LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Danjel 1:1-12:13
  • Danjel

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Danjel
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Danjel

Danjel*

1 Fit-tielet sena tar-renju taʼ Ġeħojakim,+ is-sultan taʼ Ġuda, Nebukadnessar, is-sultan taʼ Babilonja, ġie Ġerusalemm u assedjaha.+ 2 U Ġeħova rħielu f’idu lil Ġeħojakim, is-sultan taʼ Ġuda,+ u parti mill-għodod+ tad-dar taʼ l-Alla l-veru, u dawn ġarrhom lejn l-art tas-Sinar+ fid-dar taʼ l-alla tiegħu; u l-għodod ġabhom fid-dar tat-teżor taʼ l-alla tiegħu.+

3 U s-sultan qal lil Asfenaż, l-uffiċjal ewlieni tal-palazz tiegħu,+ biex iġib lil xi wħud minn ulied Israel u mid-dixxendenti rjali u min-nobbli,+ 4 tfal li ma kien fihom assolutament ebda difett,+ sbieħ fl-għajn u għandhom id-dehen fl-għerf kollu+ u huma midħla taʼ l-għarfien, u għandhom id-dixxerniment dwar dak li hu magħruf,+ u li għandhom ukoll l-abbiltà li jaqdu fil-palazz tas-sultan;+ u jgħallimhom il-kitba u l-ilsien tal-Kaldin. 5 Barra minn hekk, is-sultan ried li kuljum jingħatalhom sehem mill-ikel mill-aqwa+ tas-sultan u mill-inbid li kien jixrob hu, u jitimgħuhom għal tliet snin, biex meta dawn jintemmu, huma jkunu jistgħu jaqdu quddiem is-sultan.

6 Issa fosthom kien hemm xi wħud minn ulied Ġuda; Danjel,+ Ħananija, Misael, u Għażarija.+ 7 U lilhom l-uffiċjal prinċipali tal-palazz tahom ismijiet oħrajn.+ Għalhekk, lil Danjel tah l-isem taʼ Beltesassar;+ lil Ħananija, Sidrak; lil Misael, Mesak; u lil Għażarija, Għabednego.+

8 Imma Danjel kien deċiż f’qalbu li ma jitniġġisx+ bl-ikel mill-aqwa tas-sultan u bl-inbid li kien jixrob. U baqaʼ jitlob lill-uffiċjal prinċipali tal-palazz biex ma jitniġġisx.+ 9 Għaldaqstant, Alla qanqal lill-uffiċjal prinċipali tal-palazz biex juri qalb tajba bl-imħabba u ħniena maʼ Danjel.+ 10 Għalhekk, dan l-uffiċjal qal lil Danjel: “Jien nibżaʼ minn sidi s-sultan, li ordnalkom x’għandkom tieklu u tixorbu.+ Għala, mela, għandu jara wiċċkom mixrub meta jqabbilkom mat-tfal taʼ l-istess età tagħkom, u għala għandkom tipperikolawli ħajti quddiem is-sultan?” 11 Imma Danjel qal lill-gwardjan, li l-uffiċjal prinċipali tal-palazz+ kien ħatar fuq Danjel, Ħananija, Misael, u Għażarija: 12 “Jekk jogħġbok, għaddi lill-qaddejja tiegħek minn prova għal għaxart ijiem, u ħa jagħtuna xi ħxejjex+ x’nieklu u ilma x’nixorbu; 13 u ħa jidhru quddiemek wiċċna u wiċċ it-tfal li qed jieklu l-ikel mill-aqwa tas-sultan, u skond dak li tara agħmel lill-qaddejja tiegħek.”

14 Fl-aħħar, il-gwardjan semaʼ minnhom rigward din il-kwistjoni u għaddiehom minn prova għal għaxart ijiem. 15 U fi tmiem l-għaxart ijiem wiċċhom deher aħjar u iktar imlaħħam minn tat-tfal kollha li kienu qed jieklu l-ikel mill-aqwa tas-sultan.+ 16 Għalhekk, il-gwardjan baqaʼ jneħħilhom l-ikel mill-aqwa tagħhom u l-inbid li tahom jixorbu u jagħtihom il-ħxejjex.+ 17 U lil dawn it-tfal, l-erbgħa li huma, l-Alla l-veru tahom l-għarfien u d-dehen f’kull kitba u għerf;+ u Danjel kien jifhem f’kull xorta taʼ viżjonijiet u ħolm.+

18 U fi tmiem il-jiem li kien qal is-sultan biex idaħħluhom quddiemu,+ l-uffiċjal prinċipali tal-palazz daħħalhom quddiem Nebukadnessar. 19 U s-sultan beda jkellimhom, u minnhom ilkoll ħadd ma nstab bħal Danjel, Ħananija, Misael, u Għażarija;+ u dawn baqgħu jaqdu quddiem is-sultan.+ 20 U meta s-sultan staqsiehom dwar kull kwistjoni li kienet tirrikjedi l-għerf u l-abbiltà li jifhmu,+ hu sabhom saħansitra għaxar darbiet aqwa mill-qassisin kollha li kienu jipprattikaw il-maġija+ u minn dawk li kienu jsejħu lill-ispirti+ u li kienu fit-territorju rjali kollu tiegħu. 21 U Danjel baqaʼ hemmhekk sa l-ewwel sena taʼ Ċiru s-sultan.+

2 U fit-tieni sena tar-renju taʼ Nebukadnessar, Nebukadnessar ħolom xi ħolm;+ u beda jħossu inkwetat fl-ispirtu tiegħu,+ u ma setaʼ jorqod b’xejn għax tarlu n-ngħas. 2 Għalhekk, is-sultan qalilhom biex isejħu lill-qassisin li kienu jipprattikaw il-maġija,+ lil dawk li kienu jsejħu lill-ispirti, lis-sħaħar, u lill-Kaldin biex lis-sultan jgħidulu l-ħolm tiegħu.+ U dawn daħlu u waqfu quddiem is-sultan. 3 Imbagħad is-sultan qalilhom: “Ħlomt ħolma, u nħossni inkwetat fl-ispirtu tiegħi biex inkun nafha din il-ħolma.” 4 U l-Kaldin qalu lis-sultan bl-Aramajk:*+ “O sultan, jalla tgħix għal dejjem.+ Għid lill-qaddejja tiegħek x’inhi l-ħolma, u aħna nagħtuk l-interpretazzjoni tagħha.”+

5 Is-sultan wieġeb u qal lill-Kaldin: “Il-kelma li qed niddikjara jien hi: Jekk intom ma tgħidulix x’inhi l-ħolma, u ma tagħtunix l-interpretazzjoni tagħha, bċejjeċ issiru,+ u djarkom isiru latrini pubbliċi.+ 6 Imma jekk turuni x’inhi l-ħolma u tagħtuni l-interpretazzjoni tagħha, għotjiet u rigal u ħafna dinjità tirċievu mingħandi.+ Għalhekk, uruni x’inhi l-ħolma u agħtuni l-interpretazzjoni tagħha.”

7 Huma wieġbu għat-tieni darba u qalu: “Ħa jgħidilhom is-sultan lill-qaddejja tiegħu x’inhi l-ħolma, u aħna nagħtuk l-interpretazzjoni tagħha.”

8 Is-sultan wieġeb u qal: “Fil-fatt, jien naf li qed tipprovaw tirbħu ż-żmien, ladarba intom fhimtu li l-kelma qed tiġi dikjarata minni. 9 Għax jekk ma tgħidulix x’inhi l-ħolma, m’hemmx ħlief din is-sentenza għalikom.+ Imma intom qbiltu li tgħidu kelma giddieba u żbaljata quddiemi,+ sakemm jitbiddlu ċ-ċirkustanzi. Għalhekk, għiduli l-ħolma, u jien inkun naf li intom tistgħu tagħtuni l-interpretazzjoni tagħha.”

10 Il-Kaldin wieġbu quddiem is-sultan u qalulu: “Ma jeżisti ebda bniedem fuq l-art niexfa li hu kapaċi juri l-kwistjoni tas-sultan, ladarba ebda sultan grandjuż jew gvernatur ma talab ħaġa bħal din mingħand xi qassis li jipprattika l-maġija jew xi ħadd li jsejjaħ lill-ispirti jew xi Kaldew. 11 Imma dak li qed jitlob is-sultan hu diffiċli, u ma jeżisti ħadd iktar li jistaʼ jurih quddiem is-sultan ħlief l-allat,+ li assolutament ma jgħammrux fost il-bnedmin.”+

12 Minħabba dan, is-sultan irrabja u tmasħan bis-sħiħ,+ u qal li kien se jeqred lill-għorrief kollha taʼ Babilonja.+ 13 U ħarġet l-ordni, u l-għorrief kien għoddhom se jinqatlu; u fittxew lil Danjel u lil sħabu biex joqtluhom ukoll.

14 Imbagħad Danjel, min-naħa tiegħu, kellem bi kliem għaqli u sensibbli+ lil Arjok, il-kap tal-gwardja persunali tas-sultan, li kien ħareġ biex joqtol lill-għorrief taʼ Babilonja. 15 Hu tkellem u qal lil Arjok, l-uffiċjal tas-sultan: “Għal liema raġuni ħarġet din l-ordni ħarxa min-naħa tas-sultan?” Kien f’dan il-ħin li Arjok għarraf lil Danjel b’din il-kwistjoni.+ 16 Għalhekk, Danjel daħal u talab lis-sultan biex jagħtih iż-żmien partikulari sabiex jagħti l-interpretazzjoni tagħha lis-sultan.+

17 Wara dan, Danjel mar lejn daru; u għarraf bil-kwistjoni lil sħabu Ħananija, Misael, u Għażarija, 18 biex huma wkoll jitolbu l-ħniena+ min-naħa taʼ l-Alla tas-sema+ dwar dan is-sigriet,+ sabiex lil Danjel u lil sħabu ma jeqirduhomx mal-bqija taʼ l-għorrief taʼ Babilonja.+

19 Imbagħad, permezz taʼ viżjoni bil-lejl, is-sigriet ġie rivelat lil Danjel.+ Għaldaqstant, Danjel bierek+ lill-Alla tas-sema. 20 Danjel tkellem u qal: “Ħa jkun imbierek isem Alla+ minn dejjem għal dejjem, għax tiegħu huma l-għerf u s-setgħa.+ 21 U hu qed ibiddel iż-żminijiet u l-istaġuni,+ ineħħi slaten u jqiegħed slaten,+ jagħti l-għerf lill-għorrief u l-għarfien lil dawk li għandhom id-dixxerniment.+ 22 Hu qed jirrivela l-affarijiet profondi u l-affarijiet moħbijin,+ billi jaf x’hemm fid-dlam;+ u miegħu jgħammar id-dawl.+ 23 Lilek, O Alla taʼ missirijieti, qed infaħħar u rrodd ħajr,+ għaliex tajtni l-għerf+ u s-setgħa. U issa lili għarraftni b’dak li tlabniek, għax int għarraftna bil-kwistjoni tas-sultan.”+

24 Għalhekk, Danjel daħal għand Arjok,+ li kien inħatar mis-sultan biex jeqred lill-għorrief taʼ Babilonja.+ Hu mar u qallu dan: “Teqred lil ħadd mill-għorrief taʼ Babilonja. Daħħalni quddiem is-sultan,+ biex nagħti l-interpretazzjoni tagħha lis-sultan.”

25 Kien f’dan il-ħin li Arjok, bl-għaġla, daħħal lil Danjel quddiem is-sultan, u qallu dan: “Sibt raġel b’saħħtu, mill-eżiljati+ taʼ Ġuda, li jistaʼ jagħti l-interpretazzjoni tagħha lis-sultan.” 26 Is-sultan wieġeb u qal lil Danjel, li kien jismu Beltesassar:+ “Kapaċi int biżżejjed biex tgħidli x’inhi l-ħolma li rajt jien, u tagħtini l-interpretazzjoni tagħha?”+ 27 Danjel wieġeb quddiem is-sultan u qallu: “Is-sigriet li s-sultan qed jistaqsi dwaru, la l-għorrief, la dawk li jsejħu lill-ispirti, la l-qassisin li jipprattikaw il-maġija, u lanqas l-astroloġi m’għandhom il-ħila juruh lis-sultan.+ 28 Madankollu, jeżisti Alla fis-smewwiet li hu Dak li jirrivela s-sigrieti,+ u hu għarraf lis-Sultan Nebukadnessar x’għandu jseħħ fl-aħħar parti tal-jiem.+ Il-ħolma tiegħek u l-viżjonijiet li ġewk f’rasek fuq soddtok huma dawn:

29 “Inkwantu għalik, O sultan, fuq soddtok+ ġewk ħsibijietek rigward x’għandu jseħħ wara dan, u Dak li jirrivela s-sigrieti għarrfek x’għandu jseħħ.+ 30 U inkwantu għalija, m’huwiex permezz taʼ xi għerf li għandi iktar minn ħaddieħor li hu ħaj li dan is-sigriet qed jiġi rivelat lili,+ imma bil-ħsieb li tingħata l-interpretazzjoni lis-sultan u li int tkun taf il-ħsibijiet taʼ qalbek.+

31 “Int, O sultan, kont qed tħares, u, ara, ċerta xbieha enormi. Din ix-xbieha, li kienet kbira ħafna u li d-dija tagħha kienet straordinarja, kienet wieqfa quddiemek, u d-dehra tagħha kienet tal-biżaʼ. 32 Din ix-xbieha, rasha kienet tad-deheb fin,+ sidirha u dirgħajha kienu tal-fidda,+ żaqqha u koxxtejha kienu tar-ram aħmar,+ 33 riġlejha kienu tal-ħadid,+ u saqajha kienu parti tal-ħadid u parti tat-tafal maħdum.+ 34 Int bqajt tħares sakemm inqatgħet ġebla, mhux bl-idejn,+ u laqtet ix-xbieha fuq saqajha tal-ħadid u tat-tafal maħdum u farrkithom.+ 35 Dak il-ħin il-ħadid, it-tafal maħdum, ir-ram aħmar, il-fidda, u d-deheb tfarrku kollha f’daqqa, u saru bħall-karfa mill-qiegħa tad-dris fis-sajf,+ u r-riħ ġarrhom lil hemm tant li assolutament ebda ħjiel tagħhom ma nstab.+ U l-ġebla li laqtet ix-xbieha saret muntanja kbira ħafna u mliet l-art kollha.+

36 “Din hi l-ħolma, u l-interpretazzjoni tagħha se ngħiduha quddiem is-sultan.+ 37 Int, O sultan, sultan tas-slaten, int li lilek l-Alla tas-sema tak is-saltna,+ is-setgħa, is-saħħa, u d-dinjità, 38 u li f’idek tak,+ kulfejn qed jgħammru wlied il-bnedmin, il-bhejjem tar-rabaʼ u l-ħlejjaq bil-ġwienaħ fis-smewwiet, u li għamlek ħakkiem fuqhom kollha, int innifsek int ir-ras tad-deheb.+

39 “U warajk għad tqum saltna oħra+ inferjuri għalik;+ u saltna oħra, it-tielet waħda, tar-ram aħmar, li se taħkem fuq l-art kollha.+

40 “U inkwantu għar-rabaʼ saltna,+ din tkun b’saħħitha daqs il-ħadid.+ Ladarba l-ħadid qed ifarrak u jitħan kull ħaġa oħra, hekk, bħall-ħadid li jkisser, hi se tfarrak u tkisser lil dawn is-saltniet kollha.+

41 “U bħalma int rajt is-saqajn u s-swabaʼ tas-saqajn li kienu parti tat-tafal maħdum taʼ fuħħari u parti tal-ħadid,+ hekk għad tkun maqsuma s-saltna,+ imma se jkun fiha xi ftit mill-ebusija tal-ħadid, ladarba int rajt il-ħadid imħallat mat-tafal niedi.+ 42 U bħalma s-swabaʼ tas-saqajn kienu parti tal-ħadid u parti tat-tafal maħdum, is-saltna għad tkun parti b’saħħitha u parti dgħajfa. 43 Bħalma int rajt il-ħadid imħallat mat-tafal niedi, hekk dawn għad jitħalltu maʼ wlied il-bnedmin; imma ma jingħaqdux flimkien, wieħed maʼ l-ieħor, sewwasew bħalma l-ħadid ma jitħallatx mat-tafal maħdum.

44 “U fi żmien dawn is-slaten,+ l-Alla tas-sema+ jwaqqaf saltna+ li qatt ma tinqered.+ U din is-saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor.+ Hi se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha,+ u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem,*+ 45 ladarba int rajt li mill-muntanja nqatgħet ġebla, mhux bl-idejn,+ u li din farrket il-ħadid, ir-ram aħmar, it-tafal maħdum, il-fidda, u d-deheb.+ L-Alla Grandjuż+ għarraf lis-sultan x’għandu jseħħ wara dan.+ U l-ħolma hi taʼ min jorbot fuqha, u l-interpretazzjoni tagħha hi taʼ min jafdaha.”+

46 Dak il-ħin is-Sultan Nebukadnessar inxteħet wiċċu fl-art, u ta ġieħ lil Danjel, u ordna li jingħata rigal u inċens.+ 47 Is-sultan wieġeb lil Danjel u qallu: “Tassew li l-Alla tagħkom hu Alla taʼ l-allat,+ Sid is-slaten,+ u Dak li jirrivela s-sigrieti, għaliex int kellek il-ħila tirrivela dan is-sigriet.”+ 48 Għaldaqstant, is-sultan għamel lil Danjel wieħed mill-kbarat,+ u tah ħafna rigali kbar, u għamlu l-ħakkiem fuq il-provinċja taʼ Babilonja+ u l-prefett ewlieni fuq l-għorrief kollha taʼ Babilonja. 49 U Danjel, min-naħa tiegħu, talab lis-sultan, u dan ħatar lil Sidrak, Mesak, u Għabednego+ fuq l-amministrazzjoni tal-provinċja taʼ Babilonja, imma Danjel baqaʼ fil-palazz+ tas-sultan.

3 Is-Sultan Nebukadnessar għamel xbieha+ tad-deheb, li l-għoli tagħha kien sittin kubitu u l-wisaʼ tagħha sitt kubiti. Hu waqqafha fil-pjanura taʼ Dura fil-provinċja taʼ Babilonja.+ 2 U Nebukadnessar bħala sultan bagħat jiġmaʼ s-satrapi,* il-prefetti+ u l-gvernaturi, il-kunsillieri, it-teżorieri, l-imħallfin, il-maġistrati,+ u l-amministraturi kollha tal-provinċji biex jiġu għall-inawgurazzjoni+ tax-xbieha li kien waqqaf is-Sultan Nebukadnessar.

3 Dak iż-żmien is-satrapi,+ il-prefetti u l-gvernaturi, il-kunsillieri, it-teżorieri, l-imħallfin, il-maġistrati, u l-amministraturi kollha tal-provinċji kienu qed jinġemgħu għall-inawgurazzjoni tax-xbieha li kien waqqaf is-Sultan Nebukadnessar, u qagħdu bil-wieqfa quddiem ix-xbieha li kien waqqaf Nebukadnessar. 4 U l-ħabbâr+ kien qed jgħajjat b’leħen għoli: “Lilkom qed jintqal, O popli, ġnus, u ilsna,+ 5 li x’ħin tisimgħu l-ħoss tal-qarn, tal-fifra, taż-żittru, taʼ l-arpa trijangulari, taʼ l-istrument tal-korda, taż-żaqq, u taʼ kull xorta taʼ strumenti mużikali,+ inżlu fl-art u qimu x-xbieha tad-deheb li waqqaf is-Sultan Nebukadnessar. 6 U kulmin ma jinżilx fl-art u jqimha,+ se jiġi mitfugħ fil-forn tan-nar iħeġġeġ+ dak il-ħin stess.”+ 7 Għalhekk, x’ħin il-popli kollha kienu qed jisimgħu l-ħoss tal-qarn, tal-fifra, taż-żittru, taʼ l-arpa trijangulari, taʼ l-istrument tal-korda, u taʼ kull xorta taʼ strumenti mużikali, il-popli,+ il-ġnus, u l-ilsna kollha niżlu fl-art u bdew iqimu x-xbieha tad-deheb li kien waqqaf is-Sultan Nebukadnessar.

8 Minħabba f’hekk, dak il-ħin stess resqu xi Kaldin u akkużaw lil-Lhud.+ 9 Huma kellmu u qalu lis-Sultan Nebukadnessar: “O sultan, jalla tgħix għal dejjem.+ 10 Int innifsek, O sultan, ħriġt l-ordni li kull raġel li jismaʼ l-ħoss tal-qarn, tal-fifra, taż-żittru, taʼ l-arpa trijangulari, taʼ l-istrument tal-korda, taż-żaqq, u taʼ kull xorta taʼ strumenti mużikali,+ għandu jinżel fl-art u jqim ix-xbieha tad-deheb; 11 u li kulmin ma jinżilx fl-art u jqimha għandu jiġi mitfugħ fil-forn tan-nar iħeġġeġ.+ 12 Hemm xi Lhud li int ħtart fuq l-amministrazzjoni tal-provinċja taʼ Babilonja,+ jiġifieri, Sidrak, Mesak, u Għabednego; dawn l-irġiel b’saħħithom xejn ma kkalkulawk, O sultan, m’humiex qed jaqdu lill-allat tiegħek, u m’humiex iqimu x-xbieha tad-deheb li waqqaft int.”+

13 Dak il-ħin Nebukadnessar, fid-dagħdigħa u l-qilla li kellu,+ qalilhom biex iġibulu lil Sidrak, Mesak, u Għabednego.+ Għaldaqstant, dawn l-irġiel inġiebu quddiem is-sultan. 14 Nebukadnessar tkellem u qalilhom: “O Sidrak, Mesak, u Għabednego, veru li m’intomx taqdu lill-allat tiegħi,+ u m’intomx tqimu x-xbieha tad-deheb li waqqaft jien?+ 15 Issa jekk intom lesti li malli tisimgħu l-ħoss tal-qarn, tal-fifra, taż-żittru, taʼ l-arpa trijangulari, taʼ l-istrument tal-korda, taż-żaqq, u taʼ kull xorta taʼ strumenti mużikali,+ tinżlu fl-art u tqimu x-xbieha li jien għamilt, tajjeb. Imma jekk ma tqimuhiex, dak il-ħin stess tiġu mitfugħin fil-forn tan-nar iħeġġeġ. U liema alla jistaʼ jeħliskom minn taħt idejja?”+

16 Sidrak, Mesak, u Għabednego wieġbu u qalu lis-sultan: “O Nebukadnessar, aħna m’għandniex għalfejn inwiġbuk dwar dan.+ 17 Jekk għandu jsir hekk, Alla tagħna li lilu qed naqdu kapaċi jeħlisna. Mill-forn tan-nar iħeġġeġ u minn idek, O sultan, jeħlisna.+ 18 Imma jekk le, kun af, O sultan, li aħna ma naqdux lil allatek, u m’aħniex se nqimu x-xbieha tad-deheb li waqqaft int.”+

19 Imbagħad Nebukadnessar imtela bil-qilla, u l-bixra taʼ wiċċu tbiddlet lejn Sidrak, Mesak, u Għabednego. Hu tkellem u ordna biex isaħħnu l-forn sebaʼ darbiet iktar milli kienu jsaħħnuh is-soltu. 20 U lil xi rġiel b’saħħithom li kienu mimlijin enerġija+ u li kienu fil-qawwa militari tiegħu qalilhom biex jorbtu lil Sidrak, Mesak, u Għabednego, sabiex jixħtuhom fil-forn tan-nar iħeġġeġ.+

21 Imbagħad, lil dawn l-irġiel rabtuhom u tefgħuhom fil-forn tan-nar iħeġġeġ bil-mantelli, bil-ħwejjeġ, bil-brieret, u bl-ilbies l-ieħor tagħhom. 22 Minħabba li l-kelma tas-sultan kienet ħarxa u l-forn issaħħan iżżejjed, kienu l-irġiel b’saħħithom li qabdu lil Sidrak, Mesak, u Għabednego li nqatlu mill-fjammi tan-nar. 23 Imma dawn l-irġiel l-oħrajn, it-tlieta li huma, Sidrak, Mesak, u Għabednego, waqgħu marbutin f’nofs il-forn tan-nar iħeġġeġ.+

24 Dak il-ħin is-Sultan Nebukadnessar beżaʼ u qam bl-għaġla. Hu tkellem u qal lill-uffiċjali għoljin tiegħu: “Mhux tlett irġiel tfajna marbutin f’nofs in-nar?”+ Huma wieġbu lis-sultan u qalulu: “Iva, O sultan.” 25 Hu wiġibhom u qalilhom: “Ara! Qed nara erbat irġiel mexjin maħlulin f’nofs in-nar, u ma saritilhom ebda ħsara, u d-dehra tar-rabaʼ wieħed tixbah lil dik taʼ bin l-allat.”+

26 Imbagħad Nebukadnessar resaq lejn il-bieb tal-forn tan-nar iħeġġeġ.+ Hu tkellem u qal: “Sidrak, Mesak, u Għabednego, qaddejja taʼ l-Alla l-Iktar Għoli,+ oħorġu u ejjew hawnhekk!” Dak il-ħin Sidrak, Mesak, u Għabednego ħarġu ’l barra minn ġo nofs in-nar. 27 U s-satrapi, il-prefetti, il-gvernaturi, u l-uffiċjali għoljin+ tas-sultan li kienu miġburin hemmhekk kienu qed jaraw lil dawn l-irġiel, li n-nar ma kellu ebda setgħa fuq ġisimhom,+ u xagħra waħda minn rashom ma kinitx inħarqet,+ u saħansitra l-mantelli tagħhom baqgħu l-istess u huma lanqas biss kellhom fuqhom riħa taʼ ħruq.

28 Nebukadnessar tkellem u qal: “Ikun imbierek l-Alla taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednego,+ li bagħat l-anġlu tiegħu+ u ħeles lill-qaddejja tiegħu li fdaw fih+ u li marru kontra l-kelma tas-sultan u kienu lesti li jmutu, għaliex ma riedu jaqdu+ u jqimu+ assolutament lil ebda alla ieħor ħlief lil Alla tagħhom.+ 29 U jien qed noħroġ ordni+ li kwalunkwe poplu, ġens, jew ilsien li jgħid xi ħaġa ħażina kontra l-Alla taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednego għandu jiġi mqattaʼ bċejjeċ,+ u daru għandha ssir latrina pubblika,+ ladarba ma jeżistix alla ieħor bħalu li kapaċi jagħti ħelsien.”+

30 Imbagħad is-sultan għamel li Sidrak, Mesak, u Għabednego jirnexxu fil-provinċja taʼ Babilonja.+

4 “Is-Sultan Nebukadnessar, lill-popli, lill-ġnus, u lill-ilsna kollha li qed jgħammru fl-art kollha:+ Jalla joktor is-sliem tagħkom.+ 2 Deherli li hu tajjeb li niddikjara+ s-sinjali u l-għeġubijiet li għamel miegħi l-Alla l-Iktar Għoli. 3 Kemm huma grandjużi s-sinjali tiegħu, u kemm huma setgħanin l-għeġubijiet tiegħu!+ Saltnatu hi saltna għal dejjem,*+ u l-ħakma tiegħu hi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.+

4 “Jien, Nebukadnessar, kont għall-kwiet+ f’dari u sejjer tajjeb fil-palazz tiegħi.+ 5 Ħlomt ħolma u bdiet tbeżżagħni.+ U waqt li kont fuq soddti ġewni xbihat f’moħħi u viżjonijiet f’rasi li bdew ibeżżgħuni.+ 6 U ħriġt ordni biex iġibuli quddiemi lill-għorrief kollha taʼ Babilonja, sabiex jinterpretawli l-ħolma.+

7 “Imbagħad daħlu l-qassisin li jipprattikaw il-maġija, dawk li jsejħu lill-ispirti, il-Kaldin,+ u l-astroloġi;+ u jien għedt quddiemhom x’kienet il-ħolma, imma huma ma tawnix l-interpretazzjoni tagħha.+ 8 Fl-aħħar daħal quddiemi Danjel, li jismu Beltesassar+ skond l-isem taʼ l-alla tiegħi+ u li fih għandu l-ispirtu taʼ l-allat qaddisin;+ u quddiemu għedt x’kienet il-ħolma:

9 “‘O Beltesassar, kap tal-qassisin li jipprattikaw il-maġija,+ peress li naf tajjeb li l-ispirtu taʼ l-allat qaddisin qiegħed fik+ u li m’hemm assolutament ebda sigriet li jħawdek,+ għidli x’inhuma l-viżjonijiet li rajt jien fil-ħolma tiegħi u agħtini l-interpretazzjoni tagħha.+

10 “‘Issa kont fuq soddti qed nara l-viżjonijiet li ġewni f’rasi,+ u, ara, siġra+ f’nofs l-art, li l-għoli tagħha kien immens.+ 11 Is-siġra kibret u saret b’saħħitha, u l-għoli tagħha sa fl-aħħar wasal sas-smewwiet, u kienet tidher minn truf l-art kollha.+ 12 Il-weraq tagħha kien sabiħ, u l-frott tagħha kotran, u kien hemm ikel għal kulħadd fuqha. Taħtha l-bhejjem+ tar-rabaʼ kienu jfittxu d-dell,+ u fuq il-friegħi tagħha kienu jgħammru l-għasafar tas-smewwiet,+ u minnha kien jiekol kulħadd.

13 “‘U waqt li kont fuq soddti komplejt nara fil-viżjonijiet li ġewni f’rasi, u, ara, għassies,+ wieħed qaddis,+ nieżel mis-smewwiet. 14 Hu kien qed jgħajjat b’leħen għoli, u qal hekk: “Qaċċtu s-siġra,+ u aqtgħu l-friegħi tagħha. Farfru l-weraq tagħha, u ferrxu l-frott tagħha. Ħa jaħarbu minn taħtha l-bhejjem, u l-għasafar mill-friegħi tagħha.+ 15 Madankollu, ħallulha z-zokk t’għeruqha fl-art, ġo ħoloq tal-ħadid u tar-ram aħmar, qalb il-ħaxix tar-rabaʼ; u ħa jixxarrab bin-nida tas-smewwiet, u ħa jkun sehmu mal-bhejjem qalb il-ħxejjex taʼ l-art.+ 16 Ħa titbiddel qalbu minn dik taʼ bniedem, u ħa tingħatalu qalb taʼ bhima,+ u ħa jgħaddu minn fuqu sebaʼ żminijiet.+ 17 Bid-digriet taʼ l-għassiesa+ hi din il-ħaġa, u bi kliem il-qaddisin hu l-verdett, bil-ħsieb li l-ħajjin ikunu jafu li l-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin,+ u li lil min irid hu jagħtiha+ u jqiegħed fuqha saħansitra lill-inqas wieħed fost il-bnedmin.”+

18 “‘Din kienet il-ħolma li rajt jien, is-Sultan Nebukadnessar; u int, O Beltesassar, għidli x’inhi l-interpretazzjoni, ladarba l-għorrief l-oħrajn kollha taʼ saltnati m’għandhomx il-ħila jinterpretawha.+ Imma int kapaċi, għaliex fik hemm l-ispirtu taʼ l-allat qaddisin.’+

19 “Dak il-ħin Danjel, li jismu Beltesassar,+ għal mument baqaʼ mibluh, u ħsibijietu bdew ibeżżgħuh.+

“Is-sultan tkellem u qal, ‘O Beltesassar, tħallix il-ħolma u l-interpretazzjoni jbeżżgħuk.’+

“Beltesassar wieġeb u qal, ‘O sidi, jalla l-ħolma tapplika għal dawk li jobogħduk, u l-interpretazzjoni tagħha għall-avversarji tiegħek.+

20 “‘Is-siġra li rajt int, li kibret ħafna u saret b’saħħitha u li l-għoli tagħha sa fl-aħħar wasal sas-smewwiet u kienet tidher mill-art kollha,+ 21 u li l-weraq tagħha kien sabiħ, u l-frott tagħha kien kotran, u fuqha kien hemm ikel għal kulħadd; u li taħtha kienu jgħammru l-bhejjem tar-rabaʼ, u fuq il-friegħi tagħha kienu jgħammru l-għasafar tas-smewwiet,+ 22 hija int, O sultan,+ għaliex int kbirt ħafna u sirt b’saħħtek, u l-kobor tiegħek kiber ħafna u wasal sas-smewwiet,+ u l-ħakma tiegħek sa truf l-art.+

23 “‘U peress li s-sultan ra għassies, wieħed qaddis,+ nieżel mis-smewwiet, li kien ukoll qed jgħid: “Qaċċtu s-siġra, u eqirduha. Madankollu, ħallulha z-zokk t’għeruqha fl-art, imma ġo ħoloq tal-ħadid u tar-ram aħmar, qalb il-ħaxix tar-rabaʼ, u ħa jixxarrab bin-nida tas-smewwiet, u ħa jkun sehmu mal-bhejjem tar-rabaʼ sakemm jgħaddu minn fuqu sebaʼ żminijiet,”+ 24 din hi l-interpretazzjoni, O sultan, u d-digriet+ taʼ l-Iktar Għoli+ hu dak li jrid iseħħ fuq sidi s-sultan.+ 25 U lilek se jkeċċuk minn fost il-bnedmin, u mal-bhejjem tar-rabaʼ se tgħammar,+ u lilek se jagħtuk tiekol il-ħaxix bħalma jagħtu lill-barrin;+ u bin-nida tas-smewwiet int se tixxarrab, u minn fuqek se jgħaddu sebaʼ żminijiet,+ sakemm tkun taf li l-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin,+ u li lil min irid hu jagħtiha.+

26 “‘U peress li qalu li għandu jitħalla z-zokk taʼ l-għeruq tas-siġra,+ saltnatek żgur li tibqaʼ għalik wara li ssir taf li qed jaħkmu s-smewwiet.+ 27 Għalhekk, O sultan, jalla l-parir tiegħi jidher tajjeb għalik,+ u warrab dnubietek permezz tas-sewwa,+ u l-ħażen tiegħek billi tħenn għall-imsejknin.+ Għandu mnejn ikollok ħajja twila mimlija ġid.’”+

28 Dan kollu seħħ fuq is-Sultan Nebukadnessar.+

29 Fit-tmiem taʼ tnax-il xahar qamri hu kien qed jippassiġġa fuq il-bejt tal-palazz irjali taʼ Babilonja. 30 Is-sultan tkellem u qal:+ “M’hijiex din Babilonja l-Kbira, li jien bnejt għad-dar irjali bis-saħħa taʼ setegħti+ u għad-dinjità tal-maestà tiegħi?”+

31 Waqt li l-kelma kienet għadha f’fomm is-sultan, ġie leħen mis-smewwiet: “Lilek qed jintqal, O Sultan Nebukadnessar, ‘Is-saltna ttieħdet mingħandek,+ 32 u minn fost il-bnedmin qed ikeċċuk, u mal-bhejjem tar-rabaʼ se tgħammar.+ Se jagħtuk tiekol il-ħaxix bħalma jagħtu lill-barrin, u minn fuqek se jgħaddu sebaʼ żminijiet, sakemm tkun taf li l-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin, u li lil min irid hu jagħtiha.’”+

33 Dak il-ħin stess+ il-kelma twettqet fuq Nebukadnessar, u tkeċċa minn fost il-bnedmin, u beda jiekol il-ħaxix bħalma jieklu l-barrin, u ġismu xxarrab bin-nida tas-smewwiet, sakemm xagħru twal bħar-rix taʼ l-ajkli, u difrejh bħad-dwiefer tat-tajr.+

34 “U fi tmiem il-jiem+ jien, Nebukadnessar, erfajt għajnejja lejn is-smewwiet,+ u bdejt nerġaʼ nikseb ir-raġuni; u berikt lill-Iktar Għoli,+ u faħħart u gglorifikajt+ lil Dak li jgħix għal dejjem, għaliex il-ħakma tiegħu hi ħakma għal dejjem u saltnatu hi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.+ 35 U l-abitanti kollha taʼ l-art qed jitqiesu bħax-xejn,+ u hu qed jaġixxi skond ir-rieda tiegħu stess maʼ l-armata tas-smewwiet u maʼ l-abitanti taʼ l-art.+ U m’hemm ħadd li jistaʼ jżommlu idu+ jew li jistaʼ jgħidlu, ‘X’għamilt?’+

36 “Dak il-ħin stess erġajt ksibt ir-raġuni, u għad-dinjità taʼ saltnati, bdejt nerġaʼ nikseb il-maestà tiegħi u l-ġmiel tiegħi;+ u l-uffiċjali għoljin u rjali tiegħi u l-kbarat tiegħi bdew ifittxuni bil-ħerqa, u jien erġajt ġejt stabbilit fuq saltnati, u żdiedli kobor straordinarju.+

37 “Issa jien, Nebukadnessar, qed infaħħar, neżalta, u nigglorifika lis-Sultan tas-smewwiet,+ għaliex l-għemejjel kollha tiegħu huma verità u triqatu huma ġustizzja,+ u għaliex lil dawk li qed jimxu bil-kburija kapaċi jumiljahom.”+

5 Is-Sultan Belsassar+ għamel festa kbira għal elf mill-kbarat tiegħu, u kien qed jixrob l-inbid+ quddiem dawn l-elf ruħ. 2 Bl-effett taʼ l-inbid li xorob,+ Belsassar qalilhom biex iġibulu r-reċipjenti tad-deheb u tal-fidda+ li missieru* Nebukadnessar kien ġarr mit-tempju li kien f’Ġerusalemm, biex jixorbu minnhom is-sultan u l-kbarat tiegħu, il-konkubini tiegħu, u n-nisa sekondarji tiegħu.+ 3 Dak il-ħin ġabu r-reċipjenti tad-deheb li kienu ġarrew mit-tempju tad-dar t’Alla li kienet f’Ġerusalemm, u minnhom xorbu s-sultan u l-kbarat tiegħu, il-konkubini tiegħu, u n-nisa sekondarji tiegħu. 4 Xorbu l-inbid, u faħħru lill-allat tad-deheb u tal-fidda, tar-ram aħmar, tal-ħadid, taʼ l-injam, u tal-ġebel.+

5 Dak il-ħin dehru s-swabaʼ taʼ id taʼ bniedem u bdew jiktbu quddiem il-gandlier fuq il-kisi tal-ħajt tal-palazz tas-sultan,+ u s-sultan beda jara l-wara taʼ l-id li kienet qed tikteb. 6 Imbagħad wiċċ is-sultan biddel il-kulur, u ħsibijietu stess bdew ibeżżgħuh,+ u l-ġogi taʼ ġenbejh inħallu+ u rkopptejh bdew iħabbtu maʼ xulxin.+

7 Is-sultan beda jgħajjat b’leħen għoli biex iġibulu lil dawk li kienu jsejħu lill-ispirti, lill-Kaldin, u lill-astroloġi.+ Is-sultan tkellem u qal lill-għorrief taʼ Babilonja: “Min jaqra din il-kitba u jinterpretahieli jiġi mlibbes il-porpra,+ b’ġiżirana tad-deheb madwar għonqu, u jaħkem bħala t-tielet wieħed fis-saltna.”+

8 Dak il-ħin daħlu l-għorrief kollha tas-sultan, imma ma kinux kapaċi biżżejjed biex jaqraw din il-kitba jew biex jinterpretawha lis-sultan.+ 9 Għaldaqstant, is-Sultan Belsassar ħassu mbeżżaʼ ferm u l-kulur taʼ wiċċu beda jitbiddel; u l-kbarat tiegħu tħawdu.+

10 Inkwantu għas-sultana, minħabba dak li qalu s-sultan u l-kbarat tiegħu, hi daħlet dritt fis-sala taʼ l-ikel. Is-sultana tkellmet u qalet: “O sultan, ibqaʼ għix għal dejjem.+ Tħallix ħsibijietek ibeżżgħuk, u tħallix kulur wiċċek jitbiddel. 11 Hemm raġel kapaċi fis-saltna tiegħek li fih hemm l-ispirtu taʼ l-allat qaddisin;+ u fi żmien missierek instabu fih tidwil, dehen, u għerf bħall-għerf taʼ l-allat, u missierek is-Sultan Nebukadnessar ħatru bħala kap+ tal-qassisin li jipprattikaw il-maġija, taʼ dawk li jsejħu lill-ispirti, tal-Kaldin, u taʼ l-astroloġi, iva, missierek, O sultan, 12 ladarba kienu nstabu f’Danjel, li s-sultan semmieh Beltesassar,+ spirtu straordinarju u għarfien u dehen biex jinterpreta l-ħolm,+ u abbiltà li jispjega l-ħaġa moħġaġa u li jħoll l-għoqod.+ Issa ħa jsejħu lil Danjel, sabiex jagħtik l-interpretazzjoni tagħha.”

13 Għalhekk, Danjel iddaħħal quddiem is-sultan. Is-sultan tkellem u qal lil Danjel: “Int dak Danjel, wieħed mill-eżiljati taʼ Ġuda,+ li missieri s-sultan ħareġ minn Ġuda?+ 14 Smajt ukoll dwarek li l-ispirtu taʼ l-allat qiegħed fik,+ u li fik instabu tidwil, dehen, u għerf+ straordinarju. 15 U issa ddaħħlu quddiemi l-għorrief u dawk li jsejħu lill-ispirti, sabiex jaqraw din il-kitba, biex jagħtuni l-interpretazzjoni tagħha; imma m’humiex kapaċi biżżejjed biex jinterpretawli l-kelma.+ 16 U jien smajt dwarek li int kapaċi tagħti l-interpretazzjonijiet+ u tħoll l-għoqod. Issa, jekk għandek il-ħila taqra l-kitba u tinterpretahieli, tiġi mlibbes il-porpra, b’ġiżirana tad-deheb madwar għonqok, u int taħkem bħala t-tielet wieħed fis-saltna.”+

17 Dak il-ħin Danjel wieġeb u qal quddiem is-sultan: “Żommhom għalik l-għotjiet tiegħek, u r-rigali tiegħek agħtihom lil ħaddieħor.+ Madankollu, jien se naqra din il-kitba lis-sultan, u nagħtih l-interpretazzjoni tagħha.+ 18 Inkwantu għalik, O sultan, l-Alla l-Iktar Għoli+ lil missierek Nebukadnessar tah+ is-saltna u l-kobor u d-dinjità u l-maestà.+ 19 U minħabba l-kobor li Hu tah, il-popli, il-ġnus, u l-ilsna kollha kienu jitriegħdu u jibżgħu quddiemu.+ Lil min ried hu, kien joqtlu; u lil min ried hu, kien jikkastigah; u lil min ried hu, kien jeżaltah; u lil min ried hu, kien jumiljah.+ 20 Imma meta qalbu tkabbret u webbes rasu, u b’hekk aġixxa bil-prużunzjoni,+ tniżżel minn fuq it-tron taʼ saltnatu, u d-dinjità tiegħu ttieħdet mingħandu.+ 21 U tkeċċa minn fost ulied il-bnedmin, u qalbu ntgħamlet bħal dik taʼ bhima, u kien jgħammar mal-ħmir salvaġġi.+ Kienu jitimgħuh il-ħaxix bħalma jitimgħu lill-barrin, u ġismu xxarrab bin-nida tas-smewwiet,+ sakemm sar jaf li l-Alla l-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin, u li lil min irid hu jqiegħed fuqha.+

22 “U inkwantu għalik, ibnu* Belsassar,+ int m’umiljajtx ruħek,+ għalkemm kont taf dan kollu.+ 23 Imma eżaltajt lilek innifsek kontra l-Mulej tas-smewwiet,+ u ġabulek quddiemek ir-reċipjenti taʼ daru;+ u int u l-kbarat tiegħek, il-konkubini tiegħek, u n-nisa sekondarji tiegħek xrobtu l-inbid minn ġo fihom, u int faħħart lis-sempliċi allat tal-fidda u tad-deheb, tar-ram aħmar, tal-ħadid, taʼ l-injam, u tal-ġebel,+ li ma jaraw xejn, ma jisimgħu xejn, u ma jafu xejn;+ imma lill-Alla li f’idu qiegħed nifsek+ u li tiegħu huma triqatek kollha,+ int ma gglorifikajtux.+ 24 Għaldaqstant, Alla bagħat id, u ġiegħel li tinkiteb din il-kitba.+ 25 U din hi l-kitba li nkitbet: MENE, MENE, TEKEL, u PARSIN.

26 “Din hi l-interpretazzjoni tal-kelma: MENE, Alla għadd jiem saltnatek u temmha.+

27 “TEKEL, int kont miżun fuq il-miżien u kont misjub bin-nieqes.+

28 “PERES, saltnatek ġiet maqsuma u mogħtija lill-Medin u lill-Persjani.”+

29 Dak il-ħin Belsassar ta l-kmand, u Danjel ġie mlibbes bil-porpra, b’ġiżirana tad-deheb madwar għonqu; u ħabbru dwaru li kellu jsir it-tielet ħakkiem fis-saltna.+

30 Dak il-lejl stess Belsassar, is-sultan Kaldew, inqatel+ 31 u Darju+ l-Medi ħa s-saltna meta kellu madwar tnejn u sittin sena.

6 Deher tajjeb għal Darju li jaħtar fuq is-saltna mija u għoxrin satrapa,* li kellhom ikunu fuq is-saltna kollha;+ 2 u fuqhom tliet uffiċjali għoljin, li wieħed minnhom kien Danjel,+ sabiex dawn is-satrapi+ jagħtuhom kontinwament ir-rapport, u b’hekk is-sultan ma joħroġx tellief.+ 3 Kien f’dan iż-żmien li dan Danjel kien qed jiddistingwi ruħu+ fost l-uffiċjali għoljin u s-satrapi, ladarba kellu fih spirtu straordinarju;+ u s-sultan kellu l-ħsieb li jgħollih fuq is-saltna kollha.

4 Dak iż-żmien l-uffiċjali għoljin u s-satrapi kienu qed ifittxu l-ħin kollu biex isibu fuqiex jixlu lil Danjel f’dak li kellu x’jaqsam mas-saltna;+ imma ma setgħu jsibu assolutament ebda ħaġa jew korruzzjoni fuqiex jixluh, ladarba hu kien taʼ min jafdah u ma nstabet fih assolutament ebda traskuraġni jew korruzzjoni.+ 5 Għaldaqstant, dawn l-irġiel b’saħħithom qalu: “Ma se nsibu assolutament ebda ħaġa fuqiex nixlu lil dan Danjel, ħlief li se jkollna nsibu xi ħaġa kontrih fil-liġi t’Alla tiegħu.”+

6 Għaldaqstant, dawn l-uffiċjali għoljin u s-satrapi daħlu bħala ġemgħa għand is-sultan,+ u qalulu hekk: “O Darju s-sultan, jalla tgħix għal dejjem.+ 7 L-uffiċjali għoljin kollha tas-saltna, il-prefetti, is-satrapi, l-uffiċjali għoljin u rjali, u l-gvernaturi ftiehmu bejniethom biex jistabbilixxu statut irjali+ u jinforzaw interdett, li kulmin jitlob lil xi alla jew bniedem fi żmien tletin jum ħlief lilek, O sultan, għandu jiġi mitfugħ fil-ħofra taʼ l-iljuni.+ 8 Issa, O sultan, stabbilixxi l-istatut u ffirma l-kitba,+ sabiex ma titbiddilx, skond il-liġi tal-Medin u tal-Persjani,+ li ma titħassarx.”+

9 Fi qbil maʼ dan, is-Sultan Darju ffirma l-kitba u l-interdett.+

10 Imma Danjel, malli sar jaf li l-kitba kienet ġiet iffirmata, daħal f’daru, u, bit-twieqi taʼ l-għorfa tiegħu miftuħin lejn Ġerusalemm,+ kien jinżel għarkopptejh tliet darbiet kuljum+ u jitlob+ u joffri tifħir quddiem Alla tiegħu,+ bħalma kien qed jagħmel regolarment qabel dan.+ 11 Dak il-ħin dawn l-irġiel b’saħħithom daħlu fuq Danjel u sabuh jissupplika* u jitlob bil-ħniena quddiem Alla tiegħu.+

12 Imbagħad resqu quddiem is-sultan u qalulu dwar l-interdett tiegħu: “Ma ffirmajtx int interdett li kulmin jitlob lil xi alla jew bniedem ieħor fi żmien tletin jum ħlief lilek, O sultan, għandu jiġi mitfugħ fil-ħofra taʼ l-iljuni?”+ Is-sultan wiġibhom u qalilhom: “Il-kwistjoni hi stabbilita sew skond il-liġi tal-Medin u tal-Persjani, li ma titħassarx.”+ 13 Minnufih wieġbu u qalu quddiem is-sultan: “Danjel,+ wieħed mill-eżiljati taʼ Ġuda,+ la kkalkula lilek, O sultan, u lanqas l-interdett li ffirmajt int, imma qed jitlob tliet darbiet kuljum.”+ 14 Għaldaqstant, malli s-sultan semaʼ din il-kelma, iddispjaċieh ferm,+ u għamel il-ħsieb li jeħles lil Danjel;+ u sakemm niżlet ix-xemx baqaʼ jirsisti biex jeħilsu. 15 Fl-aħħar, dawn l-irġiel b’saħħithom daħlu bħala ġemgħa għand is-sultan, u qalu lis-sultan: “Innota, O sultan, li l-liġi tal-Medin u tal-Persjani hi li kwalunkwe interdett+ jew statut li jistabbilixxi s-sultan m’għandux jitbiddel.”+

16 Għalhekk, is-sultan ordna, u huma ġabu lil Danjel u tefgħuh fil-ħofra taʼ l-iljuni.+ Is-sultan tkellem u qal lil Danjel: “Alla tiegħek li qed taqdih kontinwament, hu se jeħilsek.”+ 17 U ġabu ġebla u poġġewha fuq il-bokka tal-ħofra, u s-sultan immarkaha biċ-ċurkett tas-siġill tiegħu u biċ-ċurkett tas-siġill tal-kbarat tiegħu, sabiex xejn ma jitbiddel rigward Danjel.+

18 Imbagħad is-sultan mar fil-palazz tiegħu u għadda l-lejl isum,+ u ebda strument mużikali ma nġieb quddiemu, u n-ngħas tarlu.+ 19 Sa fl-aħħar, fiż-żerniq, is-sultan qam x’ħin sebaħ, u telaq bl-għaġla dritt lejn il-ħofra taʼ l-iljuni. 20 U hekk kif qorob lejn il-ħofra, b’leħen imnikket beda jgħajjat lil Danjel. Is-sultan tkellem u qal lil Danjel: “O Danjel, qaddej taʼ l-Alla l-ħaj, kellu l-ħila jeħilsek mill-iljuni+ Alla tiegħek li qed taqdi kontinwament?”+ 21 Fil-pront, Danjel wieġeb u qal lis-sultan: “O sultan, jalla tgħix għal dejjem. 22 Alla tiegħi+ bagħat l-anġlu tiegħu+ u għalaq ħalq l-iljuni,+ u dawn m’għamluli xejn, ladarba jien kont misjub innoċenti quddiemu;+ u quddiemek ukoll, O sultan, jien m’għamilt ebda għemil taʼ ħsara.”+

23 Imbagħad is-sultan feraħ ħafna,+ u ordna li Danjel jittellaʼ mill-ħofra. U Danjel ittellaʼ mill-ħofra, u sabu li ma ġratlu assolutament ebda ħsara, għaliex kien fada f’Alla tiegħu.+

24 U s-sultan ordna, u ġabulu lil dawk l-irġiel b’saħħithom li kienu akkużaw lil Danjel,+ u tefgħu fil-ħofra taʼ l-iljuni lilhom,+ lil uliedhom, u lin-nisa tagħhom;+ u dawn lanqas biss laħqu messew qiegħ il-ħofra li ma qabżux fuqhom l-iljuni u farrkulhom għadamhom kollu.+

25 Imbagħad is-Sultan Darju kiteb lill-popli, lill-ġnus, u lill-ilsna kollha li qed jgħammru fuq l-art kollha:+ “Jalla sliemkom joktor fuq li joktor!+ 26 Mingħandi ħarġet ordni+ li, f’kull dominju taʼ saltnati, in-nies għandhom jitriegħdu u jibżgħu quddiem l-Alla taʼ Danjel.+ Għax hu l-Alla l-ħaj u Dak li jibqaʼ għal dejjem,+ u saltnatu+ hi waħda li ma tinqeridx,+ u d-dominju tiegħu hu għal dejjem.+ 27 Hu qed isalva u jeħles+ u jwettaq sinjali u għeġubijiet fis-smewwiet+ u fuq l-art,+ għax hu salva lil Danjel minn taħt difrejn l-iljuni.”

28 U inkwantu għal dan Danjel, hu mexa ’l quddiem fis-saltna taʼ Darju+ u fis-saltna taʼ Ċiru l-Persjan.+

7 Fl-ewwel sena taʼ Belsassar,+ is-sultan taʼ Babilonja, Danjel kellu ħolma u viżjonijiet li ġew f’rasu fuq soddtu.+ Dak il-ħin hu kiteb il-ħolma+ u rrakkonta l-istorja kollha taʼ kif ġraw l-affarijiet. 2 Danjel tkellem u qal:

“Kont qed nara fil-viżjonijiet tiegħi bil-lejl, u, ara, l-erbat irjieħ+ tas-smewwiet qanqlu l-baħar vast.+ 3 U mill-baħar+ telgħu erbaʼ bhejjem enormi,+ kull waħda differenti+ mill-oħrajn.

4 “L-ewwel waħda kienet qisha ljun,+ u kellha l-ġwinħajn t’ajkla.+ Bqajt inħares sakemm ġwinħajha ġew imqaċċtin, u ġiet merfugħa ’l fuq mill-art+ u mġiegħla tieqaf fuq żewġ saqajn sewwasew bħal bniedem, u ngħatat il-qalb taʼ bniedem.+

5 “U, ara, bhima oħra, it-tieni waħda, li kienet qisha ors.+ U fuq ġenb wieħed ġiet merfugħa ’l fuq,+ u kien hemm tliet kustilji f’ħalqha bejn snienha; u kienu qed jgħidulha dan, ‘Qum, kul ħafna laħam.’+

6 “Imbagħad bqajt inħares, u, ara, bhima oħra, qisha leopard,+ imma fuq daharha kellha erbaʼ ġwienaħ taʼ ħliqa li ttir. U l-bhima kellha erbat irjus,+ u tabilħaqq li ngħatat ħakma.

7 “Imbagħad bqajt inħares fil-viżjonijiet tal-lejl, u, ara, ir-rabaʼ bhima, tal-biżaʼ u terribbli u b’saħħitha iktar mis-soltu.+ U kellha snien kbar tal-ħadid. Kienet qed tiblaʼ u tfarrak, u dak li kien jibqaʼ kienet qed tisħqu b’saqajha. U kienet differenti mill-bhejjem l-oħrajn kollha taʼ qabilha, u kellha għaxart iqrun.+ 8 U bqajt inħares sew lejn il-qrun, u, ara, qarn ieħor, wieħed żgħir,+ telaʼ bejniethom, u tlieta mill-ewwel qrun tqaċċtu minn quddiemu. U, ara, kien hemm għajnejn bħall-għajnejn taʼ bniedem f’dan il-qarn, u fomm jitkellem affarijiet arroganti.+

9 “Bqajt inħares sakemm tqiegħdu tronijiet+ u x-Xiħ fil-Jiem+ qagħad bil-qiegħda. Ħwejġu kienu bojod bħas-silġ,*+ u xagħar rasu kien bħas-suf nadif.+ It-tron tiegħu kien fjammi tan-nar;+ ir-roti tiegħu kienu nar iħeġġeġ.+ 10 Kien hemm nixxiegħa tan-nar tgelgel u ħierġa minn quddiemu.+ Kien hemm elf eluf li kienu jaqduh kontinwament,+ u għaxart elef għal għaxart elef darba li kienu weqfin quddiemu.+ Il-Qorti+ qagħdet, u l-kotba nfetħu.

11 “Bqajt inħares dak il-ħin minħabba l-ħoss tal-kliem arroganti li kien qed jgħid il-qarn;+ bqajt inħares sakemm il-bhima nqatlet u ġisimha ġie mitfugħ fin-nar iħeġġeġ u nqered.+ 12 Imma inkwantu għall-bqija tal-bhejjem,+ il-ħakmiet tagħhom ittiħdulhom, u ħajjithom ġiet imtawla sal-ħin u l-waqt.+

13 “Bqajt inħares fil-viżjonijiet tal-lejl, u, ara, mas-sħab+ tas-smewwiet kien ġej xi ħadd bħal bin il-bniedem;+ u dan ngħata l-permess li jidħol quddiem ix-Xiħ fil-Jiem,+ u ressquh qrib dan il-Wieħed.+ 14 U lilu ngħataw ħakma,+ dinjità,+ u saltna,+ sabiex il-popli, il-ġnus, u l-lingwi jaqdu kollha lilu.+ Il-ħakma tiegħu hi ħakma li tibqaʼ għal dejjem* u li ma tgħaddix, u saltnatu, waħda li ma tinqeridx.+

15 “Jien, Danjel, ħassejt l-ispirtu tiegħi ġo fija mnikket minħabba dan, u l-viżjonijiet li ġewni f’rasi bdew ibeżżgħuni.+ 16 Jien ersaqt ħdejn wieħed minn dawk li kienu weqfin, sabiex nitolbu tagħrif taʼ min jorbot fuqu dwar dan kollu.+ U, hekk kif issokta jgħarrafni bl-interpretazzjoni taʼ dawn l-affarijiet, hu qalli,

17 “‘Inkwantu għal dawn il-bhejjem enormi, peress li huma erbgħa,+ hemm erbaʼ slaten li se jqumu mill-art.+ 18 Imma l-qaddisin+ tas-Suprem+ se jirċievu s-saltna, u se jieħdu f’idejhom is-saltna+ għal dejjem, saħansitra għal dejjem taʼ dejjem.’

19 “Imbagħad jien xtaqt naċċerta ruħi dwar ir-rabaʼ bhima, li kienet differenti mill-oħrajn kollha, tal-biżaʼ b’mod straordinarju, li snienha kienu tal-ħadid u d-dwiefer tagħha kienu tar-ram aħmar, li kienet qed tiblaʼ u tfarrak, u li kienet qed tisħaq b’saqajha dak li kien jibqaʼ;+ 20 u dwar l-għaxart iqrun li kienu fuq rasha,+ u l-qarn l-ieħor+ li telaʼ u li quddiemu waqgħu tlieta,+ dak il-qarn li kellu l-għajnejn u fomm li jgħid affarijiet arroganti,+ u li d-dehra tiegħu kienet akbar minn dik taʼ l-oħrajn.

21 “Bqajt inħares meta dak l-istess qarn iggwerra kontra l-qaddisin, u kien qed jegħlibhom,+ 22 sakemm ġie x-Xiħ fil-Jiem+ u l-ġudizzju ngħata favur il-qaddisin tas-Suprem,+ u wasal iż-żmien definit li fih il-qaddisin ħadu s-saltna f’idejhom.+

23 “Hekk qal, ‘Inkwantu għar-rabaʼ bhima, fuq l-art se jkun hemm ir-rabaʼ saltna, li se tkun differenti mis-saltniet l-oħrajn kollha; u se tiblaʼ l-art kollha u se tgħaffiġha u tfarrakha.+ 24 U inkwantu għall-għaxart iqrun, minn dik is-saltna għad iqumu għaxar slaten;+ u jerġaʼ ieħor għad iqum warajhom, u hu se jkun differenti minn dawk taʼ l-ewwel,+ u se jumilja lil tliet slaten.+ 25 U se jgħid kliem saħansitra kontra l-Iktar Għoli,+ u se jattakka kontinwament lill-qaddisin tas-Suprem.+ U se jkollu f’moħħu li jbiddel iż-żminijiet+ u l-liġi,+ u se jingħatawlu f’idu għal żmien, żminijiet, u nofs żmien.+ 26 U l-Qorti qagħdet,+ u l-ħakma tiegħu stess fl-aħħar ħaduhielu, sabiex iġibuh fix-xejn u jeqirduh għalkollox.+

27 “‘U s-saltna u l-ħakma u l-kobor tas-saltniet taħt is-smewwiet kollha ngħataw lin-nies li huma l-qaddisin tas-Suprem.+ Saltnathom hi saltna li tibqaʼ għal dejjem,+ u l-ħakmiet kollha jaqdu u jobdu lilhom.’+

28 “Hawnhekk jintemm dak li rajt u smajt. U jien, Danjel, ħsibijieti stess baqgħu jbeżżgħuni ħafna, u b’hekk il-kulur taʼ wiċċi tbiddilli; imma dak li rajt u smajt żammejtu f’qalbi.”+

8 Fit-tielet sena tar-renju tas-Sultan Belsassar,+ jien, Danjel, iva, jien, kelli viżjoni oħra wara dik li kelli fil-bidu.+ 2 U bdejt nara fil-viżjoni; u ġara, waqt li kont qed nara, li jien kont fil-kastell taʼ Susan,+ li qiegħed fil-provinċja t’Għelam;+ u bdejt nara fil-viżjoni, u sibt ruħi ħdejn il-kanal taʼ l-ilma t’Ulaj.+ 3 Meta rfajt għajnejja ħarist, u rajt muntun+ wieqaf quddiem il-kanal taʼ l-ilma, u kellu żewġt iqrun. U ż-żewġt iqrun kienu twal, imma wieħed kien itwal mill-ieħor, u l-itwal kien dak li telaʼ wara.+ 4 Rajt il-muntun jagħti bi qrunu lejn il-punent u lejn it-tramuntana u lejn in-nofsinhar, u ebda bhima salvaġġa ma baqgħet wieqfa quddiemu, u ma kien hemm ħadd li ħeles minn taħt idejh.+ U għamel li ried, u tkabbar.

5 U jien, min-naħa tiegħi, bqajt inħares sew, u, ara, kien hemm bodbod+ ġej minn inżul ix-xemx fuq wiċċ l-art kollha, u ma kienx qed imiss maʼ l-art. U l-bodbod kellu qarn li jispikka bejn għajnejh.+ 6 U baqaʼ ġej dritt għal fuq il-muntun li kellu ż-żewġt iqrun u li kont rajt wieqaf quddiem il-kanal taʼ l-ilma; u ġie jiġri lejh b’dagħdigħa kbira fuqu.

7 U rajtu riesaq qrib il-muntun, u beda juri mibegħda lejh, u ħebb għall-muntun u kissirlu ż-żewġt iqrun tiegħu, u l-muntun ma kellu ebda qawwa fih biex jieqaf quddiemu. Għalhekk, tefgħu maʼ l-art u għaffġu taħt saqajh, u l-muntun ma kellu lil ħadd biex jeħilsu minn taħt idejh.+

8 U l-bodbod, min-naħa tiegħu, tkabbar b’mod estrem;+ imma malli sar setgħan, il-qarn il-kbir inkiser, u minfloku telgħu erbgħa li jispikkaw, lejn l-erbat irjieħ tas-smewwiet.+

9 U minn wieħed minnhom ħareġ qarn ieħor, wieħed żgħir,+ u baqaʼ jikber dejjem iktar lejn in-nofsinhar u lejn tlugħ ix-xemx u lejn id-Dekorazzjoni.+ 10 U baqaʼ jikber dejjem iktar sakemm wasal sa l-armata tas-smewwiet,+ tant li ġiegħel lil xi wħud mill-armata u lil xi wħud mill-kwiekeb+ jaqgħu lejn l-art, u beda jgħaffiġhom taħt saqajh.+ 11 U baqaʼ jitkabbar sakemm wasal sal-Prinċep+ taʼ l-armata, u mingħandu ttieħed is-sagrifiċċju offrut regolarment,+ u l-post stabbilit tas-santwarju tiegħu ġġarraf.+ 12 U minħabba l-ksur tal-liġi,+ l-armata ngħatat f’idejh bil-mod il-mod,+ flimkien mas-sagrifiċċju offrut regolarment;+ u baqaʼ jixħet il-verità+ lejn l-art,+ u aġixxa u kellu suċċess.+

13 U smajt lil ċertu wieħed qaddis+ jitkellem, u qaddis ieħor qal lil dak il-wieħed li kien qed jitkellem: “Kemm se tkun twila l-viżjoni tas-sagrifiċċju offrut regolarment+ u tal-ksur tal-liġi li qed iġib ħerba,+ u kemm se jdumu jitgħaffġu taħt is-saqajn kemm il-post qaddis u kemm l-armata?”+ 14 Għalhekk, qalli: “Sa elfejn u tliet mitt għaxija u għodwa; u l-post qaddis jinġieb fil-kundizzjoni xierqa tiegħu.”+

15 Imbagħad ġara li, waqt li jien, Danjel, kont qed nara l-viżjoni u nipprova nifhem,+ ara, kien hemm bil-wieqfa faċċata tiegħi xi ħadd li kellu dehra taʼ raġel b’saħħtu.+ 16 U bdejt nismaʼ leħen taʼ bniedem f’nofs l-Ulaj,+ u hu għajjat u qal: “Gabrijel,*+ ġiegħel lil dak li hemm hemmhekk jifhem dak li ra.”+ 17 Għalhekk, ġie ħdejja fejn kont wieqaf, imma meta ġie twerwirt u nxtħett wiċċi fl-art. U qalli: “Ifhem,+ O bin il-bniedem,+ li l-viżjoni hi għal żmien it-tmiem.”+ 18 U waqt li kien qed ikellimni, irqadt fil-fond wiċċi maʼ l-art.+ Għalhekk, messni u ġegħelni nqum bil-wieqfa fejn kont wieqaf qabel.+ 19 U ssokta jgħidli: “Ara! Qed inġiegħlek tkun taf x’se jseħħ fl-aħħar parti tal-kundanna, għaliex hi għaż-żmien stabbilit tat-tmiem.+

20 “Il-muntun li rajt int u li kellu ż-żewġt iqrun jirrappreżenta lis-slaten tal-Medja u tal-Persja.+ 21 U l-bodbod sufi jirrappreżenta lis-sultan tal-Greċja;+ u l-qarn il-kbir li kien bejn għajnejh jirrappreżenta lill-ewwel sultan.+ 22 U peress li dan il-wieħed inkiser, u b’hekk kien hemm erbgħa li fl-aħħar qamu minfloku,+ minn ġensu se jqumu erbaʼ saltniet, imma ma jkollhomx il-qawwa tiegħu.

23 “U fl-aħħar parti taʼ saltnathom, hekk kif dawk li jiksru l-liġi jilħqu l-milja taʼ dnubiethom, iqum sultan wiċċu feroċi u jifhem il-kliem komplikat.+ 24 U l-qawwa tiegħu ssir setgħana, imma mhux bil-qawwa tiegħu stess.+ U b’mod taʼ l-għaġeb se jikkaġuna rovina,+ u se jkollu suċċess u jaħdem b’mod effettiv. U se jeqred lis-setgħanin, kif ukoll lill-poplu tal-qaddisin.+ 25 U bid-dehen tiegħu l-qerq se jirnexxi f’idu.+ U se jitkabbar f’qalbu,+ u meta ma jkunx hemm ansjetà+ jeqred lil ħafna. U jqum kontra l-Prinċep tal-prinċpijiet,+ u se jitkisser imma mhux bl-id taʼ bniedem.+

26 “U dak li deher dwar l-għaxija u l-għodwa, dak li ntqal, hu veru.+ U int, min-naħa tiegħek, żommha sigrieta l-viżjoni, għax għad iridu jgħaddu ħafna jiem.”+

27 U jien, Danjel, ħassejtni bla saħħa u mradt għal xi jiem.+ Imbagħad qomt u għamilt ix-xogħol tas-sultan;+ imma bqajt imbellah b’dak li rajt, u ma kien hemm ħadd li fehemha.+

9 Fl-ewwel sena taʼ Darju,+ bin Aħasweru, minn nisel il-Medin,+ li kien sultan fuq is-saltna tal-Kaldin;+ 2 fl-ewwel sena li beda jsaltan, jien, Danjel, indunajt mill-kotba bl-għadd tas-snin li dwarhom Ġeħova kien kellem lill-profeta Ġeremija,+ biex titwettaq il-ħerba taʼ Ġerusalemm,+ jiġifieri, sebgħin sena.+ 3 U dawwart wiċċi+ lejn Ġeħova, l-Alla l-veru, sabiex infittxu bit-talb,+ bis-suppliki,* bis-sawm, bl-ilbies taʼ l-ixkora, u bl-irmied.+ 4 U bdejt nitlob lil Ġeħova Alla tiegħi u nistqarr u ngħid:+

“Ah! Ġeħova, l-Alla l-veru, il-Wieħed kbir+ li jqanqal il-biżaʼ, li jħares il-patt+ u l-qalb tajba bl-imħabba+ maʼ dawk li jħobbuh u li jħarsu l-kmandamenti tiegħu,+ 5 aħna dnibna+ u żbaljajna u aġixxejna bil-ħażen u rribellajna;+ u tbegħedna mill-kmandamenti tiegħek u mid-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek.+ 6 U ma tajniex widen lill-qaddejja tiegħek il-profeti,+ li f’ismek kellmu lis-slaten tagħna, lill-prinċpijiet tagħna, lil missirijietna, u lin-nies kollha tal-pajjiż.+ 7 O Ġeħova, tiegħek hu s-sewwa, imma tagħna l-mistħija tal-wiċċ, kif ninsabu llum,+ aħna n-nies taʼ Ġuda u l-abitanti taʼ Ġerusalemm u l-Israelin kollha, dawk qrib u dawk ’il bogħod fil-pajjiżi kollha li xerridthom fihom minħabba l-infedeltà tagħhom li biha aġixxew kontrik.+

8 “O Ġeħova, tagħna hi l-mistħija tal-wiċċ, tas-slaten tagħna, tal-prinċpijiet tagħna, u taʼ missirijietna, għaliex dnibna kontrik.+ 9 Taʼ Ġeħova Alla tagħna huma l-ħniniet+ u l-atti taʼ maħfra,+ għax aħna rribellajna kontrih.+ 10 U ma smajniex minn leħen Ġeħova Alla tagħna biex nimxu mal-liġijiet tiegħu li qegħdilna quddiemna permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti.+ 11 L-Israelin kollha kisru l-liġi tiegħek, u tbiegħdu minnek billi ma semgħux minn leħnek,+ u b’hekk int sawwabt fuqna s-saħta msaħħa bil-ħalfa+ li hi miktuba fil-liġi taʼ Mosè, il-qaddej taʼ l-Alla l-veru, għax dnibna kontra Tiegħu. 12 U wettaq kliemu li kien lissen kontrina+ u kontra l-imħallfin tagħna li ġġudikawna,+ billi ġab fuqna gwaj kbir, li bħalu qatt ma sar taħt is-smewwiet kollha bħal dak li sar f’Ġerusalemm.+ 13 Bħalma hu miktub fil-liġi taʼ Mosè,+ ġie fuqna dan il-gwaj kollu,+ u ma taffejniex il-korla* taʼ Ġeħova Alla tagħna billi dorna lura mill-iżball tagħna+ u billi wrejna d-dehen skond il-verità tiegħek.+

14 “U Ġeħova qagħad għassa għall-gwaj u fl-aħħar ġabu fuqna,+ għax Ġeħova Alla tagħna hu ġust fl-għemejjel kollha tiegħu li għamel; u aħna ma smajniex minn leħnu.+

15 “U issa, O Ġeħova Alla tagħna int li b’id b’saħħitha+ ħriġt lill-poplu tiegħek mill-art taʼ l-Eġittu u għamilt isem għalik innifsek, bħalma hu llum,+ aħna dnibna+ u aġixxejna bil-ħażen. 16 O Ġeħova, skond l-atti kollha taʼ ġustizzja tiegħek,+ jekk jogħġbok, reġġaʼ lura r-rabja tiegħek u l-korla tiegħek mill-belt tiegħek Ġerusalemm, il-muntanja qaddisa tiegħek;+ għax, minħabba dnubietna u minħabba l-iżbalji taʼ missirijietna,+ Ġerusalemm u l-poplu tiegħek huma mżebilħin minn dawk kollha taʼ madwarna.+ 17 U issa, O Alla tagħna, agħti widen għat-talba tal-qaddej tiegħek u għas-suppliki tiegħu, u minħabba ismek, O Ġeħova, agħmel li wiċċek jiddi+ fuq is-santwarju tiegħek li sar ħerba.+ 18 Mejjel widintek, O Alla tiegħi, u ismaʼ.+ Iftaħ għajnejk u ara l-kundizzjonijiet taʼ ħerba li ninsabu fihom aħna u l-belt li fuqha ssejjaħ ismek;+ għax aħna qed inwasslu s-suppliki tagħna quddiemek+ mhux minħabba l-atti ġusti tagħna imma minħabba l-ħniena kbira tiegħek.+ 19 Ismaʼ,+ O Ġeħova. Aħfer,+ O Ġeħova. Agħti kas u aġixxi,+ O Ġeħova. Iddumx,+ minħabba ġieħek stess, O Alla tiegħi, għax ismek issejjaħ fuq il-belt tiegħek u fuq il-poplu tiegħek.”+

20 Waqt li kont għadni qed nitkellem u nitlob u nistqarr dnubi+ u d-dnub tal-poplu tiegħi Israel+ u nħalli s-supplika tiegħi tasal quddiem Ġeħova Alla tiegħi dwar il-muntanja qaddisa+ t’Alla tiegħi, 21 u waqt li kont għadni qed ngħid it-talba, ara, ir-raġel Gabrijel,+ li kont rajt fil-viżjoni fil-bidu,+ għajjien għall-aħħar wasal ħdejja fil-ħin taʼ l-offerta taʼ fil-għaxija li ssir bħala għotja.+ 22 U, biex ifehemni, kellimni u qalli:

“O Danjel, issa jien ġejt biex nagħtik id-dehen u l-abbiltà li tifhem.+ 23 Fil-bidu tas-suppliki tiegħek ħarġet kelma, u jien ġejt biex inħabbarhielek, għaliex int maħbub ferm.+ Għalhekk, ikkunsidra l-kwistjoni,+ u ifhem dak li rajt.

24 “Sebgħin ġimgħa ġew determinati għall-poplu tiegħek+ u għall-belt qaddisa+ tiegħek, sabiex jintemm il-ksur tal-liġi,+ biex jispiċċa d-dnub,+ biex jitpatta l-iżball,+ biex jinġieb is-sewwa għal dejjem,+ biex jiġu timbrati b’siġill+ il-viżjoni u l-profeta, u biex jiġi konsagrat* il-Qaddis tal-Qaddisin.*+ 25 U int għandek tkun taf u jkollok id-dehen li mill-ħruġ tal-kelma+ biex Ġerusalemm tiġi restawrata u mibnija mill-ġdid+ sal-Messija+ l-Mexxej,+ ikun hemm sebaʼ ġimgħat, kif ukoll tnejn u sittin ġimgħa.+ Hi terġaʼ lura u fil-fatt tinbena mill-ġdid, bi pjazza u foss, imma fi żminijiet imwiegħra.

26 “U wara t-tnejn u sittin ġimgħa l-Messija se jinqatel,+ u xejn ma jkollu għalih innifsu.+

“U l-poplu taʼ mexxej li għandu jiġi se jagħmilhom ħerba+ l-belt u l-post qaddis.+ U tmiemu jkun bl-għargħar. U sat-tmiem ikun hemm il-gwerer; u ħerba hi dik li ġiet deċiża.+

27 “U hu jrid iżomm il-patt+ jaħdem għall-ħafna għal ġimgħa waħda;+ u f’nofs din il-ġimgħa se jtemm is-sagrifiċċju u l-offerta li ssir bħala għotja.+

“U fuq il-ġewnaħ taʼ l-affarijiet moqżieża jkun hemm dak li jġib ħerba;+ u sakemm ikun hemm qerda għalkollox, dak li ġie deċiż se jissawwab ukoll fuq dak li jinsab ħerba.”+

10 Fit-tielet sena taʼ Ċiru,+ is-sultan tal-Persja, kien hemm messaġġ rivelat lil Danjel, li semmewh Beltesassar;+ u l-messaġġ kien veru u kien jinvolvi servizz militari kbir.+ U hu fehem il-messaġġ, u kien jifhem dak li jara.+

2 F’dawk il-jiem jien, Danjel, kont imnikket+ għal tliet ġimgħat sħaħ. 3 Ħobż bnin ma kiltx, u ebda laħam jew inbid ma daħal f’ħalqi, u bl-ebda mod ma ndlikt sakemm intemmew it-tliet ġimgħat sħaħ.+ 4 U fl-erbgħa u għoxrin taʼ l-ewwel xahar, waqt li jien kont f’xatt ix-xmara l-kbira, jiġifieri, il-Ħiddekel,+ 5 erfajt għajnejja u ħarist, u, ara, kien hemm wieħed raġel liebes l-għażel,+ b’ġenbejh+ imħażżmin bid-deheb t’Ufaż.+ 6 U ġismu kien bħall-krisolitu,+ wiċċu bħad-dehra taʼ berqa,+ għajnejh bħal torċi tan-nar,+ dirgħajh u saqajh kienu bħad-dehra taʼ ram aħmar ileqq,+ u l-ħoss taʼ kliemu kien bħall-ħoss taʼ folla. 7 U jien, Danjel, rajt din id-dehra waħdi; imma l-irġiel li kienu miegħi ma rawhiex id-dehra.+ Madankollu, qabdithom rogħda kbira, u b’hekk telqu jiġru biex jistaħbew.

8 U jien—jien bqajt waħdi, u rajt din id-dehra kbira. U ma kien baqaʼ fija ebda saħħa, u d-dinjità li kelli fuqi tbiddlet u spiċċat fix-xejn, u ma kienx baqagħli saħħa.+ 9 U bdejt nismaʼ l-ħoss taʼ kliemu; u waqt li kont qed nismaʼ l-ħoss taʼ kliemu, irqadt fil-fond+ fuq wiċċi, b’wiċċi maʼ l-art.+ 10 U, ara, kien hemm id li messitni,+ u bil-mod il-mod ċaqalqitni biex inqum fuq irkopptejja u l-pali taʼ idejja. 11 U qalli:

“O Danjel, raġel maħbub ħafna,+ ifhem il-kliem li qed ngħidlek,+ u qum bil-wieqfa fejn kont wieqaf qabel, għax jien issa ntbgħatt għandek.”

U meta qalli din il-kelma, qomt bil-wieqfa, nirtogħod.

12 U ssokta jgħidli: “Tibżax,+ O Danjel, għax sa mill-ewwel jum li daħħalt f’qalbek li tifhem+ u tumilja ruħek quddiem Alla tiegħek+ kliemek instemaʼ, u jien ġejt minħabba kliemek.+ 13 Imma l-prinċep+ tat-territorju rjali tal-Persja+ waqaf kontrija+ għal wieħed u għoxrin ġurnata, u, ara, Mikiel,*+ wieħed mill-prinċpijiet ewlenin,+ ġie jgħinni; u jien, min-naħa tiegħi, bqajt hemmhekk maġenb is-slaten tal-Persja.+ 14 U ġejt inġiegħlek tifhem x’se jiġrilu l-poplu tiegħek+ fl-aħħar parti tal-jiem,+ għaliex din hija viżjoni+ għall-jiem li għad iridu jiġu.”+

15 Issa meta qalli dan il-kliem, baxxejt wiċċi lejn l-art+ u tbikkimt. 16 U, ara, wieħed li jixbah lil ulied il-bnedmin beda jmissli xofftejja,+ u ftaħt fommi u tkellimt+ u għedt lil dak li kien wieqaf quddiemi: “O sidi,+ minħabba d-dehra bdew jagħtuni l-aċċessjonijiet, u ma kienx baqagħli saħħa.+ 17 Mela, kif setaʼ l-qaddej taʼ sidi jitkellem maʼ sidi?+ U jien s’issa ma kelli fija ebda saħħa, u assolutament ebda nifs ma kien baqaʼ fija.”+

18 U dak li kellu d-dehra taʼ bniedem taʼ l-art reġaʼ messni u saħħaħni.+ 19 Imbagħad qalli: “Tibżax,+ O raġel maħbub ħafna.+ Is-sliem għalik.+ Agħmel il-ħila, iva, agħmel il-ħila.”+ U malli kellimni ħadt saħħti u fl-aħħar għedtlu: “Ħa jitkellem sidi,+ għaliex int saħħaħtni.”+ 20 Għalhekk, issokta jgħidli:

“Taf int tassew għala ġejt għandek? U issa se mmur lura biex niġġieled mal-prinċep tal-Persja.+ Meta nkun sejjer, ara, il-prinċep tal-Greċja jiġi wkoll.+ 21 Madankollu, se ngħidlek l-affarijiet miktubin fil-kitba tal-verità,+ u m’hemm ħadd li qed jappoġġani bis-saħħa f’dan ħlief Mikiel,+ il-prinċep tagħkom.+

11 “U inkwantu għalija, fl-ewwel sena taʼ Darju, il-Medi,+ jien qomt biex insaħħu u nkun bħala fortizza għalih. 2 U issa se ngħidlek x’inhi l-verità:+

“Ara! Għad ikun hemm tliet slaten li jqumu fil-Persja,+ u r-rabaʼ wieħed+ jiġmaʼ iktar rikkezzi mill-oħrajn kollha.+ U malli jsir b’saħħtu bir-rikkezzi tiegħu, hu jqum b’kulma għandu kontra s-saltna tal-Greċja.+

3 “U jqum sultan setgħan u jaħkem b’dominju mifrux+ u jagħmel li jrid.+ 4 U meta jkun qam,+ saltnatu titkisser u titqassam maʼ l-erbat irjieħ+ tas-smewwiet,+ imma mhux lid-dixxendenti tiegħu+ u mhux skond id-dominju li jkun ħakem bih hu; għaliex saltnatu tinqalaʼ mill-għeruq, iva, għal oħrajn minbarra dawn.

5 “U s-sultan tan-nofsinhar, jiġifieri, wieħed mill-prinċpijiet tiegħu, isir b’saħħtu; u jegħlbu u jaħkem b’dominju mifrux, akbar mill-qawwa li jaħkem biha dak il-wieħed.

6 “U wara xi snin jissieħbu flimkien, u bint is-sultan tan-nofsinhar tmur għand is-sultan tat-tramuntana sabiex tagħmel ftehim. Imma mhux se żżomm il-qawwa taʼ driegħha;+ u la hu u lanqas driegħu ma jibqgħu weqfin; u hi tingħata f’idejh, hi nfisha, u wkoll dawk li jġibuha, u dak li nissilha, u dak li jsaħħaħha f’dawk iż-żminijiet. 7 U wieħed mir-rimja+ t’għeruqha jqum fil-pożizzjoni tiegħu,* u jiġi lejn il-qawwa militari u jiġi kontra l-fortizza tas-sultan tat-tramuntana u ċertament li jaġixxi kontrihom u joħroġ rebbieħ. 8 U jmur l-Eġittu bl-allat tagħhom,+ bix-xbihat tagħhom magħmulin minn metall imdewweb, bl-oġġetti mixtiqin tagħhom tal-fidda u tad-deheb, u bl-imjassrin. U għal xi snin iżomm ’il bogħod mis-sultan tat-tramuntana.

9 “U fil-fatt jidħol fis-saltna tas-sultan tan-nofsinhar u mbagħad imur lura lejn artu.

10 “Issa inkwantu għal uliedu,* dawn jitqanqlu u fil-fatt jiġbru flimkien kotra taʼ qawwiet militari kbar ħafna. U jiġi u javanza u jgħarraq u jibqaʼ għaddej. Imma jmur lura, u jitqanqal u jitqabad it-triq kollha sal-fortizza tiegħu.

11 “U s-sultan tan-nofsinhar isir mgħaddab u joħroġ jiġġieled miegħu, jiġifieri, mas-sultan tat-tramuntana; u miegħu tqum folla kbira, u l-folla tingħata f’idejn dak il-wieħed.+ 12 U l-folla tinġarr lil hinn. Qalbu titkabbar,+ u jġiegħel lil għaxriet t’eluf jaqgħu; imma ma jużax il-pożizzjoni b’saħħitha tiegħu.

13 “U s-sultan tat-tramuntana jiġi lura u jwaqqaf folla akbar minn dik tal-bidu; u fi tmiem perijodu taʼ żmien, xi snin, hu jiġi, u dan jagħmlu b’qawwa militari kbira+ u b’ammont kbir taʼ ġid.+ 14 U f’dawk iż-żminijiet ikun hemm ħafna li jqumu kontra s-sultan tan-nofsinhar.

“U l-uħud vjolenti minn fost il-poplu tiegħek iqumu u jipprovaw iwettqu viżjoni;+ imma ma jirnexxilhomx.+

15 “U s-sultan tat-tramuntana jiġi u jibni rampa għall-assedju+ u fil-fatt jirbaħ belt bil-fortifikazzjonijiet. U d-dirgħajn* tan-nofsinhar ma jżommux weqfin, lanqas il-poplu tal-magħżulin tiegħu; u ma jkollhom ebda qawwa biex iżommu weqfin. 16 U dak li jiġi kontra tiegħu jagħmel li jrid, u ma jkun hemm ħadd li jżomm wieqaf quddiemu. U hu jieqaf fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni,+ u jkun hemm qerda għalkollox minn idu.+ 17 U jwaħħalha f’rasu+ li jiġi bil-forza tas-saltna kollha tiegħu, u jkun hemm ftehim+ miegħu; u jaġixxi b’mod effettiv.+ U inkwantu għal bint in-nisa, jingħatalu li jeqridha. U mhix se tibqaʼ wieqfa, u ma tibqax tkun tiegħu.+ 18 U jdawwar wiċċu lura lejn l-artijiet taʼ mal-baħar+ u jieħu lil ħafna minnhom taħt idejh. U kmandant iwaqqaf l-għajb mingħandu għalih innifsu, sabiex l-għajb tiegħu ma jkunx fuqu. Hu jreġġgħu lura għal fuq dak il-wieħed. 19 U jdawwar wiċċu lura lejn il-fortizzi taʼ pajjiżu stess, u jitfixkel u jaqaʼ, u mhux se jinstab.+

20 “U fil-pożizzjoni tiegħu jqum wieħed+ li jġiegħel lil uffiċjal tat-taxxi+ jgħaddi mis-saltna taʼ ġmiel li ma bħalu, u fi ftit jiem jitkisser, imma mhux fir-rabja u lanqas fit-taqbid.

21 “U fil-pożizzjoni tiegħu jqum wieħed li għandu jiġi mistmerr,+ u m’humiex se jagħtuh id-dinjità tas-saltna; u jidħol meta ma jkunx hemm ansjetà+ u jaħtaf is-saltna permezz tat-tmellis.+ 22 U inkwantu għad-dirgħajn+ taʼ l-għargħar, dawn jiġu mgħarrqin minħabba fih, u jiġu mkissrin;+ bħalma jiġrilu wkoll+ il-Mexxej+ tal-patt.+ 23 U peress li jissieħbu miegħu, hu jimxi bil-qerq u fil-fatt jitlaʼ u jsir setgħan permezz taʼ ġens żgħir.+ 24 Meta ma jkunx hemm ansjetà,+ jidħol saħansitra fl-aħjar parti tal-provinċja u fil-fatt jagħmel dak li m’għamlux missirijietu u missirijiet missirijietu. Serq, priża, u ġid iqassmilhom; u kontra l-postijiet fortifikati hu jfassal il-proġetti tiegħu,+ imma sa xi żmien biss.

25 “U jqanqal il-qawwa tiegħu u jagħmel il-qalb kontra s-sultan tan-nofsinhar b’qawwa militari kbira; u s-sultan tan-nofsinhar, min-naħa tiegħu, jitqanqal għall-gwerra b’qawwa militari kbira u setgħana wisq. U hu* ma jżommx wieqaf, għaliex huma jfasslu proġetti kontrih. 26 U jkissruh dawk stess li jieklu l-ikel mill-aqwa tiegħu.

“U inkwantu għall-qawwa militari tiegħu, din tiġi mgħarrqa, u ħafna jaqgħu maqtulin.

27 “U rigward dawn iż-żewġ slaten, qalbhom tkun inklinata li tagħmel dak li hu ħażin, u fuq mejda waħda+ jibqgħu jgħidu l-gideb.+ Imma xejn ma jirnexxi,+ għaliex it-tmiem ikun għadu ma wasalx iż-żmien stabbilit għalih.+

28 “U hu jmur lura lejn pajjiżu b’ammont kbir taʼ ġid, u qalbu tkun kontra l-patt qaddis.+ U jaġixxi b’mod effettiv+ u jmur lura lejn pajjiżu.

29 “Hu jmur lura fiż-żmien stabbilit,+ u jmur kontra n-nofsinhar;+ imma d-darba taʼ l-aħħar ma tkunx bħal taʼ l-ewwel. 30 U jiġu kontrih l-iġfna tal- Kittim,+ u jkun imdejjaq.

“U jmur lura u jlissen akkużi+ kontra l-patt qaddis+ u jaġixxi b’mod effettiv; u hu jkollu jmur lura u jikkunsidra lil dawk li jitilqu l-patt qaddis. 31 U jkun hemm dirgħajn mibgħutin minnu li jqumu; u fil-fatt jipprofanaw is-santwarju,+ il-fortizza, u jneħħu s-sagrifiċċju offrut regolarment.+

“U huma jpoġġu f’postha l-ħaġa moqżieża+ li qed iġġib ħerba.+

32 “U dawk li qed jaġixxu bil-ħażen kontra l-patt,+ hu jdaħħalhom f’apostasija+ permezz taʼ kliem melliesi.+ Imma inkwantu għan-nies li jafu lil Alla tagħhom,+ dawn joħorġu rebbiħin+ u jaġixxu b’mod effettiv. 33 U dawk minn fost il-poplu li għandhom id-dehen+ se jgħinu lil ħafna biex ikollhom l-abbiltà li jifhmu.+ U huma jiġu mġegħlin jitfixklu bis-sejf, bil-fjamma, bil-jasar, u bis-serq,+ għal xi jiem. 34 Imma meta jiġu mġegħlin jitfixklu jiġu megħjunin bi ftit għajnuna;+ u ħafna jingħaqdu magħhom permezz tat-tmellis.+ 35 U xi wħud minn dawk li għandhom id-dehen jiġu mġegħlin jitfixklu,+ sabiex isir xogħol taʼ rfinar minħabba fihom u biex jitnaddfu u jibjadu,+ sa żmien it-tmiem;+ għaliex ikun għadu ma wasalx iż-żmien stabbilit.+

36 “U s-sultan jagħmel li jrid, u jitgħolla u jitkabbar fuq kull alla;+ u jgħid affarijiet orribbli kontra l-Alla taʼ l-allat.+ U jirnexxi sakemm tkun intemmet il-kundanna;+ għaliex dak li ġie deċiż irid isir. 37 U lill-Alla taʼ missirijietu mhux se jikkunsidrah; u x-xewqa tan-nisa u lil kull alla ieħor mhux se jikkunsidrahom, imma jitgħolla fuq kulħadd.+ 38 U fil-pożizzjoni tiegħu jagħti glorja lill-alla tal-fortizzi; u lil alla li missirijietu ma kinux jafuh jagħtih glorja permezz tad-deheb u permezz tal-fidda u permezz tal-ħaġar prezzjuż u permezz taʼ l-affarijiet taʼ valur. 39 U jaġixxi b’mod effettiv, bl-għajnuna t’alla barrani, kontra l-postijiet taʼ sigurtà l-iktar fortifikati. Lil kulmin irrikonoxxieh jimlieh bil-glorja, u jġiegħlu jaħkem lil ħafna; u l-art iqassamha għal prezz xieraq.

40 “U fi żmien it-tmiem, is-sultan tan-nofsinhar+ jinvolvi ruħu f’konfront miegħu, u s-sultan tat-tramuntana joħroġ b’saħna kontrih bil-karrijiet u bir-rikkieba taż-żwiemel u b’ħafna iġfna; u jidħol fil-pajjiżi u jgħarraqhom u jibqaʼ għaddej. 41 U jidħol+ ukoll fil-pajjiż tad-Dekorazzjoni,+ u jkun hemm ħafna pajjiżi li jitfixklu.+ Imma dawn huma li jeħilsuha minn taħt idejh: Edom, Mowab,+ u l-parti prinċipali minn ulied Għammon. 42 U jibqaʼ jmidd idu kontra l-pajjiżi; u inkwantu għall-art taʼ l-Eġittu,+ din mhix se teħlisha. 43 U jaħkem fuq it-teżori moħbijin tad-deheb u tal-fidda u fuq l-affarijiet taʼ valur kollha taʼ l-Eġittu. U l-Libjani u l-Etjopjani jmorru warajh.

44 “Imma jkun hemm rapporti li jħawduh,+ minn tlugħ ix-xemx+ u mit-tramuntana, u hu joħroġ b’dagħdigħa kbira fuqu sabiex iġib fix-xejn u jeqred* lil ħafna.+ 45 U jarma t-tined irjali tiegħu bejn il-baħar il-kbir u l-muntanja qaddisa tad-Dekorazzjoni;+ u jkollu jiġi t-triq kollha sa tmiemu,+ u ma jkunx hemm min jgħinu.+

12 “U matul dak iż-żmien iqum Mikiel,*+ il-prinċep il-kbir+ li jinsab wieqaf+ għan-nom taʼ wlied il-poplu tiegħek.+ U jseħħ żmien taʼ niket li bħalu qatt ma seħħ mindu kien hemm ġens sa dak iż-żmien.+ U matul dak iż-żmien il-poplu tiegħek jinħeles,+ kulmin jinstab miktub fil-ktieb.+ 2 U jkun hemm ħafna minn dawk reqdin fit-trab taʼ l-art li jistenbħu,+ min għall-ħajja taʼ dejjem*+ u min għall-għajb u għall-istmerrija+ taʼ dejjem.

3 “U dawk li għandhom id-dehen jiddu bħad-dija tal-firxa tas-sema;+ u dawk li qed iwasslu lill-ħafna lejn is-sewwa,+ bħall-kwiekeb għal żmien indefinit, iva, għal dejjem.

4 “U int, O Danjel, agħlaq il-kliem u ssiġilla l-ktieb,+ sa żmien it-tmiem.+ Ħafna jfittxu fih bir-reqqa, u l-għarfien veru jkun abbundanti.”+

5 U jien, Danjel, ħarist u, ara, kien hemm tnejn oħra weqfin,+ wieħed fuq ix-xatt taʼ lil hawn tan-nixxiegħa u l-ieħor fuq ix-xatt taʼ lil hemm tan-nixxiegħa.+ 6 Imbagħad wieħed minnhom qal lir-raġel li kien liebes l-għażel+ u li kien ’il fuq mill-ilmijiet tan-nixxiegħa: “Kemm għad baqaʼ għat-tmiem taʼ l-affarijiet taʼ l-għaġeb?”+ 7 U bdejt nismaʼ lir-raġel li kien liebes l-għażel u li kien ’il fuq mill-ilmijiet tan-nixxiegħa, hekk kif għolla idu l-leminija u idu x-xellugija lejn is-smewwiet u ħalef+ b’Dak li hu ħaj għal dejjem:+ “Dan ikun għal żmien, żminijiet u nofs żmien li ġew deċiżi.+ U malli jkun hemm it-tmiem tat-tifrik tal-qawwa tal-poplu qaddis,+ dawn l-affarijiet kollha jaslu fi tmiemhom.”

8 Issa jien smajt, imma ma stajtx nifhem;+ u b’hekk għedt: “O sidi, x’se tkun il-parti finali taʼ dawn l-affarijiet?”+

9 U hu ssokta jgħidli: “Mur, Danjel, għaliex il-kliem ngħalaq u ġie siġillat sa żmien it-tmiem.+ 10 Ħafna jnaddfu+ u jbajdu lilhom infushom+ u jiġu rfinuti.+ U l-ħżiena jaġixxu bil-ħażen,+ u assolutament ebda wieħed mill-ħżiena ma jifhem;+ imma dawk li għandhom id-dehen jifhmu.+

11 “U minn dakinhar li jkun tneħħa+ s-sagrifiċċju offrut regolarment+ u tpoġġiet il-ħaġa moqżieża+ li qed iġġib ħerba, ikun hemm elf u mitejn u disgħin jum.

12 “Hieni+ hu dak li jibqaʼ jistenna u li jasal sa l-elf u tliet mija u ħamsa u tletin jum!

13 “U int mur lejn tmiemek;+ u int tistrieħ,+ imma tqum għal sehmek fi tmiem il-jiem.”+

Ifisser “L-Imħallef Tiegħi Hu Alla.”

Minn hawnhekk sat-tmiem taʼ kapitlu 7 hu miktub bl-Aramajk.

Letteralment, “żminijiet indefiniti.” Ara Ġen 3:22, in-nota taʼ taħt.

Ara Esd 8:36, in-nota taʼ taħt, “Is-satrapi.”

Letteralment, “żmien indefinit.” Ara Ġen 3:22, in-nota taʼ taħt. F’vers 34 ukoll.

Jew, “nannuh.”

Jew, “bin ibnu.”

Ara Esd 8:36, in-nota taʼ taħt, “Is-satrapi.”

Jew, “jitlob bil-ħerqa.”

Letteralment, “bħall-borra.”

Letteralment, “żmien indefinit.” Ara Ġen 3:22, in-nota taʼ taħt. F’versi 18 u 27 ukoll.

Ifisser “Wieħed b’Saħħtu t’Alla.”

Jew, “bit-talb bil-ħerqa.”

Letteralment, “ma rattabniex il-wiċċ.”

Letteralment, “jiġi midluk.”

Jew, “l-Iktar Qaddis.” Qabbel Nu 18:10; 1Sl 6:16; 7:50; 8:6.

Ifisser “Min Hu bħal Alla?”

“Tiegħu,” milli jidher jirreferi għas-sultan tan-nofsinhar. F’vers 16 ukoll.

“Uliedu,” milli jidher jirreferu għal ulied is-sultan tat-tramuntana.

Jew, “l-armati.” F’versi 22 u 31 ukoll.

“Hu,” milli jidher jirreferi għas-sultan tat-tramuntana.

Jew, “jiddedika għall-qerda.” Ara Eżo 22:20, in-nota taʼ taħt.

Ifisser “Min Hu bħal Alla?”

Letteralment, “żmien indefinit.” Ara Ġen 3:22, in-nota taʼ taħt. Fit-tieni parti tal-vers ukoll.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja