagħha se jinqatlu bix-xabla, u n-nies se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’

7 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien qed inġib mit-Tramuntana lir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja biex jiġġieled kontra Tir. Hu re tar-rejiet li għandu żwiemel, karrijiet tal-gwerra, suldati tal-kavallerija, u armata taʼ ħafna suldati. 8 Hu se jeqred il-bliet fil-kampanja u se jibni ħajt tal-assedju, itellaʼ rampa għall-assedju, u jerfaʼ tarka kbira kontrik. 9 Hu se jattakka s-swar tiegħek b’magni li jeqirdu, u bl-imnanar se jwaqqaʼ t-torrijiet tiegħek. 10 Tant se jkollu żwiemel li se jgħattuk bit-trab, u l-ħoss tas-suldati tal-kavallerija, tar-roti, u tal-karrijiet tal-gwerra se jġiegħlu s-swar tiegħek jitriegħdu meta jidħol mill-bibien tiegħek, bħal irġiel li jattakkaw belt bi swar imkissrin. 11 Saqajn iż-żwiemel se jgħaddu mit-toroq kollha tiegħek. Hu se joqtol lin-nies bix-xabla, u l-kolonni b’saħħithom tiegħek se jitfarrku mal-art. 12 Huma se jaħtfu r-riżorsi tiegħek, jisirqu l-merkanzija tiegħek, iwaqqgħu s-swar tiegħek, u jkissru d-djar sbieħ tiegħek. Imbagħad se jitfgħu fil-baħar il-ġebel, ix-xogħol tal-injam, u l-ħamrija tiegħek.’

13 “‘Jien se nwaqqaf il-ħsejjes tal-kant tiegħek, u l-ħoss tal-arpi tiegħek mhux se jinstemaʼ iktar. 14 U jien se nagħmlek blata tleqq li ma jitlaʼ xejn fuqha. Int se ssir post fejn inixxfu x-xbieki. Qatt mhu se terġaʼ tinbena, għax jien, Ġeħova, tkellimt,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

15 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox lil Tir: ‘Jaqaw il-gżejjer mhux se jitriegħdu bil-biżaʼ mal-ħoss tal-waqgħa tiegħek, meta dawk li jkunu feruti għall-mewt jibku, meta jsir ħafna qtil f’daqqa f’nofsok? 16 Il-kapijiet kollha tal-baħar se jinżlu minn fuq it-tronijiet tagħhom, se jneħħu l-libsa taʼ bla kmiem, jinżgħu l-ħwejjeġ irrakkmati, u jitriegħdu bil-biżaʼ. Se jpoġġu bilqiegħda mal-art, jibqgħu jitriegħdu, u jħarsu lejk bi stagħġib. 17 U se jkantawlek għanja taʼ swied il-qalb u jgħidulek:

“‘“Kif spiċċajt, int li għandek joqogħdu n-nies tal-baħar, il-belt li tiġi mfaħħra;

Int u n-nies tiegħek kontu b’saħħitkom fuq il-baħar

U tbeżżgħu n-nies kollha tal-art!

18 Il-gżejjer se jitriegħdu dakinhar li taqaʼ,

Il-gżejjer se jinkwetaw meta tispiċċa.”’

19 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Meta nagħmlek ħerba, bħall-bliet li ma joqogħdux fihom nies, meta nkaxkrek b’mewġ qawwi u ngħattik b’ilmijiet b’saħħithom, 20 jien se nniżżel lilek u lil dawk taʼ miegħek fil-qabar* għand il-poplu taʼ żmien twil ilu. Jien se nġiegħlek tgħix fl-iktar post fil-baxx, bħall-postijiet tal-antik li ġew ħerba, flimkien maʼ dawk li neżlin fil-qabar, ħalli ma jibqax ikollok nies jgħixu fik. Imbagħad se nsebbaħ l-art tal-ħajjin.

21 “‘Fuqek se nġib biżaʼ f’daqqa u mhux se tibqaʼ teżisti. Se jfittxuk, imma qatt mhu se jsibuk,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

27 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, kanta għanja taʼ swied il-qalb dwar Tir, 3 u għid lil Tir,

‘Int li tgħix ħdejn il-bibien tal-baħar,

In-negozjanta taʼ nies taʼ ħafna gżejjer,

Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:*

“Tir, int tgħid dwarek innifsek li għandek sbuħija perfetta.

 4 It-territorji tiegħek qegħdin fil-qalba tal-baħar,

U dawk li bnewk ipperfezzjonaw is-sbuħija tiegħek.

 5 Huma għamlu t-twavel kollha tiegħek mis-siġar tal-ġnibru tas-Senir,

U biex jagħmlu l-arblu tal-vapur għalik, huma ħadu ċ-ċedru mil-Libanu.

 6 L-imqadef tiegħek għamluhom mis-siġar tal-ballut tal-Basan,

U l-pruwa tiegħek miċ-ċipress ingastat bl-avorju mill-gżejjer taʼ Kittim.

 7 Għall-qlugħ tiegħek, int tuża għażel ikkulurit mill-Eġittu,

U t-tined tal-vapur tiegħek kienu magħmulin minn ħajt blu u suf vjola mill-gżejjer t’Elisa.

 8 Il-qaddiefa tiegħek huma nies minn Sidon u Arwad.

Tir, il-baħrin tiegħek huma n-nies tas-sengħa tiegħek stess.

 9 L-irġiel tal-esperjenza u tas-sengħa taʼ Gebal kienu jimlew ix-xquq tiegħek.

Il-vapuri kollha tal-baħar u l-baħħara tagħhom kienu jiġu għandek sabiex jinnegozjaw il-merkanzija miegħek.

10 L-irġiel tal-Persja, taʼ Lud, u taʼ Put kienu fl-armata tiegħek, l-irġiel tiegħek tal-gwerra.

Huma kienu jdendlu t-tarki u l-elmijiet miegħek u kienu jġibulek glorja.

11 L-irġiel t’Arwad li kienu fl-armata tiegħek kienu fuq is-swar mad-dawra kollha,

U l-irġiel kuraġġużi kienu fuq it-torrijiet tiegħek.

Huma dendlu t-tarki tondi mad-dawra tas-swar kollha tiegħek

U pperfezzjonaw is-sbuħija tiegħek.

12 “‘“In-nies taʼ Tarsis kienu jinnegozjaw miegħek minħabba l-ġid kbir tiegħek. Huma kienu jpartu l-fidda, il-ħadid, il-landa, u ċ-ċomb mal-prodotti tiegħek. 13 Ġawan, Tubal, u Mesek innegozjaw miegħek. Huma kienu jpartu l-ilsiera u oġġetti tar-ram mal-merkanzija tiegħek. 14 Dawk li ġew mill-familja taʼ Togarma biddlu ż-żwiemel u l-bgħula mal-prodotti tiegħek. 15 In-nies taʼ Dedan innegozjaw miegħek. Int kont tħaddem merkanti f’ħafna gżejjer; huma kienu jħallsuk b’avorju u njam iswed speċjali. 16 Edom innegozja miegħek minħabba l-abbundanza tal-prodotti tiegħek. Huma kienu jagħtu suf vjola, rakkmu kkulurit, drapp mill-aqwa, turkina, korall, u rubini għall-prodotti tiegħek.

17 “‘“Ġuda u l-art t’Iżrael innegozjaw miegħek. Huma kienu jpartu l-qamħ taʼ Minnit, l-aqwa ikel, l-għasel, iż-żejt, u l-balzmu għall-prodotti tiegħek.

18 “‘“Damasku kienet tinnegozja l-inbid taʼ Ħelbon u s-suf taʼ Żaħar* minħabba li għandek ħafna prodotti u l-ġid kollu tiegħek. 19 Vedan u Ġawan minn Użal kienu jpartu ħadid maħdum, kassja,* u qasab aromatiku għall-prodotti tiegħek. 20 Dedan kien jinnegozja miegħek materjal minsuġ li jitpoġġa fuq id-dahar tal-annimali biex ipoġġu fuqu. 21 Int kont tħaddem l-Għarab u l-kapijiet kollha taʼ Kedar li kienu l-merkanti tal-ħrief, tal-imtaten, u tal-bdabad. 22 Il-merkanti taʼ Xeba u Ragħma nnegozjaw miegħek. Huma kienu jpartu kull tip tal-aqwa fwejjaħ, ħaġar prezzjuż, u deheb għall-prodotti tiegħek. 23 Ħaran, Kanne, Għeden, u l-merkanti taʼ Xeba, t’Assur, u taʼ Kilmad innegozjaw miegħek. 24 Fis-suq tiegħek kienu jinnegozjaw ħwejjeġ il-ġmiel tagħhom, imnatar magħmulin minn materjal blu u rakkmu kkulurit, u tapiti b’ħafna kuluri, li lkoll kienu jkunu marbutin sew.

25 Il-vapuri taʼ Tarsis kienu jġorru l-merkanzija tiegħek,

Biex tkun mimlija u mgħobbija* f’nofs il-baħar miftuħ.

26 Il-qaddiefa tiegħek ħaduk f’baħar imqalleb;

Ir-riħ mil-Lvant farrkek f’nofs il-baħar miftuħ.

27 Il-ġid, il-prodotti, il-merkanzija, il-baħħara, u l-baħrin tiegħek,

Dawk li jimlew ix-xquq, dawk li jinnegozjaw il-merkanzija tiegħek, u l-irġiel kollha tal-gwerra tiegħek,

Dawn in-nies kollha,

Se jegħrqu f’nofs baħar miftuħ dakinhar li int taqaʼ.

28 Meta l-baħrin tiegħek jgħajtu, l-artijiet taʼ mal-baħar jitriegħdu.

29 Il-qaddiefa, il-baħrin, u dawk kollha li jaħdmu fuq il-vapuri

Se jinżlu minn fuq il-vapuri tagħhom u jibqgħu fuq l-art.

30 Huma se jgħollu leħinhom u jibku fuq li jibku għalik,

Hekk kif jitfgħu t-trab fuq rashom u jitmiegħku fl-irmied.

31 Huma se jqaxxru xagħarhom u jilbsu ħwejjeġ tal-ixkora;

Se jibku fuq li jibku* għalik bi swied il-qalb kbir.

32 Waqt li jibku huma jkantaw għanja taʼ swied il-qalb għalik u jgħidu dwarek:

‘Min hu bħal Tir, li issa hi siekta f’nofs taʼ baħar?

33 Int kont tferraħ lil ħafna nies meta l-prodotti tiegħek kienu jiġu minn baħar miftuħ.

Il-ġid abbundanti tiegħek u l-merkanzija tiegħek għamlu r-rejiet tal-art iktar sinjuri.

34 Issa li tfarrakt f’baħar miftuħ, f’ilmijiet fondi,

Il-merkanzija kollha tiegħek u n-nies tiegħek għerqu miegħek.

35 In-nies kollha tal-gżejjer se jiċċassaw lejk u jistagħġbu,

U r-rejiet tagħhom se jitriegħdu bil-biżaʼ u wiċċhom ikun jidher li huma inkwetati.

36 Il-merkanti fost il-popli se jxenglu rashom* minħabba dak li ġralek.

It-tmiem tiegħek se jiġi f’daqqa u se jkun tal-biżaʼ,

U int mhux se tibqaʼ teżisti għal dejjem.’”’”

28 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, għid lill-mexxej taʼ Tir, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox*:

“Peress li qalbek tkabbret, int tibqaʼ tgħid, ‘Jien alla.

Jien noqgħod bilqiegħda fuq it-tron t’alla f’nofs taʼ baħar.’

Imma int sempliċi bniedem, u mhux alla,

Għalkemm taħseb li int alla.

 3 Int taħseb li int iktar għaref minn Danjel,

U m’hemmx sigrieti moħbijin minnek.

 4 Int sirt sinjur bl-għerf u bl-intelliġenza* tiegħek,

U bqajt iżżid id-deheb u l-fidda fil-post fejn iżżomm it-teżori tiegħek.

 5 Peress li tinqalaʼ biex tinnegozja, akkwistajt ħafna ġid,

U qalbek tkabbret minħabba l-ġid tiegħek.”’

6 “‘Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:

“Peress li int taħseb li int alla,

 7 Jien se nġib il-barranin kontrik, l-iktar nies kattivi tal-popli,

U huma se jużaw ix-xabla tagħhom, jeqirdu l-affarijiet sbieħ kollha li akkwistajt bl-għerf tiegħek,

U jħassru l-ġmiel tiegħek.

 8 Se jniżżluk fil-ħofra,*

U int se tmut mewta vjolenti f’nofs il-baħar miftuħ.

 9 Lil min ikun qed joqtlok, se tibqaʼ tgħidlu, ‘Jien alla’?

Int se tkun sempliċi bniedem u mhux alla f’idejn dawk li se jiddiżonorawk.”’

10 ‘Int se tmut bħal nies mhux ċirkonċiżi mill-barranin,

Għax jien stess tkellimt,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

11 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 12 “Bin il-bniedem, kanta għanja taʼ swied il-qalb dwar ir-re taʼ Tir, u għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:

“Int kont l-eżempju tal-perfezzjoni,

Kollok għerf u bi sbuħija perfetta.

13 Int kont fl-Għeden, il-ġnien t’Alla.

Kont imżejjen b’kull ħaġra prezzjuża:

Rubin, topazju, u djaspru; krisolitu, oniċi, u ġada; żaffir, turkina, u żmerald;

Dawn kellhom id-deheb mad-dawra tagħhom biex jinżammu f’posthom.

Jien għamilthom dakinhar li ħlaqtek.

14 Jien inkarigajtek bħala l-kerubin magħżul* li għandu ġwinħajh miftuħin.

Int kont fuq il-muntanja qaddisa t’Alla u kont timxi qalb il-ġebel tan-nar.

15 Int kont perfett fl-imġiba tiegħek minn dakinhar li nħlaqt

Sakemm bdejt tagħmel affarijiet inġusti.

16 Peress li nnegozjajt ħafna,

Int bdejt taġixxi bil-vjolenza u tidneb.

Allura jien se nkeċċik mill-muntanja t’Alla u ma nibqax nittrattak bħala qaddis, u neqirdek,

Kerubin bi ġwinħajk miftuħin, jien se nneħħik minn ħdejn il-ġebel tan-nar fejn qiegħed.

17 Qalbek tkabbret minħabba s-sbuħija tiegħek.

Minħabba l-ġmiel mill-aqwa tiegħek, int m’aġixxejtx bl-għerf.

Jien se nwaddbek mal-art.

Se nitfgħek quddiem ir-rejiet ħalli jkunu jistgħu jaraw xi ġralek.

18 Int iddiżonorajt is-santwarju tiegħek bid-dnubiet serji u bin-negozju diżonest li għamilt.

Jien se nqabbad nar f’nofsok, u dan se jaħarqek għalkollox.

Se nġibek irmied fl-art quddiem dawk kollha li jħarsu lejk.

19 Dawk kollha fost il-popli li jafuk se jħarsu lejk iċċassati.

It-tmiem tiegħek se jiġi f’daqqa u se jkun tal-biżaʼ,

U int mhux se tibqaʼ teżisti għal dejjem.”’”

20 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 21 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn Sidon u pprofetizza kontriha. 22 Għandek tgħid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:

“Sidon, jien kontrik u se niġi gglorifikat f’nofsok;

U n-nies se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nagħmel ġudizzju fik u nitqaddes permezz tiegħek.

23 Se nibgħatlek il-mard* u se jkun hemm id-demm tan-nies imxerred fit-toroq tiegħek.

Ħafna se jinqatlu meta tiġi x-xabla kontrik minn kull naħa;

U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.

24 “‘“Imbagħad il-poplu t’Iżrael ma jibqax imdawwar minn għollieq li jweġġaʼ u xewk li jniggeż, jiġifieri minn uħud li jwaqqgħuhom għaċ-ċajt; u n-nies se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”’

25 “‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Meta nerġaʼ niġbor lill-Iżraelin minn fost il-popli li fihom ġew imxerrdin, jien niġi mqaddes fost il-ġnus. U huma se jgħixu fl-art tagħhom li jien tajt lill-qaddej tiegħi Ġakobb. 26 Huma se jgħixu b’moħħhom mistrieħ, jibnu djar, u jħawlu għelieqi bid-dwieli. Se jgħixu b’moħħhom mistrieħ meta jien inġib ġudizzju fuq dawk kollha taʼ madwarhom li jwaqqgħuhom għaċ-ċajt; u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova l-Alla tagħhom.”’”

29 Fit-12-il jum tal-għaxar xahar tal-għaxar sena, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn il-Fargħun ir-re tal-Eġittu u pprofetizza kontrih u kontra l-Eġittu kollu. 3 Għid hekk, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:*

“Jien kontrik, Fargħun tal-Eġittu,

Il-monstru kbir tal-baħar li qiegħed fil-kanali tax-Xmara Nil,*

Li qal, ‘Ix-Xmara Nil hija tiegħi.

Għamiltha għalija.’

 4 Imma jien se nqiegħed ganċijiet fix-xedaq tiegħek u nġiegħel il-ħut tan-Nil jeħel miegħek.

Se noħorġok min-Nil flimkien mal-ħut li jkun weħel miegħek.*

 5 Se nabbandunak fid-deżert, lilek u l-ħut kollu tan-Nil.

Int se taqaʼ f’nofs l-għelieqi, u ħadd mhu se jiġbrok u jidfnek.

Se nagħtik bħal ikel lill-bhejjem slavaġ u lill-għasafar.

 6 Imbagħad in-nies kollha tal-Eġittu se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova,

Għax l-appoġġ li taw lill-poplu t’Iżrael kien bħal dak taʼ tibna.*

 7 Meta qabduk minn idek, int tfarrakt,

U ċarrattilhom spallithom.

Meta straħu fuqek, int tkissirt,

U ġegħelt saqajhom* jitriegħdu.”

8 “‘Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien qed inġib xabla kontrik u se nneħħi minnek kemm bniedem u kemm annimal. 9 L-art tal-Eġittu se ssir post abbandunat u ħerba; u n-nies tagħha se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova, għax int għedt, ‘Ix-Xmara Nil hi tiegħi; jien dak li għamiltha.’ 10 Allura jien kontrik u kontra n-Nil, u l-art tal-Eġittu se nagħmilha ħerba u nnixxifha, u se nġibha art abbandunata, minn Migdol sa Swene u sal-fruntiera tal-Etjopja. 11 La nies u lanqas imrieħel mhu se jgħaddu minnha, u mhux se joqogħdu fiha nies għal 40 sena. 12 Se nagħmel l-art tal-Eġittu l-iktar art abbandunata fost il-pajjiżi, u l-bliet tagħha se jkunu l-iktar bliet abbandunati għal 40 sena. Jien se nferrex l-Eġizzjani fost il-popli u nxerridhom fost il-pajjiżi.”

13 “‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Wara 40 sena, se niġbor l-Eġizzjani mill-popli fejn kienu mxerrdin. 14 Jien se nġib l-ilsiera Eġizzjani lura fl-art taʼ Patros, lura fl-art li twieldu fiha, u hemmhekk se jsiru saltna mhux importanti. 15 L-Eġittu se jsir dgħajjef meta mqabbel maʼ saltniet oħrajn u mhux se jibqaʼ jiddomina popli oħra, u tant se nagħmel l-Eġizzjani ftit li mhux se jkunu jistgħu jikkontrollaw pajjiżi oħra. 16 Il-poplu t’Iżrael qatt iktar mhu se jerġaʼ jafda lill-Eġittu, imma se jfakkarhom fl-iżball li għamlu meta daru lejn l-Eġizzjani għall-għajnuna. U huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”’”

17 Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar tas-27 sena, jien irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 18 “Bin il-bniedem, ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ġiegħel l-armata militari tiegħu jattakkaw lil Tir. Is-suldati kollha waqgħalhom xagħarhom u spallejhom instelħu, imma hu u l-armata tiegħu ma rċivew l-ebda ħlas għax-xogħol li għamlu f’Tir.

19 “Allura hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Jien qed nagħti l-art tal-Eġittu lir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, u hu se joħdilha l-ġid u jisirqilha ħafna affarijiet; u b’dan se jħallas lill-armata tiegħu.’

20 “‘Bħala kumpens għax-xogħol tiegħu kontra Tir, jien se nagħtih l-art tal-Eġittu, għax ħadmu għalija,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

21 “Dakinhar se nġiegħel li jkun hemm xi ħadd b’saħħtu* għall-poplu t’Iżrael, u jien se nagħtik opportunità biex titkellem fosthom; u huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.”

30 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ipprofetizza u għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:*

“Ibku u għidu, ‘X’waħda din, daqt jasal il-jum!’

 3 Għax il-jum hu qrib, iva, il-jum taʼ Ġeħova hu viċin.

Dan se jkun jum bis-sħab, żmien biex il-popli jiġu ġġudikati.

 4 Se tiġi xabla kontra l-Eġittu, u l-Etjopja se tippanikja meta jinqatlu n-nies fl-Eġittu;

Il-ġid tiegħu se jittieħed u l-Eġittu se jinqered bil-pedament b’kollox.

 5 In-nies tal-Etjopja, Put, Lud, u n-nies minn popli differenti,

U taʼ Kub, flimkien man-nies tal-art tal-patt,*

Se jmutu kollha bix-xabla.”’

 6 Hekk jgħid Ġeħova:

‘Dawk li jappoġġaw l-Eġittu se jmutu wkoll,

U hu se jitlef is-saħħa li hu kburi ħafna biha.’

“‘Se jmutu bix-xabla minn Migdol sa Swene,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 7 ‘Huma se jsiru l-iktar pajjiżi abbandunati u l-bliet tiegħu se jsiru l-iktar bliet li se jkunu ħerba. 8 U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nqabbad nar fl-Eġittu u jitkissru dawk kollha li jingħaqdu miegħu. 9 Dakinhar se nibgħat messaġġiera bil-vapuri biex l-Etjopja, li tafda fiha nfisha, titriegħed. In-nies tagħha se jippanikjaw f’dak il-jum li ġej fuq l-Eġittu, għax dan żgur se jiġri.’

10 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien se nġib fit-tmiem lill-folol tan-nies tal-Eġittu permezz tar-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja. 11 Hu u s-suldati tiegħu, l-iktar nies kattivi tal-popli, se jinġiebu biex jeqirdu l-art. Huma se jużaw ix-xwabel tagħhom kontra l-Eġittu u jimlew l-art b’dawk maqtula. 12 Jien se nbiddel il-kanali tan-Nil f’art niexfa u se nagħti* l-art tagħhom f’idejn nies mill-agħar. L-art u kulma fiha se nagħmilhom ħerba permezz tal-barranin. Jien stess, Ġeħova, tkellimt.’

13 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien se neqred ukoll l-idoli moqżieża* u nneħħi l-allat li ma jiswew għal xejn taʼ Nof.* Mhux se jkun hemm iżjed kap mill-art tal-Eġittu, u se nġiegħel in-nies jibżgħu fl-art tal-Eġittu. 14 Se nagħmel ħerba f’Patros, inqabbad nar f’Sogħan, u nġib ġudizzju f’No.* 15 Se nuri r-rabja kbira tiegħi f’Sin, il-fortizza tal-Eġittu, u se neqred il-popolazzjoni taʼ No. 16 Jien se nqabbad nar fl-Eġittu. Sin se tiġi maħkuma mill-biżaʼ, No se jidħol l-għadu fiha, u Nof* se tiġi attakkata fid-dawl tax-xemx. 17 Iż-żgħażagħ t’On* u Pibeset se jmutu bix-xabla, u n-nies tal-bliet tagħhom se jmorru fil-jasar. 18 Meta nkisser il-madmad tal-Eġittu f’Teħafneħes, il-ġurnata se tiddallam. Il-qawwa li hu kburi ħafna biha se tiġi fix-xejn, is-sħab se jgħattih, u n-nies fil-bliet tiegħu se jmorru fil-jasar. 19 Jien se nġib ġudizzju fuq l-Eġittu, u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’”

20 Fis-sebaʼ jum tal-ewwel xahar tal-11-il sena, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 21 “Bin il-bniedem, jien ksirt id il-Fargħun ir-re tal-Eġittu. Din mhux se tiġi marbuta biex tfiq jew infaxxata biex hu jkun b’saħħtu biżżejjed ħalli jaqbad ix-xabla.”

22 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien kontra l-Fargħun ir-re tal-Eġittu. Se niksirlu jdejh, kemm dik b’saħħitha u anki l-miksura, u nwaqqagħlu x-xabla minn idu. 23 Imbagħad se nferrex lill-Eġizzjani fost il-popli u nxerridhom fost il-pajjiżi. 24 Jien se nsaħħaħ idejn* ir-re taʼ Babilonja u nagħtih ix-xabla tiegħi f’idu, u se nikser idejn il-Fargħun, u hu se jgħajjat bl-uġigħ quddiemu* bħal raġel li qed imut. 25 Jien se nsaħħaħ idejn ir-re taʼ Babilonja, imma l-idejn tal-Fargħun se jsiru bla saħħa; u n-nies se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta npoġġi x-xabla tiegħi f’id ir-re taʼ Babilonja u jxejjirha kontra l-art tal-Eġittu. 26 Imbagħad se nferrex lill-Eġizzjani fost il-popli u nxerridhom fost il-pajjiżi; u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’”

31 Fl-ewwel jum tat-tielet xahar tal-11-il sena, irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, għid lill-Fargħun ir-re tal-Eġittu u lill-folol tan-nies tiegħu,

‘Min hu bħalek fil-kobor tiegħek?

 3 Int bħal Assirjan, bħal siġra taċ-ċedri fil-Libanu,

Għolja ħafna u bi friegħi sbieħ li huma bħal siġar żgħar li jagħmlu d-dell;

Il-parti taʼ fuq tagħha kienet fis-sħab.

 4 Kibret bl-ilmijiet u għoliet ħafna bl-għejun fondi tal-ilma

Ix-xmajjar kienu mad-dawra kollha fejn kienet imħawla;

Il-kanali tagħhom saqqew is-siġar kollha.

 5 Hu għalhekk li għoliet iktar mis-siġar l-oħra kollha.

Il-friegħi tagħha żdiedu u twalu

Minħabba li fix-xmajjar tagħha hemm ħafna ilma.

 6 L-għasafar kollha għamlu l-bejta fil-friegħi tagħha,

L-annimali slavaġ welldu taħt il-friegħi tagħha,

U l-popli kbar kollha għexu taħt id-dell tagħha.

 7 Hi saret sabiħa fil-kobor u bil-friegħi twal tagħha.

L-għeruq tagħha niżlu fil-ħafna ilmijiet.

 8 L-ebda siġra taċ-ċedri fil-ġnien t’Alla ma setgħet titqabbel magħha.

Ma kienx hemm siġra tal-ġnibru bi friegħi bħal tagħha,

U l-ebda siġra tad-dolf ma setgħet titqabbel mal-friegħi tagħha.

Ma kienx hemm siġra oħra fil-ġnien t’Alla li kellha s-sbuħija tagħha.

 9 Jien għamiltha sabiħa b’ħafna weraq,

U s-siġar l-oħra kollha tal-Għeden, il-ġnien tal-Alla l-veru, kienu jgħiru għaliha.’

10 “Għalhekk, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid, ‘Peress li għoliet ħafna, tant li baqgħet tielgħa fis-sħab, u qalbha tkabbret minħabba l-għoli tagħha, 11 jien se nagħtiha lill-mexxej b’saħħtu tal-popli. Hu żgur se jaġixxi kontriha, u jien se nwarrabha minħabba l-ħażen tagħha. 12 U l-barranin, l-iktar nies kattivi mill-popli, se jaqtgħuha u jabbandunawha fuq il-muntanji, u l-weraq tagħha jaqaʼ fil-widien kollha u l-friegħi tagħha jinkisru u jaqgħu fix-xmajjar kollha tal-pajjiż. In-nies kollha tal-art se jitilqu minn taħt id-dell tagħha u jabbandunawha. 13 L-għasafar kollha se jgħixu fuq iz-zokk imwaqqaʼ tagħha, u l-annimali slavaġ fuq il-friegħi tagħha. 14 B’hekk, qatt iktar mhu se jkun hemm siġra mdawra bl-ilmijiet li titlaʼ jew togħla fis-sħab. Għax huma żgur li kollha se jingħataw lill-mewt, l-art taʼ taħt, flimkien man-nies li neżlin fil-ħofra.’*

15 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Dakinhar li hi tinżel fil-Qabar,* jien se nġib id-dwejjaq minħabba dan. Għalhekk, jien se nżomm l-ilmijiet fondi u x-xmajjar tagħha biex il-ħafna ilmijiet jieqfu. Minħabba f’hekk, jien se nġib dalma fuq il-Libanu, u s-siġar kollha se jinxfu. 16 Mal-ħoss tal-waqgħa tagħha, jien se nġiegħel lill-popli jitriegħdu meta nniżżilha fil-Qabar* flimkien maʼ dawk li neżlin fil-ħofra,* u s-siġar kollha tal-Għeden, l-aqwa u l-aħjar siġar tal-Libanu, dawk kollha li huma msoqqijin sew, se jħossuhom aħjar fl-art taʼ taħt. 17 Huma niżlu fil-Qabar* miegħu,* ħdejn dawk li nqatlu bix-xabla, flimkien maʼ dawk li appoġġawh u li għexu fid-dell tiegħu fost il-popli.’

18 “‘Liema siġra fl-Għeden kienet bħalek fil-glorja u l-kobor? Imma int żgur li se tmut mas-siġar tal-Għeden u tinżel fl-art taʼ taħt. Int se tkun mimdud maʼ dawk l-uħud mhux ċirkonċiżi li nqatlu bix-xabla. Dan se jiġri lill-Fargħun u l-folol kollha tan-nies tiegħu,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

32 U fl-ewwel jum tat-12-il xahar tat-12-il sena, irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, kanta għanja taʼ swied il-qalb dwar il-Fargħun ir-re tal-Eġittu u għidlu,

‘Int kont bħal iljun b’saħħtu għall-popli,

Imma ġejt imsikket.

Int kont bħall-monstru tal-baħar u bdejt tagħti fix-xmajjar tiegħek,

Iddardar l-ilmijiet b’saqajk, u tħammeġ ix-xmajjar.’*

 3 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:*

‘Permezz taʼ ħafna popli miġburin flimkien, jien se nitfaʼ x-xibka tiegħi fuqek,

U huma se jiġbduk bix-xibka kbira tiegħi.

 4 Jien se nabbandunak fl-art;

Se nwaddbek f’nofs l-għelieqi.

Se nġiegħel l-għasafar kollha jinżlu fuqek

U l-annimali slavaġ kollha jixbgħu bik.

 5 Jien se nwaddab il-ġisem tiegħek fuq il-muntanji

U nimla l-widien b’dak li jifdal minnek.

 6 Jien se nxarrab l-art bid-demm tiegħek sal-muntanji,

U se jimla x-xmajjar.’*

 7 “‘Meta neqirdek, jien se ngħatti s-sema u ndallam l-istilel tagħha.

Jien se ngħatti x-xemx bis-sħab,

U l-qamar mhux se jagħti d-dawl.

 8 Jien se ndallam ix-xemx, il-qamar, u l-istilel minħabba fik,

U se nġib dalma fuq pajjiżek,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

 9 ‘Se nimla l-qalb taʼ ħafna nies bid-dwejjaq meta nieħu l-ilsiera tiegħek għand popli oħra,

F’pajjiżi li int ma tafx bihom.

10 Jien se nġiegħel lil ħafna nies jibqgħu mbellhin,

U r-rejiet tagħhom se jitwerwru bil-biżaʼ minħabba fik meta nxejjer ix-xabla tiegħi quddiemhom.

Dakinhar li se tinqered,

Huma se jibqgħu jitriegħdu għax jibżgħu li se jmutu.’

11 Għax hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:

‘Ix-xabla tar-re taʼ Babilonja se tiġi fuqek.

12 Jien se nġiegħel lill-folol tan-nies tiegħek imutu bix-xwabel taʼ gwerriera b’saħħithom,

L-iktar gwerriera kattivi tal-popli, kollha kemm huma.

Huma se jġibu fix-xejn il-kburija tal-Eġittu, u l-folol tan-nies kollha tiegħu se jinqerdu għalkollox.

13 Jien se neqred il-bhejjem kollha tiegħu maġenb il-ħafna ilmijiet li għandu,

U l-ebda sieq taʼ bniedem jew taʼ bhima mhu se terġaʼ ddardarhom.’

14 ‘F’dak iż-żmien, jien se nnaddaf l-ilmijiet tagħhom,

U l-ilma tax-xmajjar tagħhom se nġiegħlu jinżel bħaż-żejt,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

15 ‘Meta nagħmel l-Eġittu art abbandunata u nneħħilha dak kollu li kellha,

Meta noqtol lin-nies kollha li hemm ġo fiha,

Huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.

16 Din hi għanja taʼ swied il-qalb, u n-nies żgur li se jkantawha;

In-nisa tal-popli se jkantawha.

Huma se jkantawha għall-Eġittu u għall-folol kollha tiegħu,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

17 Imbagħad fil-15-il jum tax-xahar* tat-12-il sena, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 18 “Bin il-bniedem, ibki għall-folol tan-nies tal-Eġittu u għid li huma u n-nies tal-popli b’saħħithom se jinqerdu maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.*

19 “‘Taħseb li int isbaħ minn ħaddieħor? Int se tmut u timtedd maʼ dawk li mhumiex ċirkonċiżi!’

20 “‘L-Eġizzjani se jaqgħu mejtin fost dawk li nqatlu bix-xabla. L-Eġittu se jinqered bix-xabla; kaxkruh ’l hemm mal-folol kollha tan-nies tiegħu.

21 “‘Minn qiegħ il-Qabar,* l-iżjed gwerriera b’saħħithom se jkellmu lilu u lil dawk li jgħinuh. L-Eġizzjani żgur li se jinqatlu bix-xabla u jimteddu bħal dawk li mhumiex ċirkonċiżi. 22 L-Assirja qiegħda hemm mal-folla kollha tagħha. L-oqbra kollha tagħhom huma madwaru,* kollha kemm huma mietu bix-xabla. 23 L-oqbra tagħha qegħdin fil-qiegħ tal-ħofra,* u l-folla tagħha qegħdin madwar il-qabar tagħha, peress li meta kienu ħajjin werwru lin-nies. Kollha kemm huma mietu bix-xabla.

24 “‘Il-pajjiż t’Għelam qiegħed hemm mal-folol kollha tan-nies tiegħu madwar il-qabar tiegħu, kollha kemm huma mietu bix-xabla. Huma niżlu fl-art taʼ taħt maʼ dawk li mhumiex ċirkonċiżi, dawk li meta kienu ħajjin werwru lin-nies. Issa se jkollhom jistħu maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.* 25 Ġie ppreparat qabar għal Għelam fost dawk li ġew maqtulin, u l-folol kollha tan-nies tiegħu huma mdawrin mal-qabar tiegħu. Ħadd minnhom mhu ċirkonċiż u huma nqatlu bix-xabla, għax meta kienu ħajjin werwru lin-nies. Huma se jkollhom jistħu maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.* Hu ġie mitfugħ mal-maqtulin.

26 “‘Hemmhekk fejn hemm l-art taʼ Mesek u Tubal u l-folol kollha tan-nies tagħhom. L-oqbra kollha tagħhom huma madwaru.* Ħadd minnhom mhu ċirkonċiż u huma ġew minfudin bix-xabla, għax meta kienu ħajjin werwru lin-nies. 27 Huma se jimteddu mal-gwerriera b’saħħithom li mhumiex ċirkonċiżi u li niżlu fil-Qabar* bl-armi tagħhom tal-gwerra. In-nies se jpoġġu x-xwabel tagħhom taħt rashom* u d-dnubiet tagħhom fuq l-għadam tagħhom, għax meta dawn il-gwerriera b’saħħithom kienu ħajjin werwru lin-nies. 28 Imma int se titkisser fost dawk li mhumiex ċirkonċiżi, u se timtedd maʼ dawk li nqatlu bix-xabla.

29 “‘Edom qiegħed hemm mar-rejiet u l-kapijiet kollha tiegħu, li minkejja l-qawwa tagħhom, huma tpoġġew fost dawk li nqatlu bix-xabla. Huma wkoll se jimteddu maʼ dawk li mhumiex ċirkonċiżi u maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.*

30 “‘Hemmhekk il-mexxejja* kollha tat-Tramuntana u s-Sidonin kollha spiċċaw niżlu umiljati maʼ dawk li nqatlu, minkejja li kienu werwru n-nies bil-qawwa tagħhom. Huma se jimteddu mhux ċirkonċiżi maʼ dawk li nqatlu bix-xabla u se jkollhom jistħu maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.*

31 Il-Fargħun se jara dan kollu, u se jħossu aħjar dwar dak kollu li ġara lill-folol tan-nies tiegħu. Il-Fargħun u l-armata kollha tiegħu se jinqatlu bix-xabla,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

32 “‘Peress li meta l-Fargħun kien ħaj werwer lin-nies, hu u l-folol kollha tan-nies tiegħu se jistrieħu maʼ dawk li mhumiex ċirkonċiżi, maʼ dawk li nqatlu bix-xabla,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

33 U rċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, għid lill-poplu tiegħek,

“‘Ejja ngħidu li nġib xabla kontra pajjiż, u n-nies kollha taʼ dan il-pajjiż jagħżlu raġel u jagħmluh bħala għassies għalihom, 3 u hu jara x-xabla ġejja kontra l-pajjiż u jdoqq il-qarn u javża lin-nies. 4 Jekk xi ħadd jismaʼ l-ħoss tal-qarn, imma ma jagħtix kas it-twissija u x-xabla tiġi u toqtlu, hu jkun ħati tal-mewt tiegħu* stess. 5 Hu jkun semaʼ l-ħoss tal-qarn, imma ma tax kas it-twissija. Demmu stess ikun fuqu nnifsu. Kieku qagħad attent għat-twissija, kien isalva ħajtu.

6 “‘Imma jekk l-għassies jara x-xabla ġejja u ma jdoqqx il-qarn u n-nies ma jirċivux twissija u x-xabla tiġi u toqtol lil xi ħadd minnhom, din il-persuna se tmut minħabba l-iżball tagħha stess, imma jien se nżomm lill-għassies responsabbli għad-demm tal-persuna.’

7 “Bin il-bniedem, jien inkarigajtek bħala għassies għall-poplu t’Iżrael; meta tismagħni nkellmek int għandek twissihom għalija. 8 Meta ngħid lil xi ħadd ħażin, ‘Int żgur se tmut, ja ħażin!’ imma ma tavżahx biex ma jibqax jagħmel il-ħażen, hu se jmut bħala raġel ħażin minħabba l-iżball tiegħu stess, imma jien se nżomm lilek responsabbli għad-demm tiegħu. 9 Imma jekk twissi lil xi ħadd ħażin biex ma jibqax jagħmel il-ħażen, u dan jirrifjuta li jbiddel il-mod kif jaġixxi, hu se jmut għall-iżball tiegħu, imma int żgur li ssalva ħajtek.

10 “Bin il-bniedem, għid lill-poplu t’Iżrael, ‘Intom għedtu: “L-affarijiet ribellużi li għamilna u d-dnubiet tagħna huma bħal tagħbija tqila fuqna u qed iġibuna fix-xejn, allura kif se nibqgħu ngħixu?”’ 11 Għidilhom, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid, ‘“Naħlef bija nnifsi daqs kemm jien ħaj li ma niħux pjaċir bil-mewt taʼ xi ħadd ħażin, imma li xi ħadd ħażin ibiddel il-mod taʼ kif qed jaġixxi u jibqaʼ jgħix. Duru lura, duru lura mit-triq il-ħażina li qegħdin fiha, għala għandkom tmutu, poplu t’Iżrael?”’

12 “Bin il-bniedem, għid lill-poplu tiegħek, ‘Il-ġustizzja tar-raġel ġust mhux se ssalvah meta jirribella. Lanqas il-ħażen tar-raġel ħażin mhu se jġiegħlu jbati meta jdur lura mill-ħażen tiegħu. U l-ebda persuna ġusta mhu se tibqaʼ tgħix minħabba l-ġustizzja tagħha fil-jum li tidneb. 13 Meta jien ngħid lill-ġust: “Int żgur se tibqaʼ tgħix,” u hu jafda fil-ġustizzja tiegħu u jagħmel dak li hu ħażin,* l-affarijiet tajbin kollha li jkun għamel jintesew, imma hu se jmut minħabba l-ħażen li jkun għamel.

14 “‘U meta ngħid lill-ħażin: “Int żgur li tmut,” u hu ma jibqax jagħmel id-dnubiet li jkun qed jagħmel u jagħmel dak li hu ġust u sewwa, 15 u l-ħażin jagħti lura dak li jkun ħa bħala garanzija taʼ self u dak li seraq, u jobdi l-liġijiet li jagħtu l-ħajja billi ma jagħmilx dak li hu ħażin, hu żgur li jibqaʼ jgħix. Hu ma jmutx. 16 Jien mhux se nikkastigah* għad-dnubiet li jkun għamel. Talli jkun qed jagħmel dak li hu ġust u sewwa, hu żgur jibqaʼ ħaj.’

17 “Imma n-nies tiegħek qalu, ‘Dak li jagħmel Ġeħova mhux ġust,’ meta fil-verità dak li jagħmlu huma mhuwiex ġust.

18 “Meta xi ħadd ġust ma jibqax jagħmel dak li hu tajjeb u jagħmel dak li hu ħażin, għandu jmut. 19 Imma meta xi ħadd ħażin ma jibqax jagħmel dak li hu ħażin u jagħmel dak li hu ġust u sewwa, hu jibqaʼ ħaj.

20 “Imma intom għedtu, ‘Dak li jagħmel Ġeħova mhux ġust.’ Poplu t’Iżrael, jien se niġġudika lil kull wieħed minnkom skont dak li jagħmel.”

21 Fl-aħħar, fil-ħames jum tal-għaxar xahar tat-12-il sena li konna ilna fl-eżilju, raġel li ħarab minn Ġerusalemm ġie għandi u qalli: “Il-belt waqgħet!”

22 Issa filgħaxija, qabel ġie għandi dak ir-raġel li ħarab, il-qawwa taʼ Ġeħova ġiet fuqi u b’hekk stajt nerġaʼ nitkellem. Filgħodu, meta dak ir-raġel ġie għandi ma kontx għadni mutu.

23 Imbagħad irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 24 “Bin il-bniedem, dawk li qed jgħixu fl-art t’Iżrael fil-postijiet imħarbtin qed jgħidu, ‘Abraham kien wieħed biss u hu xorta ħa l-art. Imma aħna qegħdin ħafna, allura żgur li l-art hi tagħna.’

25 “Għalhekk għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Intom qed tieklu ikel bid-demm, tafdaw fl-idoli moqżieża* tagħkom, u tkomplu xxerrdu d-demm. Allura għala għandu jkollkom l-art? 26 Intom fdajtu fix-xabla tagħkom, ħadtu sehem f’affarijiet diżgustanti, u kull wieħed minnkom mar mal-mara taʼ ħaddieħor. Allura għala għandu jkollkom l-art?”’

27 “Hekk għandek tgħidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li dawk li qed jgħixu fil-postijiet imħarbtin se jmutu bix-xabla, dawk li qegħdin fl-għelieqi se nagħtihom bħala ikel lill-annimali slavaġ, u dawk li qegħdin fil-fortizzi u l-għerien se jmutu bil-mard. 28 U nagħmel il-pajjiż art abbandunata u ħerba għalkollox, u l-arroganza u l-kburija tiegħu se jiġu fix-xejn, u l-muntanji t’Iżrael se jkunu abbandunati, u ħadd ma jgħaddi minn hemm. 29 U huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nagħmel il-pajjiż art abbandunata u ħerba għalkollox minħabba l-affarijiet moqżieża kollha li għamlu.”’

30 “Bin il-bniedem, in-nies tiegħek qed jitkellmu maʼ xulxin dwarek ħdejn il-ħitan u fil-bibien tad-djar. Huma qed jgħidu lil xulxin, kull wieħed lil ħuh, ‘Ejja, ħa nisimgħu dak li qed jgħid Ġeħova.’ 31 Huma jidħlu u joqogħdu bilqiegħda quddiemek bħala l-poplu tiegħi; u jisimgħu dak li tgħidilhom, imma ma jagħmluhx. Għax huma jfaħħruk biex jintgħoġbu,* imma rgħiba biex jakkwistaw affarijiet b’mod diżonest. 32 Għalihom, int bħal għanja taʼ mħabba romantika, li kantaha xi ħadd b’leħen sabiħ u li jaf idoqq sew l-istrument tal-korda. Huma jisimgħuh dak li tgħid, imma ħadd ma jagħmlu. 33 U meta jseħħ dan kollu, u se jseħħ żgur, huma se jkollhom ikunu jafu li kien hemm profeta f’nofshom.”

34 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ipprofetizza kontra r-ragħajja t’Iżrael. Ipprofetizza u għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Ħażin għalikom, ragħajja t’Iżrael, li qed titimgħu lilkom infuskom! Ir-ragħajja mhux lill-merħla għandhom jitimgħu? 3 Intom tieklu x-xaħam, tilbsu ħwejjeġ magħmulin mis-suf, u toqtlu l-iktar annimali msemmnin, imma ma titimgħux lill-merħla. 4 Lid-dgħajfin ma saħħaħtuhomx, lill-morda ma fejjaqtuhomx, lill-imweġġgħin ma nfaxxajtuhomx, lil dawk li tbiegħdu ma ġibtuhomx lura, u lil dawk li ntilfu ma fittixtuhomx; minflok, intom ikkontrollajtuhom bl-aħrax u b’mod tirann. 5 Huma tferrxu minħabba li ma kienx hemm ragħaj, u saru ikel għal kull annimal salvaġġ. 6 In-nagħaġ tiegħi kienu qed jiġġerrew fuq il-muntanji kollha u fuq kull għolja kbira; in-nagħaġ tiegħi kienu mxerrdin mad-dinja kollha, u ħadd ma kien qed ifittixhom.

7 “‘“Allura ragħajja, isimgħu l-messaġġ taʼ Ġeħova: 8 ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li żgur se naġixxi, għax in-nagħaġ tiegħi saru priża, ikel għal kull annimal salvaġġ. Dan peress li ma kien hemm ebda ragħaj u r-ragħajja tiegħi ma fittxewx in-nagħaġ tiegħi; minflok, huma baqgħu jitimgħu lilhom infushom u ma temgħux in-nagħaġ tiegħi,”’ 9 allura, intom ir-ragħajja, isimgħu l-messaġġ taʼ Ġeħova. 10 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien kontra r-ragħajja u se nitlob kont minnhom għan-nagħaġ tiegħi,* u mhux se nħallihom jitimgħu* n-nagħaġ tiegħi, u r-ragħajja mhux se jibqgħu jitimgħu lilhom infushom. Jien se nsalva n-nagħaġ tiegħi minn ħalqhom, u mhux se jibqgħu iktar bħal ikel għalihom.’”

11 “‘‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien, iva jien stess, se nfittex lin-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. 12 Jien se nieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħi bħal ragħaj li sab in-nagħaġ imxerrdin tiegħu u qed jitmagħhom. Meta jkun imsaħħab u mdallam ħafna, jien se nsalvahom mill-postijiet kollha li huma mxerrdin fihom. 13 Jien se noħroġhom mill-popli u niġborhom flimkien mill-pajjiżi. Se nġibhom fl-art tagħhom u nitmagħhom fuq il-muntanji t’Iżrael, ħdejn ix-xmajjar u l-postijiet li jgħixu fihom in-nies tal-pajjiż. 14 Jien se niħodhom jieklu f’art tajba mimlija ħaxix, u l-art fejn jirgħaw se tkun fuq il-muntanji għoljin t’Iżrael. Huma se jimteddu f’art tajba u se jieklu l-aqwa ħaxix fuq il-muntanji t’Iżrael.”

15 “‘“Jien stess se nitmaʼ n-nagħaġ tiegħi u se nagħtihom post fejn jistrieħu,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 16 “Jien se nfittex lill-waħda mitlufa, se nġib lura lil dik li tbiegħdet, se ninfaxxa lill-imweġġgħa, u se nsaħħaħ lid-dgħajfa, imma se neqred għalkollox lill-ħoxna u dik b’saħħitha. Jien se niġġudikahom u nikkastigahom skont dak li ħaqqhom.”

17 “‘Nagħaġ tiegħi, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien wasalt biex niġġudika bejn nagħġa u oħra, bejn l-imtaten u l-bdabad. 18 Mhuwiex biżżejjed għalikom li tieklu mill-aqwa art mimlija ħaxix? Għandkom ukoll tgħaffġu b’saqajkom fuq il-kumplament? U wara li tixorbu mill-iktar ilma nadif, għandkom tħammġu l-ilma billi ddaħħlu saqajkom fih? 19 Għandhom in-nagħaġ tiegħi jieklu l-ħaxix li għaffiġtu intom u jixorbu l-ilma li ħammiġtu?”

20 “‘Għalhekk, hekk jgħidilhom Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien, iva jien stess, se niġġudika bejn nagħġa ħoxna u nagħġa rqiqa, 21 għax intom bqajtu timbottaw b’ġenbejkom u bi spallejkom, u bqajtu tagħtu bil-qrun lil dawk morda sakemm xerridtuhom. 22 U jien se nsalva n-nagħaġ tiegħi, u huma mhux se jibqgħu jkunu ikel għall-annimali; u jien se nagħmel ġudizzju bejn nagħġa u oħra. 23 U se nqiegħed fuqhom ragħaj wieħed, il-qaddej tiegħi David, u hu se jitmagħhom. Hu stess se jitmagħhom u jsir ir-ragħaj tagħhom. 24 U jien, Ġeħova, insir l-Alla tagħhom, u l-qaddej tiegħi David isir il-mexxej tagħhom. Jien stess, Ġeħova, tkellimt.

25 “‘“U jien se nagħmel patt taʼ paċi magħhom, u se neqred mill-pajjiż il-bhejjem feroċi, ħalli jkunu jistgħu jgħixu fis-sigurtà fid-deżert u jorqdu fil-foresti. 26 Se nagħmel lilhom u l-inħawi taʼ madwar l-għolja tiegħi barka, u nġiegħel ix-xita tinżel f’waqtha. Se jkun hemm xita taʼ barkiet. 27 Is-siġar se jagħtu l-frott tagħhom, u l-art se tagħti l-prodott tagħha, u huma se jgħixu fis-sigurtà fil-pajjiż. U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nkisser il-madmad tagħhom u neħlishom minn dawk li għamluhom ilsiera. 28 Il-popli mhux se jibqgħu jaħtfuhom bħala priża, u l-bhejjem slavaġ mhux se jibilgħuhom, u huma se jgħixu fis-sigurtà mingħajr ma jbeżżagħhom ħadd.

29 “‘“Jien se nagħtihom art li ssir famuża għal dak li jikber fiha, u mhux se jibqgħu jmutu bil-ġuħ fil-pajjiż, u mhux se jibqgħu jiġu umiljati mill-popli. 30 ‘Imbagħad se jkollhom ikunu jafu li jien, Ġeħova l-Alla tagħhom, qiegħed magħhom, u li huma, l-Iżraelin, huma l-poplu tiegħi,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”’

31 “‘Nagħaġ tiegħi, in-nagħaġ li nieħu ħsieb, intom sempliċi bnedmin u jien l-Alla tagħkom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

35 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn ir-reġjun muntanjuż tas-Segħir u pprofetizza kontrih. 3 Għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Reġjun muntanjuż tas-Segħir, jien kontrik u se nuża l-qawwa tiegħi kontrik u nagħmlek abbandunat għalkollox. 4 Il-bliet tiegħek se nagħmilhom ħerba, u int se ssir art abbandunata; u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova. 5 Dan għax int bqajt turi mibegħda lejn l-Iżraelin u tajthom biex jinqerdu bix-xabla fiż-żmien tad-diżastru tagħhom, fi żmien li jiġu kkastigati.”’

6 “‘Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Naħlef bija nnifsi daqs kemm jien ħaj li jien se nippreparakom biex id-demm tagħkom jiġi mxerred u l-mewt tiġri warajkom. Peress li intom kontu tobogħdu d-demm li xerridtu,* il-mewt se tiġri warajkom. 7 Ir-reġjun muntanjuż tas-Segħir se nagħmlu art abbandunata, u se noqtol lil kull min jgħaddi minn hemm jew jerġaʼ lura hemm. 8 Il-muntanji tiegħu se nimliehom b’dawk maqtulin; u dawk li se jinqatlu bix-xabla se jaqgħu fuq l-għoljiet tiegħek, fil-widien tiegħek, u fix-xmajjar kollha tiegħek. 9 Jien se nagħmlek art abbandunata għal dejjem u mhux se jgħixu nies fil-bliet tiegħek; u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova.’

10 “Peress li għedt, ‘Dawn iż-żewġ popli u dawn iż-żewġ pajjiżi se jsiru tiegħi, u se niħodhom it-tnejn,’ għalkemm Ġeħova nnifsu kien hemm, 11 ‘għalhekk, naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘li se naġixxi miegħek bl-istess rabja u għira li int urejt peress li kont tobgħod il-poplu tiegħi; u jien se nurihom min jien meta niġġudikak. 12 Imbagħad int se jkollok tkun taf li jien stess, Ġeħova, smajt l-affarijiet ħżiena li int għedt kontra l-muntanji t’Iżrael meta għedt, “Saru ħerba u ngħataw lilna biex naħtfuhom.”* 13 U int tkellimt b’arroganza kontrija, u bqajt tgħid affarijiet ħżiena kontrija. Jien smajt kollox.’

14 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Id-dinja kollha se tifraħ meta nagħmlek art abbandunata għalkollox. 15 Bħalma int fraħt meta l-wirt tal-poplu t’Iżrael tħalla abbandunat, jien hekk se naġixxi miegħek. Reġjun muntanjuż tas-Segħir, int se ssir abbandunat u ħerba, iva, Edom kollu kemm hu; u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova.’”

36 “Bin il-bniedem, ipprofetizza dwar il-muntanji t’Iżrael u għidilhom, ‘Muntanji t’Iżrael, isimgħu dak li għandu x’jgħid Ġeħova. 2 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “L-għadu qal kontrik, ‘Anki l-postijiet għoljin tal-qedem saru tagħna!’”’

3 “Għalhekk, ipprofetizza u għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Peress li ħarbtukom u attakkawkom minn kull direzzjoni ħalli ssiru taʼ popli oħrajn* u n-nies jibqgħu jitkellmu dwarkom u jimmalafamawkom, 4 allura, muntanji t’Iżrael, isimgħu dak li jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox! Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox lill-muntanji u l-għoljiet, lix-xmajjar u l-widien, lill-postijiet imħarbtin li ġew abbandunati, u lill-bliet abbandunati li nsterqu u twaqqgħu għaċ-ċajt mill-bqija tal-popli taʼ madwarhom; 5 lil dawn, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħidilhom: ‘Jien se nitkellem biż-żelu tiegħi li jaħraq bħan-nar kontra dawk li baqaʼ mill-popli u kontra Edom kollu, dawk li b’ferħ kbir u bi tmaqdir* qalu li l-art tiegħi hi tagħhom, biex jieħdu f’idejhom fejn jirgħaw l-annimali u jisirquha.’”’

6 “Allura, ipprofetizza dwar l-art t’Iżrael, u għid lill-muntanji u l-għoljiet, u lix-xmajjar u l-widien, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se nitkellem b’żelu u b’rabja kbira, għax il-popli umiljawkom.”’

7 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien stess se ngħolli idi biex naħlef li l-popli taʼ madwarkom stess se jiġu umiljati. 8 Imma intom, muntanji t’Iżrael, se jkollkom siġar b’ħafna friegħi u b’ħafna frott għall-poplu tiegħi Iżrael, għax huma dalwaqt se jiġu lura. 9 Għax jien magħkom u se nieħu ħsiebkom, u se tiġu kkultivati u miżrugħin. 10 Jien se nżid ħafna lill-poplu tagħkom, lill-poplu kollu kemm hu t’Iżrael, u fil-bliet se jgħixu n-nies u l-postijiet imħarbtin se jerġgħu jinbnew. 11 Iva, jien se nżid ħafna l-popli tagħkom u l-imrieħel tagħkom; dawn se jiżdiedu u se jkollhom ħafna. U jien se nara li intom jerġaʼ jkollkom in-nies joqogħdu fikom bħal qabel u se tkunu aħjar mill-passat; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova. 12 Jien se nġiegħel il-poplu tiegħi, il-poplu t’Iżrael, jimxu fuqkom u dawn se jiħdukom f’idejhom. Intom se ssiru l-wirt tagħhom, u qatt iktar mhu se terġgħu tħalluhom bla tfal.’”

13 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Talli qed jgħidulkom: “Int pajjiż li tiblaʼ n-nies u tħalli l-poplu tiegħu bla tfal,”’ 14 ‘allura, intom mhux se tibqgħu tibilgħu n-nies jew tħallu l-poplu tagħkom bla tfal,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 15 ‘Mhux se nħallikom tisimgħu iktar il-kliem li jweġġaʼ tal-ġnus jew tissaportu t-tgħajjir tan-nies, u intom mhux se tibqgħu tfixklu l-popli tagħkom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

16 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 17 “Bin il-bniedem, meta l-poplu t’Iżrael kienu qed jgħixu fl-art tagħhom, huma niġġsuha b’dak li għamlu u b’kif aġixxew. Dak li għamlu kien bħan-nuqqas taʼ ndafa li jkollha mara meta jkollha t-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar. 18 Allura wrejthom ir-rabja kbira tiegħi minħabba d-demm li xerrdu fil-pajjiż u minħabba li l-pajjiż niġġsuh bl-idoli moqżieża* tagħhom. 19 Allura jien ferrixthom fost il-popli u xerridthom fost il-pajjiżi. Jien iġġudikajthom skont dak li għamlu u kif aġixxew. 20 Imma meta marru għand dawn il-popli, in-nies bdew jiddiżonoraw lill-isem qaddis tiegħi billi bdew jgħidu dwarhom, ‘Dawn huma l-poplu taʼ Ġeħova, imma kellhom jitilqu mill-pajjiż tagħhom.’ 21 Allura jien se naġixxi minħabba ismi l-qaddis, li l-poplu t’Iżrael iddiżonora fost il-ġnus li marru fihom.”

22 “Għalhekk għid lill-poplu t’Iżrael, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Poplu t’Iżrael, jien m’iniex qed nagħmel dan minħabba fikom, imma minħabba ismi l-qaddis, li intom iddiżonorajtu fost il-ġnus li mortu fihom.”’ 23 ‘Jien żgur li se nqaddes ismi l-kbir, li ġie ddiżonorat fost il-popli, li intom iddiżonorajtu fosthom; u l-popli se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta niġi mqaddes fostkom quddiem għajnejhom, jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 24 Jien se niħodkom mill-popli, niġborkom mill-pajjiżi kollha, u nġibkom lura fil-pajjiż tagħkom. 25 Jien se nraxxax fuqkom ilma nadif, u intom issiru nodfa; jien se nnaddafkom minn kull nuqqas taʼ ndafa tagħkom u se nneħħi l-idoli kollha moqżieża tagħkom. 26 Jien se nagħtikom qalb ġdida u se nbiddel il-mod kif taħsbu.* Se nneħħilkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam.* 27 Jien se nagħtikom l-ispirtu qaddis tiegħi u se nqanqalkom biex tagħmlu r-regoli tiegħi, u intom se tobdu u żżommu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi. 28 Imbagħad intom se tgħixu fl-art li tajt lil missirijietkom, u ssiru l-poplu tiegħi u jien insir l-Alla tagħkom.’

29 “‘Jien se neħliskom minn kull nuqqas taʼ ndafa tagħkom. Se nġiegħel li jkun hemm abbundanza taʼ ċereali* u mhux se nġib ġuħ fuqkom. 30 Jien se nara li jkun hemm ħafna frott tas-siġar u prodott tal-art, ħalli qatt iktar ma terġgħu tiġu umiljati fost il-popli minħabba l-ġuħ. 31 Imbagħad intom se tiftakru fl-imġiba mill-agħar u l-affarijiet mhux tajbin li għamiltu, u se titqażżu lilkom infuskom minħabba d-dnubiet u l-affarijiet moqżieża tagħkom. 32 Imma kunu afu li jien mhux qed nagħmel dan minħabba fikom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. ‘Minflok, misskom tistħu u tħossukom umiljati minħabba kif iġġibu ruħkom, poplu t’Iżrael.’

33 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Dakinhar li nnaddafkom mid-dnubiet kollha tagħkom, jien se nagħmel mod li fil-bliet joqogħdu n-nies u li l-postijiet imħarbtin jerġgħu jinbnew. 34 U l-art abbandunata li kien jaraha kull min jgħaddi minn hemm, se tiġi kkultivata. 35 U n-nies se jgħidu: “L-art abbandunata saret bħall-ġnien tal-Għeden, u l-bliet li kienu ħerba, abbandunati, u mwaqqgħin, issa huma ffortifikati u joqogħdu n-nies fihom.” 36 U l-popli li tħallew taʼ madwarek se jkollhom ikunu jafu li jien stess, Ġeħova, bnejt dak li twaqqaʼ u ħawwilt dak li kien abbandunat. Jien stess, Ġeħova, tkellimt u hekk għamilt.’

37 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien se nħalli lill-poplu t’Iżrael jitolbuni biex inżid il-popolazzjoni tagħhom bħal ħafna nagħaġ, u hekk se nagħmel. 38 Bħal folla taʼ nies qaddisin, bħall-merħla f’Ġerusalemm* matul il-festi, il-bliet li kienu ħerba se jimtlew b’folol taʼ nies; u huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’”

37 Il-qawwa taʼ Ġeħova bdiet taħdem fuqi, u l-ispirtu taʼ Ġeħova ħadni u qegħedni f’nofs il-pjanura fil-wied, u din kienet mimlija għadam. 2 U ġegħelni ngħaddi minn nofs l-għadam, u rajt li kien hemm kwantità kbira ħafna t’għadam fil-pjanura tal-wied, u kien xott ħafna. 3 Hu staqsieni: “Bin il-bniedem, jistaʼ dan l-għadam jieħu l-ħajja?” Għal dan, jien għedtlu: “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* int il-wieħed li taf.” 4 Allura qalli: “Kellem* lil dan l-għadam u għidlu, ‘Għadam niexef, ismaʼ dak li għandu x’jgħid Ġeħova:

5 “‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox lil dan l-għadam: “Jien se ndaħħal nifs* fik, u int se tieħu l-ħajja. 6 Jien se nqiegħed fuqek nervituri u laħam, u se ngħattik bil-ġilda u nagħtik in-nifs, u int tieħu l-ħajja; u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova.”’”

7 Imbagħad kellimtu bħalma ġejt ikkmandat. U malli tkellimt, kien hemm ħoss, il-ħoss tal-għadam iċekċek, u l-għadam beda jinġabar flimkien u jingħaqad. 8 Imbagħad rajt nervituri u laħam jiġu fuq l-għadam, u ġilda għattietu. Imma xorta ma kienx għad hemm nifs fih.

9 Imbagħad qalli: “Kellem lir-riħ. Bin il-bniedem, kellem lir-riħ u għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Riħ,* ejja mill-erbaʼ direzzjonijiet* u onfoħ fuq dawn in-nies li nqatlu ħalli jieħdu l-ħajja.”’”

10 Allura kellimthom bħalma ġejt ikkmandat, u daħal fihom nifs, bdew jieħdu l-ħajja, u qamu fuq saqajhom. U kien hemm armata enormi.

11 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, dan l-għadam hu l-poplu kollu t’Iżrael. Huma qed jgħidu, ‘L-għadam tagħna hu niexef, u t-tama tagħna spiċċat fix-xejn. Aħna maqtugħin minn kollox.’ 12 Allura pprofetizza u għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Poplu tiegħi, jien se niftaħ l-oqbra tagħkom, inqajjimkom minnhom, u nġibkom fl-art t’Iżrael. 13 Poplu tiegħi, se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova meta niftaħ l-oqbra tagħkom u meta nqajjimkom minnhom.”’ 14 ‘Se nagħtikom l-ispirtu tiegħi u tieħdu l-ħajja, u se niħodkom fl-art tagħkom; u se jkollkom tkunu tafu li jien stess, Ġeħova, tkellimt u hekk għamilt,’ jgħid Ġeħova.”

15 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 16 “Bin il-bniedem, ħu bastun u ikteb fuqu, ‘Għal Ġuda u għall-poplu t’Iżrael li qegħdin miegħu.’* Imbagħad ħu bastun ieħor u ikteb fuqu, ‘Għal Ġużeppi, il-bastun t’Efrajm, u għall-poplu kollu t’Iżrael li qegħdin miegħu.’* 17 Imbagħad ressaqhom ħdejn xulxin ħalli jsiru bastun wieħed f’idek. 18 Meta l-poplu tiegħek jistaqsuk, ‘Tistaʼ tispjegalna xi jfissru dawn l-affarijiet?’ 19 għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se nieħu l-bastun taʼ Ġużeppi, li qiegħed f’id Efrajm, u tat-tribujiet t’Iżrael li qegħdin miegħu u ngħaqqadhom mal-bastun taʼ Ġuda, u nagħmilhom bastun wieħed, u huma jsiru wieħed f’idi.”’ 20 Il-bsaten li tikteb fuqhom għandhom ikunu f’idek ħalli jarawhom.

21 “Imbagħad għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien se nieħu lill-Iżraelin minn fost il-popli fejn marru, u se niġborhom flimkien minn kull direzzjoni u nġibhom fil-pajjiż tagħhom. 22 Jien se nagħmilhom poplu wieħed fil-pajjiż, fuq il-muntanji t’Iżrael, u re wieħed se jmexxi fuqhom. Ma jibqgħux iktar żewġ popli u lanqas jibqgħu mifrudin f’żewġ saltniet. 23 Huma mhux se jibqgħu jniġġsu lilhom infushom bl-idoli moqżieża* tagħhom, bl-affarijiet diżgustanti tagħhom, u bid-dnubiet kollha tagħhom. Jien se nsalvahom min-nuqqas taʼ lealtà tagħhom li ġegħlithom jidinbu, u se nnaddafhom. Huma se jkunu l-poplu tiegħi, u jien stess se nkun l-Alla tagħhom.

24 “‘“Il-qaddej tiegħi David se jkun ir-re tagħhom, u huma kollha se jkollhom ragħaj wieħed. Huma se jżommu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u jobdu bir-reqqa l-liġijiet tiegħi. 25 Huma se jgħixu fl-art li jien tajt lill-qaddej tiegħi Ġakobb, fejn kienu jgħixu missirijietkom, u se jgħixu hemm għal dejjem huma, it-tfal tagħhom, u t-tfal tat-tfal tagħhom. U l-qaddej tiegħi David se jkun il-kap* tagħhom għal dejjem.

26 “‘“U se nagħmel magħhom patt taʼ paċi; se jkun patt għal dejjem. Jien se nagħtihom post fil-pajjiż tagħhom, nagħmilhom ħafna, u nqiegħed is-santwarju tiegħi f’nofshom għal dejjem. 27 It-tinda* tiegħi se tkun magħhom,* u se nkun l-Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. 28 U l-popli se jkollhom ikunu jafu li jien, Ġeħova, qed inqaddes lil Iżrael meta s-santwarju tiegħi jkun fosthom għal dejjem.”’”

38 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ħares lejn Gog tal-art taʼ Magog, il-kap* il-kbir taʼ Mesek u Tubal, u pprofetizza kontrih. 3 Għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Gog, il-kap* il-kbir taʼ Mesek u Tubal, jien kontrik. 4 Jien se ndawrek, inpoġġi l-ganċijiet fil-ħanek tiegħek, u noħorġok mal-armata kollha tiegħek biż-żwiemel u r-rikkieba tagħhom li lkoll lebsin ħwejjeġ mill-aqwa u huma armata kbira ħafna b’tarki kbar u żgħar.* Dawn kollha jużaw ix-xabla; 5 Magħhom hemm: l-armati tal-Persja, l-Etjopja, u Put, u kollha kemm huma għandhom tarka żgħira u elmu; 6 Gomer u s-suldati kollha tiegħu, u dawk li jiġu mill-familja taʼ Togarma, mill-iktar partijiet ʼil bogħod tat-Tramuntana, flimkien mas-suldati kollha tiegħu. Se jkun hemm ħafna nies miegħek.

7 “‘“Kun lest, ipprepara għall-battalja, int u l-armati kollha li ngħaqdu miegħek, u int se tkun il-kmandant* tagħhom.

8 “‘“Wara ħafna jiem, jien se nagħtik l-attenzjoni.* Fl-aħħar parti tas-snin, int se tinvadi l-art tal-poplu li nġieb lura wara li x-xabla għamlet ħafna ħsara. Dawn huma dawk li ġew lura u nġabru flimkien minn ħafna popli fuq il-muntanji t’Iżrael, li kienu ilhom abbandunati. In-nies taʼ dan il-pajjiż inġiebu lura mill-popli u lkoll kemm huma qed jgħixu fis-sigurtà. 9 Int, is-suldati kollha tiegħek, u l-ħafna popli miegħek, se tiġu kontrihom bħal maltempata u se tiksu l-pajjiż bħas-sħab.”’

10 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Dakinhar, se jiġu ħsibijiet f’moħħok* u se tagħmel pjan mill-agħar. 11 Int se tgħid: “Jien se ninvadi l-pajjiż li għandu l-irħula li mhumiex protetti.* Se niġi kontra dawk li qed jgħixu fis-sigurtà u mingħajr tfixkil, jiġifieri dawk kollha li qed jgħixu fi rħula li mhumiex protetti bi swar, staneg, jew bibien.” 12 Dan se tagħmlu biex tisraq u tieħu ħafna affarijiet, u biex tattakka l-postijiet imħarbta li issa hemm in-nies joqogħdu fihom u n-nies li nġabru flimkien mill-popli, jiġifieri dawk li qed jakkwistaw il-ġid u l-propjetà u li qed jgħixu f’nofs id-dinja.

13 “‘Xeba, Dedan, il-merkanti taʼ Tarsis, u l-gwerriera* kollha tiegħu se jgħidulek: “Qed tinvadi l-pajjiż biex tieħu u tisraq ħafna affarijiet? Jaqaw ġbart l-armati tiegħek biex iġorru l-fidda u d-deheb, jieħdu l-ġid u l-propjetà, u jaħtfu ħafna affarijiet?”’

14 “Għalhekk, bin il-bniedem, ipprofetizza u għid lil Gog, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Fil-jum meta l-poplu t’Iżrael jgħix fis-sigurtà, int żgur li se tinduna b’dan. 15 Int se tiġi mill-pajjiż tiegħek, mill-iktar partijiet ʼil bogħod tat-Tramuntana, maʼ ħafna popli. Dawn se jkunu lkoll rekbin fuq iż-żwiemel u se tkunu ġemgħa kbira u armata enormi. 16 Bħalma s-sħab jgħatti l-pajjiż, int hekk se tiġi kontra l-poplu tiegħi Iżrael. Gog, fl-aħħar parti tal-jiem, jien se nġibek kontra l-pajjiż tiegħi ħalli l-popli jkunu jafuni meta jien inqaddes lili nnifsi permezz tiegħek quddiem għajnejhom.”’

17 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Int mhux l-istess wieħed li tkellimt dwarek fil-passat permezz tal-qaddejja tiegħi l-profeti t’Iżrael? Huma pprofetizzaw għal ħafna snin li int kont se tinġieb kontrihom.’

18 “‘Dakinhar, fil-jum meta Gog jinvadi l-pajjiż t’Iżrael, jien se nirrabja ħafna,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 19 Jien se nitkellem biż-żelu tiegħi u bir-rabja tiegħi li taħraq bħan-nar, u dakinhar se jkun hemm terremot kbir fl-art t’Iżrael. 20 Minħabba fija, il-ħut, l-għasafar, l-annimali slavaġ, ir-rettili li jitkaxkru, u l-bnedmin kollha fuq wiċċ l-art se jirtogħdu, u l-muntanji se jiġu mwaddbin ’l isfel, l-irdum se jaqaʼ, u kull sur se jiġġarraf u jaqaʼ mal-art.’

21 “‘Se nibgħat xabla kontra Gog fuq il-muntanji kollha tiegħi,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. ‘Kull suldat se jiġġieled kontra sieħbu stess. 22 Se nġib ġudizzju fuqu* bil-mard u t-tixrid tad-demm; u se nniżżel xita bi qliel, silġ, nar, u kubrit* fuqu, fuq is-suldati tiegħu, u l-ħafna nies li hemm miegħu. 23 Jien żgur li se nuri l-kobor tiegħi, inqaddes lili nnifsi, u nuri min jien quddiem għajnejn ħafna popli; u huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’

39 “Bin il-bniedem, ipprofetizza kontra Gog u għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Gog, il-kap* il-kbir taʼ Mesek u Tubal, jien kontrik. 2 Jien se ndawrek, immexxik, u nġiegħlek tiġi mill-iktar partijiet imbegħdin tat-Tramuntana u nġibek fuq il-muntanji t’Iżrael. 3 Se ntajjarlek il-qaws minn idek ix-xellugija u nwaqqagħlek il-vleġeġ minn idek il-leminija. 4 Int se taqaʼ mejjet fuq il-muntanji t’Iżrael flimkien mas-suldati kollha tiegħek u l-popli li jkunu miegħek. Se nagħtik bħala ikel għal kull tip t’għasfur tal-priża u għall-annimali slavaġ.”’

5 “‘Int se taqaʼ mejjet f’nofs l-għelieqi, għax jien stess tkellimt,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

6 “‘U jien se nibgħat nar fuq Magog u fuq dawk kollha li qed jgħixu fil-gżejjer fis-sigurtà, u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova. 7 Jien se nagħmel l-isem qaddis tiegħi magħruf fost il-poplu tiegħi Iżrael, u mhux se nħalli lill-isem qaddis tiegħi jiġi ddiżonorat iktar; u l-ġnus se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova, il-Qaddis f’Iżrael.’

8 “‘Iva, dak li ġie pprofetizzat se jiġri u se jitwettaq,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. ‘Dan hu l-jum li jien tkellimt dwaru. 9 In-nies tal-bliet t’Iżrael se joħorġu u jqabbdu n-nar billi jaħarqu l-armi: it-tarki ż-żgħar* u t-tarki l-kbar, il-qwas u l-vleġeġ, u l-mazez* u l-lanez. Huma se jużawhom biex iqabbdu n-nar bihom għal sebaʼ snin. 10 Huma mhux se jkollhom bżonn jieħdu z-zkuk mill-għalqa jew jiġbru l-ħatab mill-foresti, għax huma se jużaw l-armi biex iqabbdu n-nar.’

“‘Huma se jieħdu affarijiet mingħand dawk li kienu ħadulhom l-affarijiet, u se jisirqu mingħand dawk li kienu jisirquhom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

11 “‘Dakinhar, jien se nagħti lil Gog post fejn jindifen f’Iżrael, fil-wied taʼ dawk li jivvjaġġaw lejn il-Lvant tal-Baħar il-Mejjet. Il-wied se jagħlaq it-triq taʼ dawk li jgħaddu minn hemm. Hemm se jindifen Gog u l-folol kollha tan-nies tiegħu, u se jsejħulu l-Wied taʼ Ħamon Gog.* 12 Il-poplu t’Iżrael se jdum sebaʼ xhur biex jidfinhom ħalli b’hekk inaddaf il-pajjiż. 13 In-nies kollha tal-pajjiż se jaħdmu biex jidfnuhom, u b’hekk se jiġu onorati dakinhar li nigglorifika lili nnifsi,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

14 “‘Xi rġiel se jiġu inkarigati biex il-ħin kollu jduru mal-pajjiż u jidfnu lil dawk li jkun għad fadal fuq wiċċ l-art, biex b’hekk inaddfuha. Huma se jkomplu jfittxu għal sebaʼ xhur. 15 Meta dawk li jgħaddu mill-pajjiż jaraw għadma taʼ bniedem, huma jagħmlu sinjal maġenbha. Imbagħad dawk li huma inkarigati biex jidfnu, se jidfnuha fil-Wied taʼ Ħamon Gog. 16 U hemm se jkun hemm ukoll belt li jisimha Ħamona.* U l-pajjiż se jiġi mnaddaf.’

17 “Bin il-bniedem, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Għid lil kull tip t’għasfur u lil kull bhima salvaġġa, “Inġabru flimkien u ejjew. Inġabru madwar is-sagrifiċċju tiegħi li qed nipprepara għalikom, sagrifiċċju kbir fuq il-muntanji t’Iżrael. Intom se tieklu l-laħam u tixorbu d-demm. 18 Intom se tieklu l-laħam taʼ dawk b’saħħithom u tixorbu d-demm tal-kapijiet tal-art: l-imtaten, il-ħrief, il-bdabad, u l-barrin, l-annimali kollha msemmnin tal-Basan. 19 Intom se tiffangaw bix-xaħam u tixorbu d-demm sakemm tiskru mis-sagrifiċċju li jien nipprepara għalikom.”’

20 “‘Mill-mejda tiegħi, se tinfaqgħu bil-laħam taż-żwiemel u tas-sewwieqa tal-karrijiet, u b’taʼ wħud b’saħħithom u kull tip taʼ gwerrier,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

21 “‘Se nuri l-glorja tiegħi fost il-popli, u l-popli kollha se jkollhom jaraw il-ġudizzju li għamilt u l-qawwa li wrejt fosthom. 22 Minn dakinhar ’il quddiem, il-poplu t’Iżrael se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova l-Alla tagħhom. 23 U l-ġnus se jkollhom ikunu jafu li l-poplu t’Iżrael marru fl-eżilju minħabba d-dnubiet tagħhom, għax huma ma kinux leali lejja. Għalhekk, jien ħbejt wiċċi minnhom u tajthom f’idejn l-għedewwa tagħhom, u kollha kemm huma mietu bix-xabla. 24 Jien ikkastigajthom kif kien jistħoqqilhom minħabba l-affarijiet mhux nodfa li għamlu u d-dnubiet tagħhom, u jien ħbejt wiċċi minnhom.’

25 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien se nġib lura lil dawk taʼ Ġakobb li huma fl-eżilju u nuri ħniena mal-poplu kollu t’Iżrael; u se niddefendi l-isem qaddis tiegħi bis-saħħa kollha tiegħi.* 26 Wara li jkunu ġew umiljati minħabba li ma kinux leali lejja, huma se jgħixu b’moħħhom mistrieħ fil-pajjiż tagħhom u ma jbeżżagħhom ħadd. 27 Meta nġibhom lura mill-popli u niġborhom flimkien mill-pajjiżi tal-għedewwa tagħhom, jien ukoll inqaddes lili nnifsi fosthom quddiem għajnejn ħafna popli.’

28 “‘Huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova l-Alla tagħhom meta nibgħathom fl-eżilju fost il-popli u mbagħad nerġaʼ nġibhom lura fil-pajjiż tagħhom, u ma nħalli lil ħadd minnhom hemmhekk. 29 Jien ma nibqax naħbi wiċċi minnhom, għax nitfaʼ l-ispirtu qaddis tiegħi fuq il-poplu t’Iżrael,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

40 Fil-25 sena tal-eżilju tagħna, fil-bidu tas-sena, fl-għaxar jum tal-14-il sena wara li waqgħet il-belt, dakinhar stess bdiet taħdem fuqi l-qawwa taʼ Ġeħova, u ħadni l-belt. 2 Permezz taʼ viżjoni mingħand Alla, hu ġabni fil-pajjiż t’Iżrael u niżżilni fuq muntanja għolja ħafna, u fuqha, lejn in-Nofsinhar, kien hemm binja bħal belt.

3 Meta ħadni hemm, rajt raġel li kien jidher bħar-ram ileqq. F’idu kellu ħabel tal-kittien u qasba tal-kejl,* u kien wieqaf fil-bieb. 4 Ir-raġel qalli: “Bin il-bniedem, ħares u ismaʼ sew, u agħti kas kull ħaġa li nurik, għax għalhekk inġibt hawn. Għid lill-poplu t’Iżrael b’dak kollu li tara.”

5 U rajt ħajt mad-dawra taʼ barra tat-tempju.* F’id ir-raġel kien hemm qasba tal-kejl twila sitt kubiti (maʼ kull kubitu ġiet miżjuda wisaʼ taʼ id).* Hu beda jkejjel il-ħajt, u l-ħxuna tiegħu kienet daqs qasba u l-għoli tiegħu daqs qasba.

6 Imbagħad mar ħdejn il-bieb li jħares lejn in-naħa tal-Lvant u telaʼ t-taraġ tiegħu. Hu kejjel l-għatba tal-bieb u kienet wiesgħa qasba, u l-wisaʼ tan-naħa l-oħra kienet qasba wkoll. 7 Kull kamra tal-għassa kienet twila qasba u wiesgħa qasba, u kien hemm ħames kubiti bejn il-kmamar tal-għassa. L-għatba taʼ ħdejn l-intrata tal-bieb li tħares lejn in-naħa taʼ ġewwa kienet daqs qasba.

8 Hu kejjel in-naħa taʼ ġewwa tal-intrata tal-bieb u kienet daqs qasba. 9 Imbagħad kejjel l-intrata tal-bieb, li kienet tmien kubiti; u kejjel il-kolonni li qegħdin mal-ġenb tagħha, li kienu żewġ kubiti; u l-intrata tal-bieb kienet fuq in-naħa li tħares lejn in-naħa taʼ ġewwa.

10 Fuq kull naħa tal-bieb tal-Lvant kien hemm tliet kmamar tal-għassa. It-tlieta li huma kellhom l-istess daqs, u l-kolonni tal-ġnub taż-żewġ naħat kienu tal-istess daqs.

11 Imbagħad kejjel il-wisaʼ tad-daħla tal-bieb, li kienet għaxar kubiti; u t-tul tal-bieb kien 13-il kubitu.

12 L-ispazju quddiem il-kmamar tal-għassa kien mifrud b’ċint li kull naħa kien kubitu. Il-kmamar tal-għassa li kien hemm fuq iż-żewġ naħat kienu sitt kubiti l-waħda.

13 Imbagħad kejjel il-bieb mis-saqaf taʼ waħda mill-kmamar tal-għassa* sas-saqaf tal-oħra, u dan kien wiesaʼ 25 kubitu; daħla kienet faċċata taʼ daħla oħra. 14 Imbagħad kejjel il-kolonni tal-ġenb li kienu twal 60 kubitu, u kejjel ukoll il-kolonni tal-ġenb tal-bibien li kienu mad-dawra kollha tal-bitħa. 15 Minn quddiem id-daħla tal-bieb sa quddiem l-intrata, li tagħti fuq in-naħa taʼ ġewwa tal-bieb, kien hemm 50 kubitu.

16 Kien hemm twieqi b’fetħa li tidjieq għall-kmamar tal-għassa u għall-kolonni tal-ġenb tagħhom li kienu ġewwa l-bieb fuq kull naħa. Fuq in-naħa taʼ ġewwa tal-intrati wkoll kien hemm it-twieqi fuq kull naħa. U kien hemm is-siġar tal-palm minquxin fuq il-kolonni tal-ġenb.

17 Imbagħad ġabni fil-bitħa taʼ barra u rajt kmamar tal-ikel u ċangaturi mad-dawra tal-bitħa. Kien hemm 30 kamra tal-ikel fuq iċ-ċangaturi. 18 Il-wisaʼ taċ-ċangaturi li huma fil-ġenb tal-bibien kienu twal daqs il-bibien. Dawn iċ-ċangaturi kienu iktar baxxi mill-bitħa taʼ ġewwa.

19 Imbagħad hu kejjel id-distanza* minn quddiem il-bieb sad-dawramejt tal-bitħa taʼ ġewwa. Kien hemm 100 kubitu fuq il-Lvant u fuq it-Tramuntana.

20 Il-bitħa taʼ barra kellha bieb li jħares lejn it-Tramuntana. Hu kejjel it-tul u l-wisaʼ tiegħu. 21 Kien hemm tliet kmamar tal-għassa fuq kull naħa. Il-kolonni tal-ġenb tiegħu u l-intrata kienu daqs l-ewwel bieb. Dan kien twil 50 kubitu u wiesaʼ 25 kubitu. 22 It-twieqi, l-intrata, u s-siġar tal-palm minquxin kienu l-istess daqs dawk li kien hemm fil-bieb tal-Lvant. In-nies setgħu jaslu ħdejh billi jitilgħu sebaʼ tarġiet, u l-intrata kienet quddiem it-taraġ.

23 Kien hemm bieb fil-bitħa taʼ ġewwa faċċata tal-bieb tat-Tramuntana u faċċata tal-bieb tal-Lvant. Hu kejjel kemm hemm bogħod minn bieb għal bieb, u kien hemm 100 kubitu.

24 Imbagħad ħadni lejn in-Nofsinhar u rajt bieb iħares lejn in-Nofsinhar. Hu kejjel il-kolonni tal-ġenb u l-intrata tiegħu, u dawn kienu daqs l-oħrajn. 25 Kien hemm twieqi fuq kull naħa tiegħu u fl-intrata, bħat-twieqi l-oħrajn. Il-bieb kien twil 50 kubitu u wiesaʼ 25 kubitu. 26 Kien hemm sebaʼ tarġiet li jwasslu ħdejh, u l-intrata tiegħu kienet quddiem it-taraġ. U kien hemm siġar tal-palm minquxin fuq il-kolonni tal-ġenb, waħda fuq kull naħa.

27 Il-bitħa taʼ ġewwa kellha bieb iħares lejn in-Nofsinhar. Hu kejjel lejn in-Nofsinhar minn bieb għal bieb u kien hemm 100 kubitu. 28 Imbagħad daħħalni fil-bitħa taʼ ġewwa mill-bieb tan-Nofsinhar. Meta kejjel il-bieb tan-Nofsinhar kien l-istess daqs tal-oħrajn. 29 Il-kmamar tal-għassa, il-kolonni tal-ġenb, u l-intrata kienu l-istess daqs l-oħrajn. Kien hemm twieqi fuq kull naħa u fuq l-intrata. Il-bieb kien twil 50 kubitu u wiesaʼ 25 kubitu. 30 Il-bibien kollha li kienu jagħtu lejn il-bitħa taʼ ġewwa kellhom intrata. Kull intrata kienet twila 25 kubitu u wiesgħa ħames kubiti. 31 L-intrata tal-bieb kienet tħares faċċata tal-bitħa taʼ barra, u hemmhekk kien hemm siġar tal-palm minquxin fuq il-ġnub tal-kolonni, u kien hemm tmien tarġiet li jwasslu ħdejh.

32 Meta daħħalni fil-bitħa taʼ ġewwa mil-Lvant, hu kejjel il-bieb u kien l-istess daqs tal-oħrajn. 33 Il-kmamar tal-għassa, il-kolonni tal-ġenb, u l-intrata kienu l-istess daqs bħall-oħrajn. Kien hemm twieqi fuq kull naħa u fl-intrata. Il-bieb kien twil 50 kubitu u wiesaʼ 25 kubitu. 34 L-intrata tal-bieb kienet faċċata tal-bitħa taʼ barra, u hemmhekk kien hemm siġar tal-palm minquxin fuq il-ġnub tal-kolonni, u kien hemm tmien tarġiet li jwasslu ħdejh.

35 Imbagħad ħadni fil-bieb tat-Tramuntana u kejlu; kien daqs l-oħrajn. 36 Il-kmamar tal-għassa, il-kolonni tal-ġenb, u l-intrata tiegħu kienu daqs l-oħrajn. Kellu twieqi fuq kull naħa. Il-bieb kien twil 50 kubitu u wiesaʼ 25 kubitu. 37 Il-kolonni tal-ġenb tiegħu kienu jħarsu lejn il-bitħa taʼ barra, u kien hemm siġar tal-palm minquxin fuq iż-żewġ naħat tal-kolonni tal-ġenb, u tmien tarġiet iwasslu ħdejh.

38 Ħdejn il-kolonni tal-bibien kien hemm kamra tal-ikel bid-daħla tagħha, fejn kienu jaħslu l-offerti sħaħ tal-ħruq.

39 Kien hemm żewġ imwejjed fuq kull naħa tal-intrata tal-bieb fejn kienu jinqatlu l-annimali għall-offerti sħaħ tal-ħruq, għall-offerti tad-dnub, u għall-offerti għall-ħtija. 40 Fuq barra, fejn id-daħla tat-Tramuntana, kien hemm żewġ imwejjed. Kien hemm ukoll żewġ imwejjed in-naħa l-oħra tal-intrata tal-bieb. 41 Fuq kull naħa tal-bieb kien hemm erbaʼ mwejjed, b’kollox kien hemm tmien imwejjed, li fuqhom kienu jinqatlu l-annimali għas-sagrifiċċji. 42 L-erbaʼ mwejjed għall-offerti sħaħ tal-ħruq kienu magħmulin minn ġebel maqtugħ bl-għodda. Dawn kienu kubitu u nofs twal, kubitu u nofs wesgħin, u kubitu għoljin. Fuqhom kienu jinżammu l-għodda li kienu jintużaw biex jinqatlu l-annimali għall-offerti tal-ħruq u għas-sagrifiċċji. 43 L-ixkafef, li kienu wisaʼ taʼ id, kienu mwaħħlin mad-dawra kollha taʼ ġewwa tal-ħitan; u l-laħam tal-offerti kien jitpoġġa fuq l-imwejjed.

44 Fuq in-naħa taʼ barra tal-bieb taʼ ġewwa kien hemm il-kmamar tal-ikel għall-kantanti; huma kienu fil-bitħa taʼ ġewwa viċin il-bieb tat-Tramuntana li jħares lejn in-Nofsinhar. U kien hemm kamra tal-ikel oħra li kienet viċin il-bieb tal-Lvant li jħares lejn it-Tramuntana.

45 Hu qalli: “Din il-kamra tal-ikel li tħares lejn in-Nofsinhar hi għall-qassisin li jieħdu ħsieb is-servizzi li jsiru fit-tempju. 46 Il-kamra tal-ikel li tħares lejn it-Tramuntana hi għall-qassisin li jieħdu ħsieb is-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-artal. Huma t-tfal taʼ Sadok, mil-Leviti li huma inkarigati biex jiġu quddiem Ġeħova biex jagħmlu x-xogħol tiegħu.”

47 Imbagħad kejjel il-bitħa taʼ ġewwa. Din kienet kwadra, twila 100 kubitu u wiesgħa 100 kubitu. L-artal kien quddiem it-tempju.

48 Imbagħad ġabni fl-intrata tat-tempju u kejjel il-kolonni tal-ġenb tal-intrata, u kull kolonna kellha ħames kubiti fuq naħa u ħames kubiti fuq in-naħa l-oħra. U l-wisaʼ tal-bieb kienet tliet kubiti fuq naħa u tliet kubiti fuq in-naħa l-oħra.

49 L-intrata kienet twila 20 kubitu u wiesgħa 11-il kubitu.* In-nies kienu jaslu ħdejha billi jitilgħu t-taraġ. Kien hemm kolonni ħdejn il-pilastri tal-ġenb, waħda fuq kull naħa.

41 Imbagħad ħadni fil-Qaddis* u kejjel il-kolonni tal-ġenb. Dawn kienu wesgħin sitt kubiti* fuq naħa u sitt kubiti fuq in-naħa l-oħra. 2 Id-daħla kienet wiesgħa għaxar kubiti, u l-ħitan tal-ġnub tad-daħla kienu ħames kubiti fuq naħa u ħames kubiti fuq in-naħa l-oħra. Hu kejjel it-tul tiegħu u kien 40 kubitu, u l-wisaʼ 20 kubitu.

3 Imbagħad hu daħal* u kejjel il-kolonna tal-ġenb tad-daħla, u din kellha ħxuna taʼ żewġ kubiti, u d-daħla kienet wiesgħa sitt kubiti. Il-ħitan tal-ġenb tad-daħla kienu* sebaʼ kubiti. 4 Imbagħad kejjel il-kamra li kienet tħares lejn il-Qaddis, u din kienet twila 20 kubitu u wiesgħa 20 kubitu. Hu qalli: “Din hi l-Iktar Qaddis.”

5 Imbagħad kejjel il-ħajt tat-tempju, u dan kellu ħxuna taʼ sitt kubiti. Il-kmamar tal-ġenb taʼ madwar it-tempju kienu wiesgħa erbaʼ kubiti. 6 Il-kmamar tal-ġenb kienu fuq tliet sulari, wieħed fuq l-ieħor, u kull sular kellu 30 kamra. Il-ħajt tat-tempju kien magħmul b’tali mod li l-kmamar tal-ġenb kellhom fejn iserrħu fuq il-ħajt mingħajr ma kellhom għalfejn iħaffru l-ħitan tat-tempju. Fuq iż-żewġ naħat tat-tempju kien hemm garigor li kien jitwessa’ hu u tielaʼ lejn il-kmamar taʼ fuq. 7 Il-wisaʼ kienet tiżdied minn sular għal sular hekk kif wieħed kien jitlaʼ mis-sular t’isfel għas-sular taʼ fuq nett billi jgħaddi mis-sular tan-nofs.

8 Jien rajt li kien hemm platform għoli mad-dawra kollha tat-tempju, u l-pedamenti tal-kmamar tal-ġenb kienu daqs qasba sħiħa, jiġifieri sitt kubiti, mill-art sal-kantuniera taʼ fuq. 9 Il-ħajt taʼ barra tal-kamra tal-ġenb kellu wisaʼ taʼ ħames kubiti. Kien hemm spazju* miftuħ mal-binja tal-kmamar tal-ġenb li kien parti mit-tempju.

10 Bejn it-tempju u l-kmamar tal-ikel kien hemm parti mhix mibnija li kienet wiesgħa 20 kubitu fuq kull naħa. 11 Kien hemm daħla bejn il-kmamar tal-ġenb u l-ispazju miftuħ fuq in-naħa tat-Tramuntana u daħla oħra fuq in-naħa tan-Nofsinhar. L-ispazju miftuħ kien wiesaʼ ħames kubiti mad-dawra kollha.

12 Il-bini li kien hemm fuq il-Punent li jħares lejn il-parti mhix mibnija kien wiesaʼ 70 kubitu u twil 90 kubitu. Il-ħajt tal-bini kellu ħxuna taʼ ħames kubiti mad-dawra kollha.

13 Hu kejjel it-tempju, u dan kien twil 100 kubitu. It-tul tal-parti mhix mibnija u tal-bini* bil-ħitan tiegħu wkoll kienu 100 kubitu. 14 Il-wisaʼ tal-faċċata tat-tempju li tħares lejn il-Lvant u l-parti mhix mibnija kienu 100 kubitu.

15 Hu kejjel it-tul tal-bini li kien faċċata tal-parti mhix mibnija fuq wara flimkien mal-kurituri fuq żewġ naħat, u kienu 100 kubitu.

Hu kejjel ukoll il-Qaddis, l-Iktar Qaddis, u l-intrati tal-bitħa, 16 kif ukoll l-għetiebi, it-twieqi b’fetħa li tidjieq, u l-kurituri li kienu f’dawn it-tliet naħat. Qrib l-għatba kien hemm pannelli tal-injam mill-art sat-twieqi; u t-twieqi kienu mgħottijin. 17 Hu kejjel kemm kienet kbira l-parti taʼ fuq id-daħla, ġewwa u barra tat-tempju, u l-ħajt sħiħ mad-dawra kollha. 18 Kien hemm kerubini u siġar tal-palm minquxin, b’siġra tal-palm bejn żewġ kerubini u kull kerubin kellu żewġ uċuħ. 19 Il-wiċċ taʼ bniedem kien iħares lejn siġra tal-palm fuq naħa u l-wiċċ taʼ ljun kien iħares lejn is-siġra tal-palm fuq in-naħa l-oħra. Dawn kienu minquxin hekk mat-tempju kollu. 20 Fuq il-ħitan tat-tempju kien hemm minquxin kerubini u siġar tal-palm, mill-art sa fuq id-daħla.

21 Il-koxox tal-bieb* tat-tempju kienu kwadri. Quddiem il-post qaddis kien hemm xi ħaġa bħal 22 artal tal-injam li kien għoli tliet kubiti u twil żewġ kubiti. Dan kellu pilastri fil-kantunieri u l-bażi* u l-ġnub tiegħu kienu magħmulin mill-injam. Imbagħad hu qalli: “Din hi l-mejda li hi quddiem Ġeħova.”

23 Il-Qaddis u l-Iktar Qaddis kellhom żewġ bibien kull wieħed. 24 Kull bieb kellu żewġ bibien u kull bieba kienet tintlewa fi tnejn. 25 Fuq il-bibien tat-tempju kien hemm imnaqqxin kerubini u siġar tal-palm, bħal dawk li kien hemm fuq il-ħitan. Kien hemm ukoll biċċa msaqqfa bl-injam quddiem l-intrata fuq barra. 26 Kien hemm ukoll twieqi b’fetħa li tidjieq u siġar tal-palm imnaqqxin tul iż-żewġ naħat tal-intrata, tul il-ġenb tal-kmamar tat-tempju, u fejn kien hemm imsaqqaf.

42 Imbagħad ħadni fil-bitħa taʼ barra tan-naħa tat-Tramuntana. Hu ħadni fil-blokka tal-kmamar tal-ikel li kienu ħdejn il-parti mhix mibnija, lejn it-Tramuntana tal-bini li qiegħed wara t-tempju.* 2 Id-daħla lejn it-Tramuntana kienet twila 100 kubitu* u wiesgħa 50 kubitu. 3 Din kienet bejn il-bitħa taʼ ġewwa, li kienet 20 kubitu wiesgħa, u bejn iċ-ċangaturi tal-bitħa taʼ barra. Il-kurituri kienu jħarsu lejn xulxin u kienu fuq tliet sulari. 4 Quddiem il-kmamar tal-ikel kien hemm passaġġ fuq ġewwa wiesaʼ għaxar kubiti u twil 100 kubitu,* u l-entratura tagħhom kienet tħares lejn it-Tramuntana. 5 Il-kmamar tal-ikel taʼ fuq tal-bini kienu idjaq minn dawk tas-sular t’isfel u tas-sular tan-nofs, għax il-kurituri ħadu iktar mill-ispazju tagħhom. 6 Huma kienu fuq tliet sulari, imma ma kellhomx kolonni bħall-kolonni li kien hemm fil-btieħi. Hu għalhekk li ttieħed iktar spazju minnhom milli mis-sular t’isfel u mis-sular tan-nofs.

7 Il-ħajt tal-ġebel taʼ barra qrib il-kmamar tal-ikel li kienu lejn il-bitħa taʼ barra u li kien iħares lejn il-kmamar tal-ikel l-oħrajn kien twil 50 kubitu. 8 It-tul tal-kmamar tal-ikel li kienu jħarsu lejn il-bitħa taʼ barra kien 50 kubitu, imma taʼ dawk li kienu jħarsu lejn it-tempju kien 100 kubitu. 9 Il-kmamar tal-ikel kellhom daħla fuq in-naħa tal-Lvant, li wieħed setaʼ jmur fihom mill-bitħa taʼ barra.

10 Kien hemm ukoll kmamar tal-ikel fuq in-naħa tan-Nofsinhar.* Il-ħajt tal-ġebel tal-bitħa kien fuq in-naħa tal-Lvant tagħhom. Dawn il-kmamar kienu viċin il-parti mhix mibnija u l-bini. 11 Kien hemm passaġġ quddiemhom bħalma kien hemm quddiem il-kmamar tal-ikel tat-Tramuntana. Dawn kellhom l-istess tul u l-istess wisaʼ, u huma kellhom l-istess ħruġ u l-istess pjanti. Id-daħliet tagħhom 12 kienu bħad-daħliet tal-kmamar tal-ikel li kienu lejn in-Nofsinhar. Kien hemm daħla fil-bidu tal-passaġġ maġenb il-ħajt tal-ġebel lejn il-Lvant, minn fejn wieħed setaʼ jidħol.

13 Imbagħad qalli: “Il-kmamar tal-ikel tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar li huma ħdejn il-parti mhix mibnija huma l-kmamar tal-ikel qaddisin, fejn il-qassisin li jaqdu lil Ġeħova jieklu mill-offerti l-iktar qaddisa. Hemmhekk huma jpoġġu l-offerti l-iktar qaddisa, jiġifieri l-offerta taċ-ċereali,* l-offerta għad-dnub, u l-offerta għall-ħtija, għax il-post hu qaddis. 14 Meta jidħlu l-qassisin, huma m’għandhomx joħorġu mill-post qaddis għall-bitħa taʼ barra bil-ħwejjeġ li jkunu qed jaqdu bihom, għax dawn qaddisin. Huma għandhom jilbsu ħwejjeġ oħrajn biex imorru fejn jistgħu joqogħdu n-nies.”

15 Meta lesta milli jkejjel in-naħa taʼ ġewwa tat-tempju, ħariġni mill-bieb li jħares lejn il-Lvant u kejjel id-dawra kollha.

16 Hu kejjel in-naħa tal-Lvant bil-qasba tal-kejl, u min-naħa s’oħra t-tul kien 500 qasba.*

17 Hu kejjel in-naħa tat-Tramuntana bil-qasba tal-kejl, u t-tul kien 500 qasba.

18 Hu kejjel in-naħa tan-Nofsinhar bil-qasba tal-kejl, u t-tul kien 500 qasba.

19 Hu dar lejn in-naħa tal-Punent u kejjel bil-qasba tal-kejl, u t-tul kien 500 qasba.

20 Hu kejjel l-erbaʼ naħat. Kien hemm ħajt mad-dawra kollha, li kull naħa kienet twila 500 qasba, biex jifred dak li hu qaddis minn dak li mhux.

43 Imbagħad ħadni ħdejn il-bieb li jħares lejn il-Lvant. 2 Hemmhekk, min-naħa tal-Lvant rajt ġejja l-glorja t’Alla t’Iżrael, u leħnu kien bħall-ħoss taʼ ħafna ilma; u d-dinja xegħlet bil-glorja tiegħu. 3 Il-viżjoni li rajt kienet bħall-viżjoni li kelli meta jien mort biex inġib* il-belt ħerba, u kienet qisha dik li rajt ħdejn ix-Xmara Kebar; u jien inżilt wiċċi mal-art.

4 Imbagħad il-glorja taʼ Ġeħova daħlet fit-tempju* mill-bieb li jħares lejn il-Lvant. 5 U spirtu* għollieni u ħadni fil-bitħa taʼ ġewwa, u rajt li t-tempju kien imtela kollu bil-glorja taʼ Ġeħova. 6 Imbagħad smajt lil xi ħadd ikellimni mit-tempju, u r-raġel ġie u qagħad ħdejja. 7 Hu qalli:

“Bin il-bniedem, dan hu l-post tat-tron tiegħi u fejn inqiegħed saqajja, fejn ngħix f’nofs il-poplu tiegħi Iżrael għal dejjem. Il-poplu t’Iżrael u r-rejiet tagħhom mhux se jibqgħu jiddiżonoraw l-isem qaddis tiegħi billi ma jkunux leali lejja* u billi jqimu l-idoli bħala r-rejiet tagħhom.* 8 Meta għamlu l-għatba tagħhom ħdejn l-għatba tiegħi u l-koxxa tal-bieb tagħhom ħdejn il-koxxa tal-bieb tiegħi, u bejni u bejnhom kien hemm biss ħajt, huma ddiżonoraw l-isem qaddis tiegħi bl-affarijiet moqżieża li għamlu. Għalhekk, jien irrabjajt u qridthom għalkollox. 9 Issa ħalli ma jibqgħux ikunu żleali lejja* u jneħħu* l-idoli li jqimu bħala r-rejiet tagħhom, u jien ngħix fosthom għal dejjem.

10 “U int, bin il-bniedem, iddeskrivi t-tempju lill-poplu t’Iżrael ħalli b’hekk jistħu minħabba d-dnubiet tagħhom, u huma għandhom jistudjaw* il-pjanta tiegħu. 11 U jekk huma jistħu minħabba dak kollu li għamlu, penġi pjanta t’isfel tat-tempju quddiem għajnejhom. Urihom l-arranġament, il-ħruġ, id-dħul, u l-pjanti kollha t’isfel tiegħu. Informahom dwar il-liġijiet u r-regoli ħalli huma jieħdu nota tal-pjanta t’isfel tiegħu u jobduhom. 12 Din hi l-liġi tat-tempju. It-territorju kollu mad-dawra taʼ fuq tal-muntanja hu l-Iktar Qaddis. Din hi l-liġi tat-tempju.

13 “Dawn huma l-qisien tal-artal bil-kubiti (maʼ kull kubitu ġiet miżjuda wisaʼ taʼ id).* Il-bażi tiegħu hi kubitu u l-wisaʼ tiegħu kubitu. L-artal għandu bordura mad-dawra kollha tax-xifer li hi wiesgħa xiber.* Dan hu l-bażi tal-artal. 14 Mill-bażi li hemm mal-art sal-wiċċ tal-ewwel parti l-baxxa hemm żewġ kubiti u wisaʼ taʼ kubitu. Mill-parti ż-żgħira l-baxxa sal-wiċċ tal-parti l-kbira hemm erbaʼ kubiti u wiesgħa kubitu. It-tielet parti hi għolja erbaʼ kubiti. 15 Din il-parti taʼ fuq nett tal-artal hi fejn iqabbdu n-nar u għandha erbat iqrun mal-kantunieri. 16 Il-parti tal-artal fejn iqabbdu n-nar hi kwadra, twila 12-il kubitu u wiesgħa 12-il kubitu. 17 L-erbaʼ naħat tal-parti l-kbira huma twal 14-il kubitu u wiesgħa 14-il kubitu; mad-dawra għandha bordura li hi nofs kubitu u l-bażi tal-artal hi kubitu mad-dawra kollha.

“U t-taraġ tiegħu jħares lejn il-Lvant.”

18 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* ‘Dawn huma d-direzzjonijiet li għandek issegwi meta jsir l-artal, ħalli jkunu jistgħu jiġu offruti l-offerti sħaħ tal-ħruq u jiġi mraxxax id-demm fuqu.’

19 “‘Għandek tagħti barri żgħir mill-merħla bħala offerta għad-dnub lill-qassisin Leviti li jiġu mill-familja taʼ Sadok, li jersqu lejja biex jaqduni,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 20 Għandek tieħu ftit mid-demm tiegħu u tqiegħdu fuq l-erbat iqrun tal-artal, fuq l-erbaʼ kantunieri tal-parti l-kbira, u fuq il-bordura t’isfel mad-dawra kollha, ħalli tippurifikah mid-dnub u tagħmel tpattija għalih. 21 Imbagħad ħu l-barri ż-żgħir li hu l-offerta għad-dnub ħalli taħarqu fil-post magħżul tat-tempju, barra s-santwarju. 22 Fit-tieni jum, se toffri gidi bla difett bħala offerta għad-dnub; u l-qassisin se jippurifikaw l-artal mid-dnub bħalma ppurifikawh mid-dnub bil-barri żgħir.’

23 “‘Meta tkun lestejt tippurifikah mid-dnub, int se toffri barri żgħir bla difett u muntun bla difett mill-merħla. 24 Għandek tippreżentahom lil Ġeħova, u l-qassisin għandhom jitfgħu l-melħ fuqhom u joffruhom bħala offerta tal-ħruq sħiħa lil Ġeħova. 25 Bħala offerta għad-dnub taʼ kuljum għandek toffri għal sebat ijiem gidi, barri żgħir, u muntun mill-merħla; int se toffri annimali bla difett.* 26 Għal sebat ijiem, il-qassisin għandhom jagħmlu tpattija għall-artal, u għandhom inaddfuh u jinawgurawh. 27 Meta jgħaddu dawn il-ġranet, fit-tmien jum u wara, il-qassisin għandhom joffru l-offerti sħaħ tal-ħruq tagħkom* u s-sagrifiċċji tal-paċi fuq l-artal; u jien nieħu pjaċir bikom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”

44 U reġaʼ ħadni lejn il-bieb taʼ barra tas-santwarju li jħares lejn il-Lvant, u kien magħluq. 2 Imbagħad Ġeħova qalli: “Dan il-bieb għandu jibqaʼ magħluq. Ħadd m’għandu jiftħu, u l-ebda bniedem m’għandu jidħol minnu; għax jien Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, dħalt minnu, u għalhekk li għandu jibqaʼ magħluq. 3 Madankollu, il-kap se joqgħod bilqiegħda fil-bieb u jiekol il-ħobż quddiemi, Ġeħova, għax hu kap. Hu se jidħol mill-intrata tal-bieb u joħroġ minnha.”

4 Imbagħad ħadni mill-bieb tat-Tramuntana għal quddiem it-tempju. Meta ħarist, jien rajt li l-glorja taʼ Ġeħova kienet imliet it-tempju taʼ Ġeħova. Għalhekk, inżilt wiċċi mal-art. 5 Imbagħad Ġeħova qalli: “Bin il-bniedem, oqgħod attent, ara, u ismaʼ sew dak kollu li ngħidlek dwar ir-regoli u l-liġijiet tat-tempju tiegħi, Ġeħova. Oqgħod attent għad-daħla tat-tempju u għall-ħruġ kollu tas-santwarju. 6 Int għandek tgħid lill-poplu ribelluż t’Iżrael, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Poplu t’Iżrael, għamiltu biżżejjed affarijiet moqżieża. 7 Meta fis-santwarju tiegħi ddaħħlu l-barranin li għandhom qalbhom mhux nadifa* u li mhumiex ċirkonċiżi, huma jiddiżonoraw it-tempju tiegħi. Intom tippreżentaw l-ikel tiegħi, jiġifieri x-xaħam u d-demm, waqt li qed tiksru l-patt tiegħi minħabba l-affarijiet moqżieża kollha tagħkom. 8 Intom ma ħadtux ħsieb l-affarijiet qaddisin tiegħi. Minflok, inkarigajtu lil oħrajn biex jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet fis-santwarju tiegħi.”’

9 “‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “L-ebda barrani li jgħix f’Iżrael li għandu qalbu mhux nadifa u li mhux ċirkonċiż ma jistaʼ jidħol fis-santwarju tiegħi.”’

10 “‘Imma l-Leviti li tbiegħdu ħafna minni meta l-poplu t’Iżrael tbiegħed minni minħabba l-idoli moqżieża* tagħhom, se jbatu l-konsegwenzi tad-dnubiet tagħhom. 11 U huma se jibdew jaqdu lili fis-santwarju tiegħi. Huma se jieħdu ħsieb il-bibien tat-tempju u jaqdu fit-tempju. Huma joqtlu l-annimali għall-offerta sħiħa tal-ħruq u s-sagrifiċċju għan-nies, u joqogħdu quddiemhom biex jaqduhom. 12 Jien għollejt idejja kontrihom biex naħlef minħabba li qdew lin-nies li kienu qed iqimu l-idoli moqżieża tagħhom u minħabba li saru ostaklu u ġiegħlu l-poplu t’Iżrael jidneb,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘u huma se jbatu l-konsegwenzi tad-dnubiet tagħhom. 13 Huma mhux se jitħallew jersqu lejja biex jaqdu bħala l-qassisin tiegħi, jew jersqu lejn l-affarijiet qaddisa jew l-iktar affarijiet qaddisa tiegħi, u huma se jkollhom jistħu minħabba l-affarijiet moqżieża li għamlu. 14 Imma r-responsabbiltajiet tat-tempju se nagħtihom lilhom, biex jieħdu ħsieb is-servizz tiegħu u l-affarijiet kollha li jridu jsiru fih.’

15 “‘U l-qassisin Leviti, it-tfal taʼ Sadok, li kienu jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tas-santwarju tiegħi meta l-Iżraelin tbiegħdu minni, se jersqu lejja biex jaqduni, u se joqogħdu quddiemi biex joffruli x-xaħam u d-demm,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 16 ‘Huma l-uħud li se jidħlu fis-santwarju tiegħi, se jersqu lejn il-mejda tiegħi biex jaqduni, u se jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet li għandhom biex jaqduni.

17 “‘Meta jidħlu fil-bibien tal-bitħa taʼ ġewwa, huma għandhom jilbsu ħwejjeġ tal-għażel. M’għandhomx jilbsu ħwejjeġ tas-suf meta jkunu qed jaqdu fil-bibien tal-bitħa taʼ ġewwa jew fiha. 18 Huma għandhom jilbsu turban tal-għażel fuq rashom, u qliezet qosra tal-għażel biex jgħattu ġenbejhom. M’għandhomx jilbsu ħwejjeġ li jġegħluhom jogħrqu. 19 Qabel joħorġu fil-bitħa taʼ barra, fejn ikun hemm in-nies, huma għandhom ineħħu l-ħwejjeġ li jkunu qed jaqdu bihom u jpoġġuhom fil-kmamar tal-ikel qaddisin. Imbagħad huma għandhom jilbsu ħwejjeġ oħrajn, biex b’hekk ma jqaddsux lin-nies bil-ħwejjeġ tagħhom. 20 Huma m’għandhomx iqaxxru xagħarhom jew iħalluh jitwal. Huma għandhom jaqtgħu xagħarhom. 21 Il-qassisin m’għandhomx jixorbu nbid meta jidħlu fil-bitħa taʼ ġewwa. 22 Huma m’għandhomx jiżżewġu armla jew mara divorzjata, imma jistgħu jiżżewġu verġni min-nies t’Iżrael jew armla taʼ qassis.’

23 “‘Huma għandhom jgħallmu lill-poplu tiegħi d-differenza bejn dak li hu qaddis u dak li hu komuni; u jgħallmuhom id-differenza bejn x’inhu nadif u x’mhuwiex. 24 Huma għandhom jagħmluha taʼ mħallfin f’każ legali; huma għandhom jiġġudikaw fi qbil mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi. Għandhom iżommu mal-liġijiet u r-regoli tiegħi dwar il-festi kollha tiegħi u jqaddsu l-liġi tiegħi dwar is-Sabat. 25 Huma m’għandhomx jersqu lejn persuna mejta, għax inkella ma jibqgħux nodfa. Imma huma jistgħu jsiru mhux nodfa għal missierhom, għal ommhom, għat-tifel tagħhom, għat-tifla tagħhom, għal ħuhom, jew għal oħthom li ma tkunx miżżewġa. 26 U wara l-purifikazzjoni taʼ qassis, hu għandu jistenna sebat ijiem. 27 Dakinhar li jidħol fil-bitħa taʼ ġewwa biex jaqdi fil-post qaddis, hu għandu jippreżenta l-offerta tad-dnub tiegħu,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

28 “‘U dan se jkun il-wirt tagħhom: Jien il-wirt tagħhom. Intom m’għandkomx tagħtuhom art f’Iżrael, għax jien il-wirt tagħhom. 29 Huma se jkunu dawk li jieklu l-offerta taċ-ċereali,* l-offerta għad-dnub, u l-offerta għall-ħtija. U kull ħaġa ddedikata lil Alla f’Iżrael se ssir tagħhom. 30 L-aqwa minn kull l-ewwel prodott tal-art tagħkom u kull tip taʼ kontribuzzjoni li tagħtu ssir tal-qassisin. U intom għandkom tagħtu l-ewwel dqiq mhux irfinut lill-qassis. Minħabba li tagħmlu hekk, dawk li jgħixu fid-dar tagħkom se jkunu mberkin. 31 Il-qassisin m’għandhom jieklu l-ebda għasfur jew annimal li jkun instab mejjet jew li jkun tqattaʼ biċċiet minn annimal ieħor.’

45 “‘Meta tqassmu l-art bħala wirt, għandkom toffru lil Ġeħova parti mill-art bħala kontribuzzjoni. Din il-parti se tkun qaddisa. It-tul tagħha għandu jkun 25,000 kubitu* u l-wisaʼ tagħha 10,000 kubitu. Din il-parti kollha* se tkun sehem qaddis. 2 Minnha għandha titħalla parti kwadra għall-post qaddis li tkun 500 kubitu b’500 kubitu,* u din għandu jkollha 50 kubitu fuq kull naħa fejn jirgħaw l-annimali. 3 Għandek tkejjel tul taʼ 25,000 u wisaʼ t’10,000, u fih ikun hemm is-santwarju, xi ħaġa mill-iktar qaddisa. 4 Dan is-sehem qaddis mill-art se jkun għall-qassisin, il-ministri tas-santwarju, li jersqu lejn Ġeħova biex jaqduh. Se jkun post għad-djar tagħhom u post qaddis għas-santwarju.

5 “‘Għal-Leviti, il-ministri tat-tempju, se jkun hemm biċċa art twila 25,000 kubitu u wiesgħa 10,000 kubitu, u se jkollhom 20 kamra tal-ikel.

6 “‘Lill-belt għandkom tagħtuha biċċa art li hi twila 25,000 kubitu (li hi daqs il-kontribuzzjoni qaddisa) u wiesgħa 5,000 kubitu. Din se tkun għall-poplu kollu t’Iżrael.

7 “‘U għall-kap se jkun hemm parti mill-art fuq iż-żewġ naħat tal-kontribuzzjoni qaddisa u tal-parti li tingħata lill-belt. Din se tkun ħdejn il-kontribuzzjoni qaddisa u l-art li tingħata lill-belt. Se tkun fuq in-naħa tal-Punent u fuq in-naħa tal-Lvant. It-tul tagħha mill-fruntiera tal-Punent sal-fruntiera tal-Lvant se jkun daqs sehem taʼ tribù. 8 L-art se ssir tiegħu f’Iżrael. Il-kapijiet tiegħi mhux se jibqgħu jittrattaw ħażin lill-poplu tiegħi, u huma se jagħtu l-art lill-poplu t’Iżrael skont it-tribujiet tagħhom.’

9 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* ‘Kapijiet t’Iżrael, għamiltu biżżejjed!’

“‘Waqqfu l-vjolenza u l-moħqrija tagħkom, u agħmlu dak li hu ġust u sewwa. Tkomplux taħtfu l-propjetà tal-poplu tiegħi,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 10 ‘Għandkom tużaw miżien eżatt, kejl taʼ efa* eżatt, u kejl taʼ bat* eżatt. 11 Għandu jkun hemm kejl fiss biex tkejlu l-efa u l-bat. Il-bat għandu jesaʼ għaxra fil-100 taʼ ħomer* u l-efa għandha tesaʼ għaxra fil-100 taʼ ħomer. Il-kejl għandu jkun stabbilit fuq il-ħomer. 12 Ix-xekel* hu 20 gera.* U 20 xekel maʼ 25 xekel u 15-il xekel jagħmlu mane.’*

13 “‘Il-kontribuzzjoni li għandkom toffru għandha tkun hekk: parti minn sitta t’efa minn kull ħomer tal-qamħ u parti minn sitta t’efa minn kull ħomer tax-xgħir.* 14 L-ammont taż-żejt għandu jkun ibbażat fuq il-kejl tal-bat. Il-bat hu għaxra fil-100 taʼ kor,* għax għaxar batiet huma ħomer. 15 Mill-imrieħel tan-nagħaġ t’Iżrael għandha tingħata nagħġa minn kull 200. Dawn kollha jkunu għall-offerti taċ-ċereali,* għall-offerti sħaħ tal-ħruq, u għas-sagrifiċċji tal-paċi biex issir tpattija għall-poplu,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

16 “‘In-nies kollha tal-pajjiż se jagħtu din il-kontribuzzjoni lill-kap t’Iżrael. 17 Imma l-kap se jkun responsabbli għall-offerti sħaħ tal-ħruq, l-offerti taċ-ċereali, u l-offerti tax-xorb matul il-festi, kull qamar ġdid, u kull Sabat. Iva, għall-festi kollha tal-poplu t’Iżrael. Hu jkun il-wieħed li jipprovdi l-offerta għad-dnub, l-offerta taċ-ċereali, l-offerta sħiħa tal-ħruq, u s-sagrifiċċji tal-paċi biex jagħmel tpattija għall-poplu t’Iżrael.’

18 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar, mill-merħla għandek tieħu barri żgħir bla difett u tippurifika s-santwarju mid-dnub. 19 Il-qassis se jieħu ftit mid-demm tal-offerta għad-dnub u jqiegħdu fuq il-koxxa tal-bieb tat-tempju, fuq l-erbaʼ kantunieri tal-wiċċ tal-artal, u fuq il-koxxa tal-bieb tal-bitħa taʼ ġewwa. 20 Għandek tagħmel l-istess fis-sebaʼ jum tax-xahar għal kull min jidneb bi żball jew mingħajr ma jaf; intom għandkom tagħmlu tpattija għat-tempju.

21 “‘Fl-14-il jum tal-ewwel xahar, intom għandkom tagħmlu l-festa tal-Qbiż. Għandkom tieklu ħobż bla ħmira għal sebat ijiem. 22 Dakinhar, il-kap se jipprovdi barri żgħir bħala offerta għad-dnub għalih u għan-nies kollha tal-pajjiż. 23 Kull jum, għas-sebat ijiem tal-festa, hu għandu jipprovdi sebaʼ barrin żgħar u sebaʼ mtaten bla difett bħala offerta sħiħa tal-ħruq lil Ġeħova, kif ukoll bodbod bħala offerta għad-dnub. 24 Għandu jipprovdi wkoll efa għal kull barri żgħir u efa għal kull muntun, kif ukoll ħinn* żejt għal kull efa bħala offerta taċ-ċereali.

25 “‘Fil-15-il jum tas-sebaʼ xahar, għas-sebat ijiem matul il-festa, hu għandu jipprovdi l-istess għall-offerta għad-dnub, l-offerta sħiħa tal-ħruq, l-offerta taċ-ċereali, u ż-żejt.’”

46 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* ‘Il-bieb tal-bitħa taʼ ġewwa li jħares lejn il-Lvant għandu jibqaʼ magħluq għas-sitt ġranet li jsir ix-xogħol fihom, imma għandu jinfetaħ fis-Sabat u meta jkun qamar ġdid. 2 Il-kap jidħol minn barra mill-intrata tal-bieb u għandu jieqaf ħdejn il-koxxa tal-bieb. Il-qassisin se joffru l-offerta sħiħa tal-ħruq u s-sagrifiċċji tal-paċi tiegħu, u hu jmil ħdejn l-għatba tal-bieb u mbagħad jitlaq. Imma l-bieb għandu jibqaʼ miftuħ sa filgħaxija. 3 In-nies tal-pajjiż ukoll għandhom imilu quddiem Ġeħova fid-daħla tal-bieb f’kull Sabat u f’kull qamar ġdid.

4 “‘L-offerta sħiħa tal-ħruq li jippreżenta l-kap lil Ġeħova fis-Sabat għandha tkun sitt iħrief bla difett u muntun bla difett. 5 L-offerta taċ-ċereali* għandha tkun efa* għall-muntun u kulma jkun jistaʼ jagħti għall-ħrief, flimkien maʼ ħinn* żejt għal kull efa. 6 Meta jkun qamar ġdid, l-offerta għandha tkun barri żgħir, sitt iħrief, u muntun; u dawn għandhom ikunu bla difett. 7 Hu għandu joffri bħala offerta taċ-ċereali: efa għall-barri żgħir, efa għall-muntun, u kulma jkun jistaʼ jagħti għall-ħrief. U għandu joffri wkoll ħinn żejt maʼ kull efa.

8 “‘Meta l-kap jidħol, hu għandu jidħol mill-intrata tal-bieb u għandu joħroġ minn hemm ukoll. 9 Meta n-nies tal-pajjiż jidħlu quddiem Ġeħova matul il-festi, dawk li jidħlu biex jagħtu qima mill-bieb tat-Tramuntana għandhom joħorġu mill-bieb tan-Nofsinhar, u dawk li jidħlu mill-bieb tan-Nofsinhar għandhom joħorġu mill-bieb tat-Tramuntana. Ħadd m’għandu joħroġ mill-bieb li jkun daħal minnu, imma għandhom joħorġu mill-bieb li jkun in-naħa l-oħra. 10 Il-kap għandu jkun fosthom u għandu jidħol meta jidħlu huma u għandu joħroġ meta joħorġu huma. 11 Matul il-festi u l-istaġuni tal-festi, l-offerta taċ-ċereali għandha tkun efa għall-barri żgħir, efa għall-muntun, u kulma jistaʼ jagħti għall-ħrief flimkien maʼ ħinn żejt għal kull efa.

12 “‘Jekk il-kap jipprovdi offerta sħiħa tal-ħruq jew sagrifiċċji tal-paċi bħala offerta volontarja lil Ġeħova, għandhom jiftħulu l-bieb li jħares lejn il-Lvant, u hu jipprovdi l-offerta sħiħa tal-ħruq u s-sagrifiċċji tal-paċi bħalma jagħmel f’jum is-Sabat. Wara li joħroġ, il-bieb għandu jingħalaq warajh.

13 “‘Kull jum, għandek tipprovdi ħaruf bla difett fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta sħiħa tal-ħruq lil Ġeħova. Għandek tagħmel dan kull filgħodu. 14 Iktar minn hekk, kull filgħodu għandek tipprovdi bħala offerta taċ-ċereali parti minn sitta taʼ efa flimkien maʼ terz ħinn żejt biex jitraxxax fuq id-dqiq fin. Din se tkun offerta regolari taċ-ċereali lil Ġeħova. Din hi liġi li tibqaʼ għal żmien twil. 15 Kull filgħodu, bħala offerta sħiħa tal-ħruq għandhom jiġu pprovduti ħaruf, l-offerta taċ-ċereali, u ż-żejt.’

16 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jekk il-kap jagħti art bħala rigal lil kull wieħed mit-tfal tiegħu bħala wirt, l-art issir tat-tfal tiegħu. Din tkun tagħhom bħala wirt. 17 Imma jekk jagħti bħala rigal art mill-wirt tiegħu lil wieħed mill-qaddejja tiegħu, din tibqaʼ tal-qaddej sas-sena tal-libertà; imbagħad terġaʼ tingħata lura lill-kap. Il-wirt li jagħti lit-tfal tiegħu biss jibqaʼ tagħhom. 18 Il-kap m’għandu jieħu xejn mill-wirt tal-poplu billi jkeċċihom mill-propjetà tagħhom. Lit-tfal tiegħu għandu jagħtihom wirt mill-propjetà tiegħu biss, ħalli ħadd mill-poplu tiegħi ma jiġi mkeċċi mill-propjetà tiegħu.’”

19 Imbagħad ġabni fid-daħla li kienet ħdejn il-bieb li jieħu għall-kmamar tal-ikel qaddisin tal-qassisin, li kienu jħarsu lejn it-Tramuntana, u hemmhekk rajt post fuq in-naħa taʼ wara lejn il-Punent. 20 Imbagħad qalli: “Dan hu l-post fejn il-qassisin se jgħallu l-offerta għall-ħtija u l-offerta għad-dnub, u fejn se jaħmu l-offerta taċ-ċereali, ħalli b’hekk ma joħorġu xejn fil-bitħa taʼ barra u jgħaddu l-qdusija lin-nies.”

21 U ħariġni fil-bitħa taʼ barra u għaddieni mill-erbaʼ kantuniera tal-bitħa, u jien rajt bitħa ħdejn kull kantuniera tal-bitħa taʼ barra. 22 Ħdejn l-erbaʼ kantunieri tal-bitħa kien hemm btieħi żgħar, twal 40 kubitu* u wesgħin 30 kubitu. L-erbgħa li huma kienu tal-istess daqs.* 23 Kien hemm ringieli mad-dawra kollha tal-erbgħa li huma, u taħt ir-ringieli kien hemm fejn jgħallu l-offerti. 24 Imbagħad qalli: “Dawn huma d-djar fejn il-qaddejja tat-tempju jgħallu s-sagrifiċċju tan-nies.”

47 Imbagħad ġabni lura fid-daħla tat-tempju, u hemmhekk rajt l-ilma ħiereġ lejn il-Lvant minn taħt l-għatba tat-tempju, għax in-naħa taʼ quddiem tat-tempju kienet tħares lejn il-Lvant. L-ilma kien ħiereġ minn taħt il-lemin tat-tempju, lejn in-Nofsinhar tal-artal.

2 Imbagħad ħadni barra mill-bieb tat-Tramuntana u ħariġni barra u dawwarni lejn il-bieb taʼ barra li jħares lejn il-Lvant, u rajt ilma nieżel min-naħa tal-lemin.

3 Meta r-raġel mar lejn il-Lvant b’ħabel tal-kejl f’idu, hu kejjel 1,000 kubitu* u għaddieni mill-ilma li kien jasal sal-għaksa.

4 Imbagħad kejjel 1,000 kubitu ieħor u għaddieni mill-ilma li kien jasal sa rkopptejja.

Wara kejjel 1,000 kubitu ieħor u għaddieni minnu, u l-ilma kien jasal sa ġenbejja.

5 Meta kejjel 1,000 kubitu ieħor, ma stajtx naqsam ix-xmara bil-mixi. L-ilma tant kien fond li wieħed kellu jgħum. Kienet xmara li wieħed ma setax jgħaddi minnha bil-mixi.

6 Hu staqsieni: “Rajtu dan, bin il-bniedem?”

Imbagħad mexxieni u ħadni lura fix-xatt tax-xmara. 7 Meta mort lura, jien rajt ammont kbir taʼ siġar fuq iż-żewġ naħat tax-xatt tax-xmara. 8 Imbagħad qalli: “Dan l-ilma sejjer lejn ir-reġjun tal-Lvant u se jibqaʼ għaddej mill-Għaraba* u jispiċċa fil-baħar. Meta jispiċċa fil-baħar, l-ilma jsir ħelu. 9 Qtajjaʼ taʼ ħlejjaq ħajjin se jkunu jistgħu jgħixu minn kull fejn jgħaddu l-ilmijiet.* Se jkun hemm abbundanza taʼ ħut, għax dan l-ilma jgħaddi minn hemmhekk. L-ilma baħar se jsir ħelu u se jkun hemm il-ħajja kull fejn tgħaddi x-xmara.

10 “Is-sajjieda se joqogħdu ħdejha minn Għajn-gedi sa Għajn-għeġlajm, u hemm se jkun hemm post fejn inixxfu x-xbieki fih. Se jkun hemm abbundanza kbira taʼ ħut differenti, bħall-ħut tal-Baħar il-Kbir.*

11 “Il-postijiet li fihom l-ilma qiegħed u l-għadajjar se jibqgħu kif inhuma. Dawn se jibqgħu bil-melħ.

12 “Kull tip taʼ siġra tal-frott se tikber fuq iż-żewġ naħat tax-xatt tax-xmara. Il-weraq tagħhom mhux se jinxef u l-frott tagħhom mhux se jaqaʼ. Huma jagħmlu l-frott kull xahar, għax ikollhom l-ilma li jiġi mis-santwarju. Il-frott tagħhom se jkun għall-ikel, u l-weraq tagħhom biex ifejjaq in-nies.”

13 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Dan hu t-territorju tal-pajjiżi li intom se tqassmu bħala wirt lit-12-il tribù t’Iżrael, u Ġużeppi se jkollu żewġ porzjonijiet. 14 Intom se tirtuhom u l-artijiet se jkunu ndaqs.* Jien ħlift li nagħti din l-art lil missirijietkom, u issa qed nagħtiha lilkom bħala wirt.

15 “Il-fruntiera tal-pajjiż li qiegħda fuq in-naħa tat-Tramuntana hija din: Din tibda mill-Baħar il-Kbir mit-triq li tagħti għal Ħetlon u tibqaʼ sejra Sedad, 16 Ħamat, Berota, Sibrajm, li hemm bejn it-territorju taʼ Damasku u t-territorju taʼ Ħamat, u tibqaʼ sejra sa Ħaser-ħattikon, li qiegħed ħdejn il-fruntiera taʼ Ħawran. 17 Allura l-fruntiera se tibda mill-baħar lejn Ħasar-għenon, tul il-fruntiera taʼ Damasku lejn it-Tramuntana, u l-fruntiera taʼ Ħamat. Din hi l-fruntiera tat-Tramuntana.

18 “In-naħa tal-Lvant qiegħda bejn Ħawran u Damasku u t-tul tal-Ġordan bejn Gilegħad u l-art t’Iżrael. Intom għandkom tkejlu mill-fruntiera sal-baħar tal-Lvant.* Din hi l-fruntiera tal-Lvant.

19 “Il-fruntiera tan-Nofsinhar se tkun minn Tamar sal-ilmijiet taʼ Meribat-kades, imbagħad lejn il-Wied tal-Eġittu u l-Baħar il-Kbir. Din hi l-fruntiera tan-Nofsinhar.

20 “Fuq in-naħa tal-Punent hemm il-Baħar il-Kbir, mill-fruntiera tan-Nofsinhar sa xi mkien fuq in-naħa l-oħra taʼ Lebo-ħamat.* Din hi l-fruntiera tal-Punent.”

21 “Tridu tqassmu din l-art bejnietkom, bejn it-12-il tribù t’Iżrael. 22 U tridu tqassmu l-art bħala wirt bejnietkom u bejn il-barranin li kienu jgħixu magħkom u kellhom it-tfal waqt li kienu jgħixu fostkom. U għalikom dawn se jkunu bħallikieku Iżraelin. Huma se jirċievu wirt fost it-tribujiet t’Iżrael flimkien magħkom. 23 Lill-barranin li joqogħdu magħkom għandkom tagħtuhom wirt mit-territorju tat-tribù fejn kienu qegħdin jgħixu,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

48 “Dawn huma l-porzjonijiet skont l-ismijiet tat-tribù, mit-tarf nett tat-Tramuntana: sehem Dan se jkun minn mat-triq taʼ Ħetlon sa Lebo-ħamat* sa Ħasar-għenan, mat-tul tal-fruntiera taʼ Damasku lejn it-Tramuntana, fejn Ħamat; u dan se jkun mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 2 Sehem Aser se jkun ħdejn il-fruntiera taʼ Dan, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 3 Sehem Naftali se jkun ħdejn il-fruntiera t’Aser, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 4 Sehem Manasse se jkun ħdejn il-fruntiera taʼ Naftali, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 5 Sehem Efrajm se jkun ħdejn il-fruntiera taʼ Manasse, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 6 Sehem Ruben se jkun ħdejn il-fruntiera t’Efrajm, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 7 Sehem Ġuda se jkun ħdejn il-fruntiera taʼ Ruben, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 8 Ħdejn il-fruntiera taʼ Ġuda, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent, l-art li għandkom twarrbu bħala kontribuzzjoni għandha tkun wiesgħa 25,000 kubitu* u t-tul tagħha għandu jkun daqs dak tat-tribujiet l-oħrajn mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. Is-santwarju se jkun fin-nofs tagħha.

9 “Il-kontribuzzjoni li għandkom twarrbu għal Ġeħova għandha tkun twila 25,000 kubitu u wiesgħa 10,000. 10 Din għandha tkun il-kontribuzzjoni qaddisa għall-qassisin. Għandha tkun 25,000 kubitu fuq in-naħa tat-Tramuntana, 10,000 fuq il-Punent, 10,000 fuq il-Lvant, u 25,000 fuq in-Nofsinhar. Is-santwarju taʼ Ġeħova għandu jkun fin-nofs tagħha. 11 Din se tkun għall-qassisin li tqaddsu mill-familja taʼ Sadok, dawk li ħadu ħsieb ir-responsabbiltajiet tagħhom għalija u li ma tbegħdux minni meta l-Iżraelin u l-Leviti tbiegħdu minni. 12 Huma se jkollhom sehem mill-kontribuzzjoni tal-art li kienet twarrbet bħala xi ħaġa mill-iktar qaddisa, mal-fruntiera tal-Leviti.

13 “Il-Leviti se jkollhom biċċa art twila 25,000 kubitu u wiesgħa 10,000, eżatt ħdejn it-territorju tal-qassisin. (Din l-art se tkun twila 25,000 u wiesgħa 10,000.) 14 Huma m’għandhomx ibigħu, ipartu, jew jagħtu sehem minn din l-art li hi l-aqwa parti tal-pajjiż, għax din hi xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova.

15 “Il-5,000 kubitu wisaʼ li jibqaʼ flimkien mal-25,000 kubitu tul se jintużaw min-nies tal-belt, biex ikollhom fejn joqogħdu u fejn jirgħaw l-annimali. Il-belt għandha tkun fin-nofs tagħha. 16 Dawn huma l-qisien tal-belt: It-tarf tat-Tramuntana hu 4,500 kubitu, it-tarf tan-Nofsinhar hu 4,500 kubitu, it-tarf tal-Lvant hu 4,500 kubitu, u t-tarf tal-Punent hu 4,500 kubitu. 17 L-art fejn jirgħaw l-annimali tal-belt se tkun 250 kubitu lejn it-Tramuntana, 250 lejn in-Nofsinhar, 250 lejn il-Lvant, u 250 lejn il-Punent.

18 “It-tul li jibqaʼ jkun eżatt daqs il-kontribuzzjoni qaddisa, 10,000 kubitu lejn il-Lvant u 10,000 kubitu lejn il-Punent. Dan ikun eżatt daqs il-kontribuzzjoni qaddisa, u dak li tipproduċi din l-art ħa jkun għal dawk li jaħdmu fil-belt. 19 Se jieħdu ħsiebha dawk li qed jaħdmu fil-belt mit-tribujiet kollha t’Iżrael.

20 “Il-kontribuzzjoni sħiħa hi 25,000 kubitu kwadru. Intom għandkom twarrbuha bħala kontribuzzjoni qaddisa flimkien mal-propjetà tal-belt.

21 “Dak li jibqaʼ fuq iż-żewġ naħat tal-kontribuzzjoni qaddisa u tal-propjetà tal-belt se jkun tal-kap. Se tkun maġenb il-25,000 kubitu tat-truf tal-Lvant u tal-Punent tal-kontribuzzjoni. Din tkun eżatt daqs il-porzjonijiet taʼ magħha, u tkun għall-kap. Il-kontribuzzjoni qaddisa u s-santwarju tat-tempju se jkunu fin-nofs tagħha.

22 “Dak li hu tal-Leviti u dak li hu tal-belt se jkunu bejn dak li hu tal-kap. It-territorju tal-kap se jkun bejn il-fruntiera taʼ Ġuda u l-fruntiera taʼ Benjamin.

23 “Dwar l-art li se tingħata lill-bqija tat-tribujiet, sehem Benjamin hu mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 24 Sehem Simegħon hu mal-fruntiera taʼ Benjamin, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 25 Sehem Issakar hu mal-fruntiera taʼ Simegħon, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 26 Sehem Żebulun hu mal-fruntiera taʼ Issakar, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 27 Sehem Gad hu mal-fruntiera taʼ Żebulun, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 28 Il-fruntiera tan-Nofsinhar li hi ħdejn il-fruntiera taʼ Gad se tkun minn Tamar sal-ilmijiet taʼ Meribat-kades, sal-Wied tal-Eġittu, u sal-Baħar il-Kbir.*

29 “Din hi l-art li għandkom tqassmu bħala wirt lit-tribujiet t’Iżrael, u dawn se jkunu l-porzjonijiet tagħhom,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.*

30 “Dawn se jkunu l-bibien tal-belt: In-naħa tat-Tramuntana se tkun 4,500 kubitu.

31 “Il-bibien tal-belt se jissemmew skont it-tribujiet t’Iżrael. Fit-Tramuntana se jkun hemm tliet bibien: bieb għal Ruben, bieb għal Ġuda, u bieb għal Levi.

32 “In-naħa tal-Lvant se tkun twila 4,500 kubitu, u se jkun hemm tliet bibien: wieħed għal Ġużeppi, wieħed għal Benjamin, u wieħed għal Dan.

33 “In-naħa tan-Nofsinhar se tkun 4,500 kubitu, bi tliet bibien: wieħed għal Simegħon, wieħed għal Issakar, u wieħed għal Żebulun.

34 “In-naħa tal-Punent se tkun twila 4,500 kubitu, bi tliet bibien: wieħed għal Gad, wieħed għal Aser, u wieħed għal Naftali.

35 “Id-distanza madwar il-belt b’kollox se tkun 18,000 kubitu. U minn dakinhar l-isem tal-belt se jkun Ġeħova Qiegħed Hemm.”

Milli jidher qed jirreferi għall-età t’Eżekjel.

Ifisser “Alla Jsaħħaħ.”

Letteralment “l-id.”

Jew “nar jaqbad li kien imdawwar.”

Jew “anġli.”

Jew “għoġol.”

Letteralment “l-ispirtu tal-ħliqa ħajja.”

Din l-espressjoni tidher 93 darba fil-ktieb t’Eżekjel. Hawn tidher l-ewwel darba.

Jiġifieri l-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew forsi “għalkemm in-nies huma rashom iebsa u bħal affarijiet li jniggżuk.”

Letteralment “għamiltlek wiċċek iebes eżatt daqs wiċċhom u moħħok iebes eżatt daqs moħħhom.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Bl-Ebrajk din il-kelma tistaʼ tirreferi jew għall-ispirtu t’Alla jew għal anġlu.

Bl-Ebrajk din il-kelma tistaʼ tirreferi jew għall-ispirtu t’Alla jew għal anġlu.

Jew “ruħek.”

Jew “jagħmel l-inġustizzja.”

Jew “ruħek.”

Jiġifieri barley.

Jiġifieri millet.

Madwar 230 gramma. Ara App. B14.

Madwar 0.6 taʼ litru. Ara App. B14.

Jew “Mulej Sovran Ġeħova!”

Jew “ruħi qatt ma kielet.”

Jew “li hu mniġġes.”

Letteralment “inkisser il-bsaten tal-ħobż.” Jistaʼ jirreferi għall-bsaten li kienu jintużaw biex idendlu l-ħobż magħhom.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “maʼ kull riħ.”

Jew “bil-pesta.”

Letteralment “inkissrilkom il-bsaten tal-ħobż.” Jistaʼ jirreferi għall-bsaten li kienu jintużaw biex idendlu l-ħobż magħhom.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Jew “li kienu immorali.”

Jew “bil-pesta.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew forsi “Il-girlanda waslet.”

Jew forsi “Il-girlanda waslet.”

Jiġifieri la dawk li jixtru l-propjetà u lanqas dawk li jbigħuha mhu se jgawdu, għax il-qerda ġejja fuqhom kollha.

Jew “il-pesta.”

Jiġifieri jagħmlu pipì taħthom bil-biżaʼ.

Letteralment “inksew.”

Jiġifieri se jqaxxru xagħarhom biex juru li huma mdejqin.

Jew “Ruħhom mhux se tixbaʼ.”

Jiġifieri l-fidda u d-deheb tagħhom.

Jiġifieri l-affarijiet tad-deheb u l-fidda tagħhom.

Jiġifieri lill-poplu t’Alla.

Jiġifieri l-għedewwa.

Milli jidher dan jirreferi għall-Iktar Qaddis fit-tempju taʼ Ġeħova.

Jiġifieri ktajjen għall-eżiljati.

Jew “L-istruzzjoni.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “tal-Mulej Sovran Ġeħova.”

Qed jirreferi għas-sena li r-Re Ġeħojakin, Eżekjel, u Lhud oħrajn marru fl-eżilju.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Bl-Ebrajk din il-kelma tistaʼ tirreferi jew għall-ispirtu t’Alla jew għal anġlu.

Jew “l-istatwa.”

Letteralment “li jqanqal l-għira.”

Jew “din l-istatwa.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Jew “l-istatwi skolpiti.”

Milli jidher din kienet fergħa li tintuża fil-qima tal-idoli.

Din il-kaxxa kien ikun fiha pinen u linka.

Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “l-ispirtu tal-ħliqa ħajja.”

Jew “kontra l-belt.”

Letteralment “Hi,” il-belt taʼ Ġerusalemm, fejn il-Lhud ħasbu li kienu se jkunu protetti.

Ħasbu li huma bħal laħam protett f’borma.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “se npoġġi spirtu ġdid.”

Jiġifieri li hi sensittiva għall-gwida t’Alla.

Bl-Ebrajk din il-kelma tistaʼ tirreferi jew għall-ispirtu t’Alla jew għal anġlu.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “mill-pesta.”

Jew “li jqarraq.”

Jew “li qed jipprofetizzaw skont kif qed tgħidilhom qalbhom.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jiġifieri jibnu ħajt bla saħħa li jifred kamra minn oħra u jipprovaw jagħmluh jidher li hu b’saħħtu bil-kisi.

Jiġifieri faxex maġiċi li kienu jintlibsu mal-minkeb jew mal-polz.

Jew “l-erwieħ.”

Jew “lill-erwieħ.”

Jew “l-erwieħ.”

Jew “li weġġajtu.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “naqbad lil dar Iżrael minn qalbhom.”

Letteralment “inkissrilhom il-bsaten tal-ħobż.” Jistaʼ jirreferi għall-bsaten li kienu jintużaw biex idendlu l-ħobż magħhom.

Jew “iħalluh bla tfal.”

Jew “il-pesta.”

Jew “l-erbaʼ atti tiegħi taʼ ġudizzju.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “tal-bumerin.”

Jew “sirt xierqa għal pożizzjoni rjali.”

Letteralment “Ismek.”

Jiġifieri l-idoli forma taʼ raġel.

Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”

Letteralment “ftaħt saqajk.”

Letteralment “b’ġisem imlaħħam.”

Jew “tan-negozjanti.”

Jew “dgħajfa d-determinazzjoni taʼ.”

Jew forsi “Kemm jien inkorlat għalik.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Letteralment “fuq ix-xellug.”

Aktarx qed jirreferi għall-bliet li jiddependu minnha.

Letteralment “fuq il-lemin.”

Jew “li qbiżt għal ħutek.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “fl-art tan-negozjanti.”

Jiġifieri Nebukadnessar.

Jiġifieri lil Sedekija.

Letteralment “ħadlu b’idu.”

Letteralment “maʼ kull riħ.”

Jew “Il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “Il-ħajjiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “Il-persuna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Letteralment “ixerred id-demm.”

Jew “Il-persuna.”

Letteralment “se niftakar.”

Jew “jagħmel l-inġustizzja.”

Letteralment “It-triq taʼ.”

Jew “hu jżomm ruħu ħajja.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “dielja f’demmek.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “biex tgħid il-ġudizzju kontrihom?”

Letteralment “għollejt idi.”

Jew “tkixxiftilhom.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Jiġifieri l-Iżraelin.

Letteralment “qalbhom marret wara.”

Jiġifieri l-Iżraelin.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Dagħa.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “li sserraħ.”

Jew “biex tagħmlu l-prostituzzjoni spiritwali magħhom?”

Jew “jaqdu.”

Letteralment “indaħħalkom fir-rabta tal-patt.”

Jew “li tikkalma.” Letteralment “li sserraħ.”

Jew forsi “l-art kollha.” Letteralment “kull wiċċ.”

Jew “proverbju.”

Letteralment “b’ġenbejk jitriegħdu.”

Jiġifieri jagħmlu pipì taħthom bil-biżaʼ.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jiġifieri x-xabla taʼ Ġeħova.

Jiġifieri x-xettru.

Letteralment “Qalbhom se ddub.”

Letteralment “it-terafim.”

Jiġifieri għan-nies taʼ Ġerusalemm.

Milli jidher lill-Babiloniżi.

Jew “lill-kuruna.” Milli jidher din tirreferi għat-tmexxija.

Letteralment “tiġġudikaha.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Letteralment “lit-tifel bla missier.”

Jew “jiddiżonoraw lil missierhom billi jkollhom relazzjoni sesswali mal-mara taʼ missierhom.”

Jew “bl-użura.”

Letteralment “Se tibqaʼ tissaporti qalbek.”

Jew “l-erwieħ.”

Jew “l-erwieħ.”

Jiġifieri “It-Tinda Tagħha.”

Jiġifieri “It-Tinda Tiegħi Hi Fiha.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Letteralment “kixfulha l-għera tagħha.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “kunsillieri magħżulin.”

Dawn spiss kienu jintużaw mill-arċieri.

Din tirrappreżenta l-ġudizzju taʼ Ġeħova.

Letteralment “tfajtni wara dahrek.”

Jiġifieri adulterju spiritwali.

Jew “din il-parabbola.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “tħabbat fuq sidrek.”

Jew “maʼ ruħkom.”

Jew “ruħhom.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “kampijiet imdawrin bil-ħitan.”

Jew “l-isbaħ.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “Il-bniet.”

Jew “fil-ħofra.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew forsi “s-suf griż fl-aħmar.”

Siġra mill-familja tas-siġra tal-kannella.

Jew forsi “u glorjuża.”

Jew “bl-imrar taʼ ruħhom.”

Letteralment “isaffru.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “bid-dixxerniment.”

Jew “fil-qabar.”

Letteralment “midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “il-pesta.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Hawn u iktar ’l isfel, ix-Xmara Nil tinkludi wkoll il-kanali tagħha li kienu jintużaw biex isaqqu.

Letteralment “mal-qxur tal-ġilda tiegħek.”

Letteralment “qasba.”

Letteralment “ġenbejhom.”

Letteralment “jitlaʼ qarn.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jistaʼ jkun li qed jirreferi għall-Iżraelin li ngħaqdu mal-Eġittu.

Letteralment “inbigħ.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Jew “Memfi.”

Jiġifieri Tebe.

Jew “Memfi.”

Jiġifieri Ħiljopolis.

Jew “se nagħti iktar qawwa.”

Jiġifieri quddiem ir-re taʼ Babilonja.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “fil-qabar.”

Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “fil-qabar.”

Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jistaʼ jkun qed jirreferi għar-re tal-Eġittu, li hu mqabbel maʼ siġra taċ-ċedri fil-Libanu.

Letteralment “ix-xmajjar tagħhom.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “in-nixxigħat jimtlew bik.”

X’aktarx jirreferi għat-12-il xahar. Ara vers 1.

Jew “fil-qabar.”

Jew “Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jistaʼ jkun qed jirreferi għar-re tal-Assirja.

Jew “tal-qabar.”

Jew “fil-qabar.”

Jew “fil-qabar.”

Jistaʼ jkun qed jirreferi għar-re taʼ Mesek u Tubal.

Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

X’aktarx qed jirreferi għal meta kienu jidfnu gwerriera bix-xwabel tagħhom bħala unur militari.

Jew “fil-qabar.”

Jew “il-prinċpijiet.”

Jew “fil-qabar.”

Jew “taʼ demmu.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “jagħmel l-inġustizzja.”

Letteralment “se niftakar.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Jew “jitkellmu bla rażan.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “se nitlob lura n-nagħaġ tiegħi minn idejhom.”

Jew “jieħdu ħsieb.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew forsi “lil dawk li jiġu minnkom mid-demm.”

Letteralment “bħala ikel.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “tal-fdal fost il-popli.”

Jew “bi tmaqdir taʼ ruħhom.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Letteralment “se npoġġi spirtu ġdid fikom.”

Jiġifieri li hi sensittiva għall-gwida t’Alla.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew forsi “Bħall-imrieħel tan-nagħaġ li jiġu ssagrifikati f’Ġerusalemm.”

Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “Ipprofetizza.”

Jew “spirtu.”

Jew “Nifs; Spirtu.”

Letteralment “irjieħ.”

Jew “li huma sħabu.”

Jew “li huma sħabu.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Jew “il-prinċep.”

Jew “Id-dar.”

Jew “fuqhom.”

Jew “il-prinċep.”

Jew ”il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “il-prinċep.”

Dawn spiss kienu jintużaw mill-arċieri.

Letteralment “l-għassies.”

Jew “se nsejjaħlek.”

Letteralment “f’qalbek.”

Jew “kampanja miftuħa.”

Jew ”l-iljuni b’saħħithom.”

Jew “Se nġib lili nnifsi f’ġudizzju miegħu.”

Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “il-prinċep.”

Dawn spiss kienu jintużaw mill-arċieri.

Jew forsi “bsaten b’tarf ippontat” li kienu jintużaw bħala armi.

Jew “il-Wied tal-Folol tan-Nies taʼ Gog.”

Ifisser “Folol taʼ Nies.”

Letteralment “se nuri devozzjoni esklużiva lejn l-isem qaddis tiegħi.”

Ara App. B14.

Letteralment “dar.” Din il-kelma se tintuża minn kapitlu 40 sa 48 meta “dar” tirreferi għall-binja prinċipali tat-tempju jew għal meta jinkludi wkoll il-binjiet l-oħra tiegħu tal-madwar.

Letteralment “qasba taʼ kejl taʼ sitt kubiti, kubitu hu wisaʼ taʼ id.” Dan jirreferi għall-kubiti twal. Ara App. B14.

Jistaʼ jkun qed jirreferi fejn il-ħajt imiss mas-saqaf.

Letteralment “il-wisaʼ.”

Jew forsi “12-il kubitu.”

Letteralment “fit-tempju.” F’kapitli 41 u 42 dan se jirreferi għall-qaddis jew għat-tempju kollu kemm hu, inkluż il-Qaddis u l-Iktar Qaddis.

Dan jirreferi għall-kubiti twal. Ara App. B14.

Jiġifieri fl-Iktar Qaddis.

Letteralment “Il-wisaʼ tad-daħla kienet.”

Milli jidher passaġġ dejjaq madwar it-tempju.

Jiġfieri l-bini li kien fuq il-Punent tat-tempju.

Letteralment “Il-koxxa tal-bieb.” Milli jidher din tirreferi għad-daħla tal-Qaddis.

Letteralment “it-tul.”

Jiġifieri l-bini lejn in-naħa tal-Punent.

Dan jirreferi għall-kubiti twal. Ara App. B14.

Skont is-Settanta Griega, “twil 100 kubitu.” Fil-kitba oriġinali Ebrajka: “Mogħdija taʼ kubitu.” Ara App. B14.

Letteralment “fil-wisaʼ tal-ħajt.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Ara App. B14.

Jew forsi “Hu mar biex iġib.”

Letteralment “fid-dar.”

Bl-Ebrajk din il-kelma tistaʼ tirreferi jew għall-ispirtu t’Alla jew għal anġlu.

Jew “billi jagħmlu prostituzzjoni spiritwali.”

Letteralment “u bil-katavri tar-rejiet tagħhom f’mewthom.”

Jew “ma jibqgħux jagħmlu prostituzzjoni spiritwali.”

Jew “jitfgħu ʼl bogħod minni.”

Letteralment “ikejlu.”

Dan jirreferi għall-kubiti twal. Ara App. B14.

Jiġifieri xiber taʼ id, madwar 22.2 ċentimetri. Ara App. B14.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “perfetti.”

Jiġifieri tal-poplu.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “mhux ċirkonċiża.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Dan jirreferi għall-kubiti twal. Ara App. B14.

Jew “Mit-trufijiet kollha tagħha ’l ġewwa.”

Letteralment “500 b’500.”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Ara App. B14.

Ara App. B14.

Ara App. B14.

Ara App. B14.

Ara App. B14.

Jew “mina.” Ara App. B14.

Jiġifieri barley.

Ara App. B14.

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Ara App. B14.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Ara App. B14.

Ara App. B14.

Dan jirreferi għall-kubiti twal. Ara App. B14.

Jew “L-erbgħa li huma u l-bini tagħhom fil-kantuniera kienu tal-istess daqs.”

Dan jirreferi għall-kubiti twal. Ara App. B14.

Jew “mill-pjanura tad-deżert.” Jiġifieri l-Baħar il-Mejjet.

Letteralment “iż-żewġ xmajjar.”

Jiġifieri l-Mediterran.

Letterlment “tirtu, kull wieħed daqs ħuh.”

Jiġifieri l-Baħar il-Mejjet.

Jew “tad-daħla taʼ Ħamat.”

Jew “sad-daħla taʼ Ħamat.”

Dan jirreferi għall-kubiti twal. Ara App. B14.

Jiġifieri l-Mediterran.

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja