LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Ħosea 1:1-14:9
  • Ħosea

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħosea
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Ħosea

ĦOSEA

1 Dan hu l-messaġġ li Ġeħova ta lil Ħosea* bin Begħeri fi żmien Użżija, Ġotam, Aħaż, u Ħeżekija, rejiet taʼ Ġuda, u fi żmien Ġerobogħam bin Ġowas, ir-re t’Iżrael. 2 Meta Ġeħova beda jgħid il-messaġġ tiegħu permezz taʼ Ħosea, Ġeħova qal lil Ħosea: “Mur, iżżewweġ mara li se tagħmel adulterju* u int se jkollok tfal mir-relazzjonijiet adulteri tagħha, għax hu minħabba l-adulterju li l-pajjiż waqaf għalkollox milli jaqdi lil Ġeħova.”

3 Għalhekk hu mar u żżewweġ lil Gomer bint Diblajm, u hi ħarġet tqila u wilditlu tifel.

4 Imbagħad Ġeħova qallu: “Semmih Ġeżragħel,* għax fi ftit żmien ieħor jien se nitlob kont mill-familja taʼ Ġeħu għall-qtil kollu li sar f’Ġeżragħel, u se nġib fi tmiemha s-saltna t’Iżrael. 5 Dakinhar se nkisser il-qaws t’Iżrael fil-Wied* taʼ Ġeżragħel.”

6 Hi reġgħet ħarġet tqila u kellha tifla. U Alla qallu: “Semmiha Lo-ruħama,* għax jien mhux se nibqaʼ nuri ħniena man-nies* t’Iżrael u żgur se nkeċċihom. 7 Imma se nuri ħniena man-nies* taʼ Ġuda, u jien, Ġeħova Alla tagħhom, se nsalvahom. Mhux se nsalvahom permezz tal-qaws, tax-xabla, tal-gwerra, taż-żwiemel, jew tar-rikkieba taż-żwiemel.”

8 Wara li qatgħet il-ħalib lil Lo-ruħama, hi ħarġet tqila u kellha tifel. 9 Imbagħad Alla qallu: “Semmih Lo-għammi,* għax intom m’intomx il-poplu tiegħi u jien mhux se nibqaʼ l-Alla tagħkom.

10 “U l-ammont tan-nies* t’Iżrael se jkun daqs ir-ramel tal-baħar li la jistaʼ jitkejjel u lanqas jingħadd. U fil-post fejn għedtilhom, ‘Intom m’intomx il-poplu tiegħi,’ jien se ngħidilhom, ‘Intom it-tfal tal-Alla l-ħaj.’ 11 U n-nies taʼ Ġuda u t’Iżrael se jingħaqdu flimkien u se jagħżlu għalihom mexxej wieħed u joħorġu barra mill-pajjiż. Dan se jkun jum importanti għal Ġeżragħel.

2 “Għidu lil ħutkom subien, ‘Intom il-poplu tiegħi!’*

U għidu lil ħutkom bniet, ‘Intom in-nisa li Alla juri ħniena magħhom!’*

 2 Akkużaw lil ommkom; akkużaw lilha,

Għax hi mhijiex il-mara tiegħi, u jien m’iniex ir-raġel tagħha.

Hi m’għandhiex tibqaʼ tagħmilha taʼ prostituta*

U m’għandhiex tibqaʼ tagħmel adulterju,

 3 Inkella nneżżagħha għarwiena u nagħmilha bħal dakinhar li twieldet,

Nagħmilha bħal deżert,

Inġibha bħal art bla ilma,

U nġegħelha tmut bil-għatx.

 4 Jien mhux se nuri ħniena mat-tfal tagħha,

Għax huma tfal tal-adulterju.*

 5 Għax ommhom għamlitha taʼ prostituta.*

Hi li ħarġet tqila bihom għamlet affarijiet tal-mistħija, għax qalet,

‘Se mmur wara l-maħbubin tiegħi,

Dawk li jagħtuni l-ħobż u l-ilma,

Ħwejjeġ tas-suf u tal-għażel, u żejt u xorb.’

 6 Allura se nagħlqilha triqitha bix-xewk;

U se ntellaʼ ħajt tal-ġebel biex infixkilha,

Ħalli ma tkunx tistaʼ ssib minn fejn toħroġ.

 7 Hi se tiġri wara l-maħbubin tagħha, imma mhux se tilħaqhom;

Hi se tfittixhom, imma mhux se ssibhom.

Imbagħad tgħid, ‘Se mmur lura għand żewġi,*

Għax kont aħjar dak iż-żmien milli issa.’

 8 Ma ndunatx li kont jien li tajtha ċ-ċereali,* l-inbid ġdid, u ż-żejt,

U li kont jien li tajtha ħafna fidda

U deheb, li użat biex tqim lil Bagħal.

 9 Se nieħu lura ċ-ċereali tiegħi fi żmien il-ħsad

U l-inbid ġdid fl-istaġun tiegħu,

U se naħtaf il-ħwejjeġ tas-suf u tal-għażel li kienu jgħattuha ħalli ma tkunx għarwiena.

10 Se nikxef il-partijiet privati tagħha quddiem il-maħbubin tagħha,

U ħadd minnhom mhu se jsalvaha minn taħt idejja.

11 Inġib fi tmiem il-ferħ kollu tagħha,

Il-festi, il-qamar ġdid, is-Sabat, u l-istaġuni tal-festi kollha tagħha.

12 Se neqred id-dwieli u s-siġar tat-tin tagħha, li dwarhom qalet:

‘Dawn tawhomli l-maħbubin tiegħi biex iħallsuni’;

Se nbiddilhom f’foresta,

U l-annimali slavaġ se jibilgħuhom.

13 Se nitlob kont minnha għal meta offriet sagrifiċċji lill-istatwi taʼ Bagħal,

Għal meta kienet tiżżejjen bl-imsielet u affarijiet oħra u kienet tiġri wara l-maħbubin tagħha,

Imma lili, Ġeħova, insietni.

14 Allura se nikkonvinċiha,

Se mmexxiha lejn id-deżert,

U se nkellimha biex nilħqilha qalbha.

15 Minn dak iż-żmien ’il quddiem, se nagħtiha lura l-għelieqi tad-dwieli

U l-Wied* t’Għakor, li hu bħal bieb taʼ tama;

Hemm se twiġibni bħal meta kienet żgħira,

Bħal meta kienet ħarġet mill-art tal-Eġittu.

16 U dakinhar, jien, Ġeħova, ngħidilha:

‘Int tgħajjatli, “Ir-raġel tiegħi,” u ma tibqax tgħajjatli, “Sidi.”’*

17 Mhux se nħalliha tibqaʼ ssemmi l-ismijiet tal-istatwi taʼ Bagħal,

U hi mhux se tibqaʼ tiftakarhom b’isimhom.

18 Dakinhar se nagħmel patt għall-benefiċċju tal-poplu tiegħi mal-annimali slavaġ,

Mal-għasafar, u mal-annimali li jitkaxkru;

Se neħles l-art mill-qaws, ix-xabla, u l-gwerra,

U b’hekk se jorqdu b’moħħhom mistrieħ.*

19 Se nitgħarras miegħek għal dejjem,

U nwiegħed li nittrattak tajjeb u b’mod ġust,

Se nurik imħabba* u ħniena.

20 Se nwiegħdek li nkun leali lejk,

U żgur tkun taf lili, Ġeħova.

21 Dakinhar, jien, Ġeħova,

Se nagħti dak li titlob is-sema,

U s-sema se tagħti dak li titlob l-art;

22 U l-art se tagħti dak li talbu ċ-ċereali, l-inbid ġdid, u ż-żejt;

U dawn se jagħtu dak li talab Ġeżragħel.*

23 Se niżraʼ lilha* bħal żerriegħa għalija fl-art,

Se nuri ħniena* lil dik li ma ntwerietx ħniena;

Lil dawk li mhumiex il-poplu tiegħi* se ngħidilhom: ‘Intom il-poplu tiegħi,’

U huma se jgħidu: ‘Int l-Alla tagħna.’”

3 Imbagħad Ġeħova qalli: “Erġaʼ ħobb il-mara li jħobbha raġel ieħor u li qed tagħmel adulterju, bħalma jien, Ġeħova, inħobb lill-poplu t’Iżrael waqt li huma jqimu allat oħrajn u jħobbu ċ-ċapep taż-żbib.”*

2 Għalhekk xtrajtha għal 15-il biċċa tal-fidda u ħomer* u nofs xgħir.* 3 Imbagħad għedtilha: “Int se tibqaʼ tiegħi għal ħafna jiem. M’għandekx tagħmilha taʼ prostituta* u m’għandux ikollok relazzjoni sesswali maʼ raġel ieħor. Lanqas jien mhu se jkolli relazzjoni sesswali miegħek.”

4 Għax għal ħafna żmien,* il-poplu t’Iżrael se jkunu mingħajr re, gvernatur,* sagrifiċċju, pilastru, efod, u statwi tat-terafim.* 5 Wara, il-poplu t’Iżrael se jiġu lura u jfittxu lil Ġeħova l-Alla tagħhom u lil David ir-re tagħhom. Fl-aħħar jiem huma se jiġu jirtogħdu għand Ġeħova u se jfittxu li jiġu mberkin minnu.

4 Poplu t’Iżrael, isimgħu dak li jgħid Ġeħova,

Għax Ġeħova għandu kawża legali kontra n-nies li joqogħdu fil-pajjiż,

Għax fih la hemm verità, la mħabba u lealtà,* u lanqas għarfien dwar Alla.

 2 Minflok hemm ħafna li jaħilfu b’mod falz, jigdbu, joqtlu,

Jisirqu, u jagħmlu adulterju,

Ukoll, hemm ħafna tixrid taʼ demm.

 3 Hu għalhekk li l-pajjiż se jibki

U kull min jgħix fih se jiġi fix-xejn;

L-annimali slavaġ, l-għasafar,

u anki l-ħut se jmutu.

 4 “Imma ħadd m’għandu jagħti parir jew jikkoreġi lilkom,

Għax intom raskom iebsa bħal xi ħadd li jiħodha kontra qassis.

 5 Għalhekk, se titfixklu fid-dawl tax-xemx,

U l-profeti se jitfixklu magħkom bħallikieku billejl.

U jien se nsikket* lil ommkom.

 6 Il-poplu tiegħi se jiġi msikket,* għax m’hemmx għarfien.

Peress li warrabtu l-għarfien,

Jien se nwarrabkom milli taqdu bħala qassisin tiegħi;

U peress li nsejtu l-liġi* tiegħi, l-Alla tagħkom,

Jien se ninsa lit-tfal tagħkom.

 7 Iktar ma żdiedu, iktar dinbu kontrija.

Jien mhux se nħalli n-nies jonorawhom, minflok se nġegħelhom jiġu ddiżonorati.*

 8 Il-qassisin jieħdu vantaġġ mid-dnub* tal-poplu tiegħi,

Huma jridu li n-nies jibqgħu jiżbaljaw.

 9 Il-poplu u l-qassis se jiġrilhom l-istess;

Jien se nitlob kont taʼ dak li għamlu

U se nikkastigahom skont kif aġixxew.

10 Huma se jieklu, imma ma jkunux sodisfatti.

Se jkollhom relazzjonijiet sesswali maʼ ħafna nies,* imma ma jiżdidux,

Għax lili, Ġeħova, ma jagħtux kasi.

11 Il-prostituzzjoni,* l-inbid, u l-inbid ġdid

Ineħħu x-xewqa taʼ xi ħadd biex jagħmel dak li hu tajjeb.

12 Il-poplu tiegħi jitolbu pariri mingħand l-idolu tal-injam tagħhom,

U jagħmlu dak li jgħidilhom il-bastun* tagħhom.

Ix-xewqa li jagħmlu l-prostituzzjoni* ġġegħelhom jiżvijaw,

U billi jagħmlu l-prostituzzjoni huma ma jobdux lili, l-Alla tagħhom.

13 Huma joffru sagrifiċċji fuq il-qċaċet tal-muntanji,

U joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji fuq l-għoljiet,

Taħt is-siġar tal-ballut, tal-istoraċi, u kull siġra kbira,

Għax jagħmlu ħafna dell.

Hu għalhekk li l-bniet tagħkom jagħmlu l-prostituzzjoni*

U n-nisa tat-tfal tagħkom jagħmlu adulterju.

14 Jien mhux se nitlob kont mill-bniet tagħkom għax jagħmlu l-prostituzzjoni,*

U min-nisa tat-tfal tagħkom għax jagħmlu adulterju.

Għax l-irġiel jitilqu mal-prostituti

U jagħmlu sagrifiċċji mal-prostituti tat-tempju.

Nies bħal dawn li mhux kapaċi jifhmu se jiġu fix-xejn.

15 Iżrael, għalkemm qed tagħmlu l-prostituzzjoni*

M’għandux ikun ħati Ġuda.

Tiġux Gilgal jew Bet-awen,

U taħilfux bija, Ġeħova l-Alla ħaj.

16 L-Iżraelin saru rashom iebsa bħal baqra,

Nistaʼ jien, Ġeħova, nirgħahom bħal muntun żgħir f’post spazjuż?

17 In-nies t’Efrajm qed iqimu l-idoli.

Erħulhom waħedhom!

18 Meta tispiċċalhom il-birra,*

Huma jkollhom relazzjonijiet sesswali maʼ ħafna nies.*

U l-mexxejja* tagħhom iħobbu jagħmlu affarijiet tal-mistħija.

19 Ir-riħ se jkaxkarhom,

U se jistħu minħabba s-sagrifiċċji tagħhom.”

5 “Isimgħu dan, qassisin,

Oqogħdu attenti, nies t’Iżrael,

Agħtu widen, intom tad-dar tar-re,

Għax se tiġu ġġudikati;

Għax intom nassa f’Mispa

U xibka mifruxa fuq Tabor.

 2 Dawk li tbiegħdu minni* involvew ruħhom sew fil-qtil,

U jien qed inwissihom* kollha.

 3 Jien naf lil Efrajm,

U Iżrael ma jistax jinħeba minni.

Għax int, Efrajm, kellek relazzjonijiet sesswali maʼ ħafna nies;*

Iżrael iddiżonora lilu nnifsu.

 4 Dak li jagħmlu ma jħallihomx imorru lura għand l-Alla tagħhom,

Għax huma jħallu x-xewqa tagħhom biex jagħmlu l-prostituzzjoni* tikkontrollahom;

U huma ma jirrikonoxxux li jien, Ġeħova, l-Alla tagħhom.

 5 Il-kburija t’Iżrael tat xhieda kontrih stess;

Kemm Iżrael u kemm Efrajm tfixklu minħabba l-iżbalji tagħhom.

U Ġuda tfixkel magħhom.

 6 Huma kienu qed joffru sagrifiċċji lil Ġeħova mill-imrieħel tagħhom tan-nagħaġ u l-baqar biex ikollhom l-approvazzjoni tiegħu,

Imma għalxejn.

Hu tbiegħed minnhom.

 7 Huma ttradew lil Ġeħova,

Għax kellhom tfal min-nisa barranin li huma żżewġu.*

Fi żmien xahar, se jiġu meqrudin huma u kulma għandhom.

 8 “Doqqu l-qarn f’Gibegħa u doqqu t-trumbetta f’Rama!

Għajtu għajta tal-gwerra f’Bet-awen!

Għal warajk, Benjamin!

 9 Efrajm, in-nies se jitwerwru f’jum il-kastig tiegħek.

Jien għedt lit-tribujiet t’Iżrael dak li żgur se jiġrilek.

10 Il-kapijiet* taʼ Ġuda huma bħal dawk li jressqu l-fruntiera.

Jien se nikkastigahom bl-aħrax, qisni se nitfaʼ ħafna ilma fuqhom.

11 Efrajm hu maħqur, il-qerda tiegħu hi ġusta,

Għax hu kien determinat li jissieħeb mal-għedewwa tiegħu.

12 Għalhekk, jien kont bħal kamla għal Efrajm

U bħal moffa* għad-dar taʼ Ġuda.

13 Meta Efrajm ra l-mard tiegħu, u Ġuda l-ferita tiegħu,

Efrajm mar l-Assirja u bagħat messaġġiera għand re b’saħħtu.

Imma dan ma setax ifejjaqkom,

U lanqas setaʼ jfejjaq il-ferita tagħkom.

14 Għax jien se nattakka lil Efrajm bħal iljun,

U lid-dar taʼ Ġuda bħal iljun b’saħħtu.

Jien stess se nqattagħhom biċċiet u nitlaq ’l hemm;

Se nġorrhom, u ħadd mhu se jeħlishom.

15 Se nitlaq u mmur lura fil-post tiegħi sakemm ibatu l-konsegwenzi tad-dnub tagħhom,

Imbagħad huma se jfittxu l-approvazzjoni tiegħi.

Meta jkunu f’sitwazzjoni diffiċli, se jfittxu l-għajnuna tiegħi.”

6 “Ejja mmorru lura għand Ġeħova,

Għax hu qattagħna biċċiet, imma se jfejjaqna.

Hu sawwatna, imma se jinfaxxa l-feriti tagħna.

 2 Hu se jagħtina s-saħħa wara jumejn.

Fit-tielet jum, hu se jqajjimna,

U aħna se ngħixu quddiemu.

 3 Se nsiru nafu lil Ġeħova, iva, se nagħmlu sforz biex insiru nafuh.

Hu żgur li se jiġi għandna daqskemm hu żgur li titlaʼ x-xemx filgħodu;

Hu se jiġi għandna bħal xita qawwija,

Bħax-xita tar-rebbiegħa li xxarrab l-art.”

 4 “X’nagħmel bik, Efrajm?

X’nagħmel bik, Ġuda?

Għax l-imħabba u l-lealtà* tagħkom huma bħas-sħab taʼ filgħodu,

Bħan-nida li tisparixxi malajr.

 5 Hu għalhekk li jien se nqattagħkom biċċiet permezz tal-profeti;

Se noqtolkom b’dak li ngħid.

U l-ġudizzji li għedt kontrikom se jiddu bħad-dawl.

 6 Għax jien nieħu pjaċir bl-imħabba u l-lealtà,* u mhux bis-sagrifiċċji,

U nieħu pjaċir b’li ssiru tafuni, u mhux bl-offerti tal-ħruq.

 7 Imma huma, bħal bnedmin midinbin, kisru l-patt.

Huma ttradewni fil-pajjiż tagħhom.

 8 Gilegħad hi belt taʼ dawk li jagħmlu l-ħażin;

Hi mimlija bid-demm li ġie mxerred.

 9 Il-qassisin huma bħal grupp taʼ ħallelin li jistaħbew biex jattakkaw lil xi ħadd.

Huma joqtlu fit-triq li tagħti għal Sikem,

Għax huma jagħmlu affarijiet tal-mistħija.

10 Qed nara li f’Iżrael qed jagħmlu affarijiet tal-biżaʼ.

Efrajm qed jagħmel il-prostituzzjoni.

Iżrael iddiżonora lilu nnifsu.

11 Ġuda, hemm ħsad lest għalik,

Meta nġib lura l-poplu tiegħi li hu lsir.”

7 “Kull darba li nipprova nfejjaq lil Iżrael,

Jinkixef l-iżball t’Efrajm

U l-ħażen tas-Samarija.

Għax huma jqarrqu;

Il-ħallelin jidħlu jisirqu fid-djar u l-gruppi tal-ħallelin jisirqu n-nies fit-toroq.

 2 Imma huma lanqas jgħaddilhom minn moħħhom li jien se niftakar il-ħażen kollu tagħhom.

Issa huma mdawrin bil-ħażen tagħhom;

Xejn minn dak li jagħmlu mhu moħbi minni.

 3 Huma jferrħu lir-re bil-ħażen tagħhom

U l-kapijiet* bil-qerq tagħhom.

 4 Huma kollha adulteri,

Bħal forn li qabbad furnar

U li m’għandux għalfejn iqalleb in-nar biex iżommu sħun sakemm qed jagħġen l-għaġina u togħla.

 5 Fil-ġurnata tal-festa tar-re, il-kapijiet ma ħassewhomx sew

U rrabjaw minħabba l-effett tal-inbid.

Ir-re għamel ħbieb maʼ dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt.

 6 Għax huma jersqu lejh b’qalbhom taħraq bħal forn.*

Il-furnar jorqod il-lejl kollu;

Filgħodu, il-forn jaqbad sew.

 7 Kollha kemm huma jaħarqu bħall-forn,

U jibilgħu lill-mexxejja* tagħhom.

Ir-rejiet tagħhom spiċċaw ħażin;

Ħadd minnhom ma jgħajjatli għall-għajnuna.

 8 Efrajm jitħallat mal-popli.

Efrajm hu bħal ftira msajra minn naħa waħda.

 9 L-istranġieri ħadulu saħħtu, imma ma jafx.

U xagħru bjad, imma ma ndunax.

10 Il-kburija t’Iżrael tat xhieda kontrih stess,

Imma hu ma darx lura lejja, Ġeħova l-Alla tiegħu,

U lanqas ma fittixni minkejja dan kollu.

11 In-nies t’Efrajm huma bħal ħamiema belha li m’għandhiex sens f’moħħha.

Huma talbu lill-Eġittu għall-għajnuna; marru għand l-Assirja biex tgħinhom.

12 Kull fejn imorru, jien se nitfaʼ x-xibka tiegħi fuqhom

U nniżżilhom bħall-għasafar.

Jien se niddixxiplinahom bħalma wissejthom.*

13 Ħażin għalihom, għax ħarbu minni!

Ħa jinqerdu, għax dinbu kontrija!

Jien kont lest li nifdihom,* imma huma gidbu fuqi.

14 Għalkemm baqgħu jibku fuq is-sodod tagħhom,

Ma talbunix mill-qalb biex ngħinhom.

Huma jqattgħu lilhom infushom biex ikollhom iċ-ċereali* u nbid ġdid;

Huma jduru kontrija.

15 Għalkemm iddixxiplinajthom u saħħaħthom,

Huma jiħduha kontrija billi jippjanaw dak li hu ħażin.

16 Huma tbiddlu xi ftit, imma ma marrux għall-aħjar;*

Bħal qaws laxk, mhumiex taʼ min jafdahom.

Il-kapijiet* tagħhom se jinqatlu bix-xabla minħabba l-kliem ribelluż tagħhom.

Minħabba dan, huma se jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt fl-art tal-Eġittu.”

8 Ġeħova qal: “Doqqu l-qarn!

L-għedewwa se jiġu bħal ajkla kontra l-poplu tiegħi,

Għax il-poplu tiegħi kisru l-patt tiegħi u m’obdewx il-liġijiet tiegħi.

 2 B’leħen għoli kienu jgħiduli, ‘Int l-Alla tagħna, aħna, Iżrael, nafuk!’

 3 L-Iżraelin warrbu dak li hu tajjeb.

Ħa jiġri warajhom l-għadu!

 4 Huma inkarigaw rejiet, imma mhux skont kif nixtieq jien.

Għażlu kapijiet,* imma ma kellhomx l-approvazzjoni tiegħi.

Għamlu idoli bil-fidda u d-deheb tagħhom,

U dan se jwassal għall-qerda tagħhom stess.

 5 Jien warrabt l-idolu tal-barri żgħir* li tqimu, Samarija.

Jien irrabjat ħafna magħkom.

Kemm se ddumu biex titnaddfu* minn din il-ħtija?

 6 Għax dan il-barri żgħir* għamluh l-Iżraelin.

Bniedem tas-sengħa għamlu, u mhux Alla;

Il-barri żgħir tas-Samarija se jispiċċa frak.

 7 Għax huma jiżirgħu r-riħ,

U jaħsdu riefnu.

L-ebda zokk tal-qamħ ma jagħmel qamħ tajjeb għall-ħsad;

Kulma jitlaʼ mhux se jkun biżżejjed biex jintuża.

Anki jekk ikun hemm xi qamħ, il-barranin* se jibilgħuh.

 8 L-Iżraelin se jinqerdu.

Huma se jkunu mferrxin mal-popli,

Se jkunu bħal reċipjent li ħadd ma jridu.

 9 Għax huma marru l-Assirja, bħal ħmar salvaġġ li jitlaq għal rasu.

Efrajm mar għand il-prostituti.

10 Għalkemm jieħdu l-prostituti mill-popli,

Jien se niġbor in-nies t’Efrajm;

Huma se jibdew ibatu, għax ir-re u l-kapijiet* jagħmlulhom il-ħajja diffiċli.

11 In-nies t’Efrajm żiedu l-artali, u b’hekk dinbu.

Huma użaw l-artali biex jidinbu.

12 Jien ktibtilhom ħafna liġijiet,*

Imma qisuhom bħala xi ħaġa stramba.

13 Huma joffruli sagrifiċċji bħala rigal, u jieklu l-laħam,

Imma jien, Ġeħova, xejn ma nieħu pjaċir bihom.

Jien niftakar fl-iżbalji tagħhom u nikkastigahom għad-dnubiet tagħhom.

Huma marru lura* l-Eġittu.

14 Iżrael nesa lil Dak li Għamlu u bena tempji,

U Ġuda bena ħafna bliet iffortifikati.

Imma jien se nibgħat nar fil-bliet tiegħu,

U dan jaħraq it-torrijiet taʼ kull waħda minnhom.”

9 “Tifraħx Iżrael,

Tifraħx bħan-nies l-oħra.

Għax int tbegħedt minn Alla tiegħek billi għamilt il-prostituzzjoni.*

Int ħadt pjaċir bil-ħlas li qlajt mill-prostituzzjoni f’kull post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.*

 2 Imma l-postijiet fejn jiġu sseparati ċ-ċereali u jintgħasar l-inbid mhux se jitimgħukom,

U mhux se jkollkom inbid ġdid.

 3 Il-poplu t’Iżrael mhux se jkompli jgħix fil-pajjiż taʼ Ġeħova;

Minflok, Efrajm se jmur lura l-Eġittu,

U fl-Assirja se jiekol dak li mhux nadif.

 4 L-Iżraelin mhux se jkomplu jferrgħu l-offerti tal-inbid lil Ġeħova;

Is-sagrifiċċji tagħhom mhux se jogħġbuh.

Huma bħall-ħobż li n-nies jieklu meta xi ħadd imut;

Kull min jiekol minnu jniġġes lilu nnifsu.

Għax il-ħobż tagħhom hu għalihom biss;

Mhux se jidħol fid-dar taʼ Ġeħova.

 5 X’se tagħmlu meta jasal iż-żmien li tinġabru flimkien?

X’se tagħmlu fiż-żmien meta tiċċelebraw il-festi ddedikati lil Ġeħova?

 6 Għax huma se jkollhom jaħarbu minħabba l-qerda.

Fl-Eġittu se jiġbruhom flimkien, u f’Memfi se jidfnuhom.

Il-ħurrieq se jitlaʼ u jgħatti l-affarijiet prezzjużi tagħhom tal-fidda,

U fit-tined tagħhom se jikber l-għollieq.

 7 Se jiġi żmien fejn se jkollhom jagħtu kont,

Se jiġi żmien fejn se jkollhom ipattu għal dak li għamlu,

U Iżrael se jkun jaf.

Il-profeta tagħhom se jkun iblah, u dak li jgħid li hu ispirat minn Alla se jiġġennen;

Għax l-iżbalji tagħkom huma ħafna, u anki l-mibegħda kontrikom.”

 8 L-għassies t’Efrajm kien m’Alla tiegħi.

Imma issa t-triqat kollha tal-profeta tiegħu huma bħal nases taʼ nassab;

Hemm il-mibegħda fid-dar tal-Alla tiegħu.

 9 L-Iżraelin huma involuti sew fl-affarijiet li se jġibu l-ħsara,

Bħalma kienu żmien twil ilu n-nies taʼ Gibegħa.

Hu se jiftakar l-iżball tagħhom u jikkastigahom għal dnubiethom.

10 “Jien sibt lil Iżrael bħal għeneb fid-deżert.

Jien rajt lil missirijietkom bħall-ewwel tin li sar f’siġra tat-tin.

Imma huma marru għand Bagħal taʼ Pegħor;

Huma ddedikaw lilhom infushom lill-ħaġa tal-mistħija,*

U saru moqżieża bħall-alla li jqimu.

11 L-affarijiet li huma taʼ valur għal Efrajm taru bħal għasfur;

L-ebda mara mhu se twelled, tkun tqila, jew toħroġ tqila.

12 Anki jekk irabbu t-tfal,

Jien se niħodhomlhom sakemm ma jibqaʼ ħadd;

Iva, ħażin għalihom meta nitlaqhom!

13 Efrajm għalija kien bħal Tir, għax kien f’art mill-isbaħ b’ħaxix aħdar;

Imma issa Efrajm għandu jieħu t-tfal tiegħu għall-qatla.”

14 Ġeħova, agħtihom dak li ħaqqhom;

Ħa jkorru n-nisa tqal u ma jkollhomx ħalib f’sidirhom.

15 “L-affarijiet ħżiena kollha tagħhom għamluhom f’Gilgal, u għalhekk sirt nobgħodhom hemm.

Jien se nkeċċihom mid-dar tiegħi minħabba l-ħażen li għamlu.

Mhux se nibqaʼ nħobbhom;

Il-kapijiet* kollha tagħhom huma rashom iebsa.

16 Efrajm se jinqered.

L-għeruq tagħhom se jinxfu, u mhux se jagħtu frott.

Anki jekk iwelldu, jien noqtol lit-tfal għeżież tagħhom.”

17 L-Alla tiegħi se jwarrabhom,

Għax huma ma semgħux minnu,

U se jsiru maħrubin fost il-popli.

10 “Iżrael hu bħal dielja marida* li tagħti l-frott.

Iktar ma jagħmel frott, iktar jagħmel artali;

Iktar ma l-art tipproduċi, iktar jagħmel pilastri sagri sbieħ.

 2 Huma saru ipokriti;*

Issa se jinstabu ħatjin.

Hemm xi ħadd li se jkisser l-artali tagħhom u jeqred il-pilastri tagħhom.

 3 Daqt se jgħidu, ‘M’għandniex re, għax ma rrispettajniex lil* Ġeħova.

U billi jkollna re, x’jistaʼ jagħmlilna?’

 4 Huma jitkellmu fil-vojt, jaħilfu falz, u jagħmlu pattijiet;

Allura l-inġustizzja nfirxet bħal ħaxix velenuż f’għelieqi li jinħadmu.

 5 Dawk li joqogħdu s-Samarija se jinkwetaw dwar l-idolu tal-barri żgħir* li qiegħed f’Bet-awen.

In-nies se jibkuh,

U anki l-qassisin taʼ dan l-alla barrani li qabel kienu jifirħu bih u bil-glorja tiegħu,

Għax se jittieħed ’l hemm.

 6 Dan se jintbagħat għand l-Assirja bħala rigal għal re kbir.

Efrajm se jkollu jistħi,

U Iżrael se jiġi umiljat minħabba l-parir li ħa.

 7 Is-Samarija u r-re tagħha żgur se jispiċċaw fix-xejn,*

Bħal fergħa żgħira f’wiċċ l-ilma.

 8 U l-postijiet għall-qima f’Bet-awen li ġiegħlu lil Iżrael jidneb se jinqerdu.

Ix-xewk u l-għollieq se jikbru fuq l-artali tagħhom.

In-nies se jgħidu lill-muntanji, ‘Għattuna!’

U lill-għoljiet jgħidulhom, ‘Aħbuna!’

 9 Iżrael, ilek tidneb mindu ġara dak li ġara f’Gibegħa.

Hemm baqgħu jagħmlu l-ħażen.

Il-gwerra f’Gibegħa kontra n-nies inġusti ma qerdithomx għalkollox.

10 Se niddixxiplinahom meta rrid.

U meta jkollhom iġorru ż-żewġ żbalji tagħhom bħala kastig,*

In-nies se jinġabru kontrihom.

11 Efrajm kien bħal baqra żgħira* mgħallma biex tidres li kienet tieħu pjaċir tagħmel dan,

Allura ma tfajtilhiex il-madmad fuq l-għonq sabiħ tagħha.

Se nġiegħel lil xi ħadd jirkeb fuq Efrajm.

Ġuda se jaħrat; Ġakobb se jwittilu l-ħamrija.

12 Iżirgħu l-ġustizzja u aħsdu l-imħabba u l-lealtà.*

Aħdmu l-art li hi tajba għall-ħrit

Waqt li għad hemm iċ-ċans li tfittxu lil Ġeħova,

U hu se jiġi jgħallimkom x’inhu ġust u sewwa.

13 Imma intom ħrattu l-ħażen,

Ħsadtu l-inġustizzja,

U kiltu l-frott tal-qerq,

Għax fdajtu fikom infuskom.

Intom fdajtu fil-ħafna gwerriera tagħkom.

14 Se tqum rewwixta kontra l-poplu tiegħek,

U l-bliet iffortifikati tiegħek se jinqerdu kollha,

Bħalma Salman qered Bet-arbel.

Kien f’dak iż-żmien li l-ommijiet u t-tfal tagħhom inqatlu b’mod vjolenti.

15 Hekk se jiġri minnek Betel,

Minħabba l-ħażen estrem tiegħek.

Sa ma jisbaħ, ir-re t’Iżrael żgur se jkun spiċċa fix-xejn.”*

11 “Meta Iżrael kien tifel, jien kont inħobbu,

U mill-Eġittu għajjatt lil ibni.

 2 Iktar ma huma* għajtulhom,

Iktar tbiegħdu minnhom l-Iżraelin.

Huma baqgħu jagħmlu sagrifiċċji lill-istatwi taʼ Bagħal

U joffru sagrifiċċji lill-istatwi minquxin.

 3 Imma kont jien li għallimt lil Efrajm jimxi, u rfajtu;

Huma lanqas biss indunaw li fejjaqthom.

 4 Jien użajt l-imħabba u l-qalb tajba bħal ħbula* biex niġbidhom lejja;

U jien kont bħal xi ħadd li refgħalhom il-madmad minn fuq għonqhom,*

U bil-ħlewwa tajt ikel lil kull wieħed minnhom.

 5 Huma mhux se jmorru lura fl-art tal-Eġittu, imma l-Assirja se tkun ir-re tagħhom,

Għax ma jridux jiġu lura għandi.

 6 L-għedewwa se jattakkaw il-bliet tiegħu bix-xabla,

Ikissru l-istaneg tiegħu, u jeqirdu lin-nies tal-bliet minħabba l-pjanijiet ħżiena tagħhom.

 7 Il-poplu tiegħi hu determinat li ma jkunx leali lejja.

Għalkemm għajtulhom biex imorru lura għand dak li qiegħed fl-għoli,* ħadd ma qam.

 8 Kif nistaʼ nabbandunak, Efrajm?

Kif nistaʼ nagħtik f’idejn l-għedewwa, Iżrael?

Kif nistaʼ nittrattak bħal Adma?

Kif nistaʼ nagħmillek bħal Sebojim?

Jien biddilt fehmti;

Fl-istess ħin tqanqalt biex nuri ħniena.

 9 Jien mhux se nisfoga r-rabja tiegħi.

Efrajm, mhux se nerġaʼ neqirdek,

Għax jien Alla u mhux bniedem,

Il-Qaddis f’nofsok;

U mhux se niħodha kontrik b’rabja.

10 Huma se jerġgħu jqimu lil Ġeħova, u hu se jgħajjat bħal iljun;

Meta jgħajjat, it-tfal tiegħu se jiġu jitriegħdu mill-Punent.

11 Huma se jitriegħdu bħal għasfur meta joħorġu mill-Eġittu,

U bħal ħamiema meta joħorġu mill-art tal-Assirja;

U jien se ngħinhom jissetiljaw fid-djar tagħhom,” jgħid Ġeħova.

12 “Efrajm il-ħin kollu jigdibli.

Kull fejn inħares nara l-qerq t’Iżrael.

Imma Ġuda xorta jimxi m’Alla,

U hu leali lejn l-Iktar Qaddis.”

12 “Efrajm jiekol ir-riħ.

Hu jiġri wara r-riħ mil-Lvant il-ġurnata kollha.

Ikompli jigdeb u jkun vjolenti iktar u iktar.

Hu jagħmel patt mal-Assirja u jieħu ż-żejt l-Eġittu.

 2 Ġeħova għandu każ legali kontra Ġuda;

Hu se jitlob kont minn Ġakobb skont dak li għamel,

Hu se jħallsu skont kif aġixxa.

 3 F’żaqq ommu, hu ħataf l-għarqub taʼ ħuh,

U b’saħħtu kollha ssara m’Alla.

 4 Hu baqaʼ jissara m’anġlu u rebaħ.

Beka u talbu bil-ħniena biex ibierku.”

Hu* sabu f’Betel, u tkellem dwarna minn hemm.

 5 Ġeħova l-Alla tal-armati.

Il-popli se jiftakruh bl-isem tiegħu Ġeħova.

 6 “Għalhekk, erġaʼ lura għand l-Alla tiegħek,

Uri mħabba u lealtà* u agħmel dak li hu ġust.

Dejjem ittama fl-Alla tiegħek.

 7 Imma n-negozjant juża miżien qarrieq;

Hu jħobb jisraq.

 8 Efrajm jibqaʼ jgħid, ‘Fil-fatt, jien sirt sinjur;

Ksibt il-ġid.

Jien ħdimt iebes għal dan, u ħadd ma jistaʼ jakkużani b’xi ħaġa ħażina jew b’xi dnub.’

 9 Imma jien Ġeħova l-Alla tiegħek miż-żmien li kont l-Eġittu.

Jien se nġiegħlek tgħix fit-tined

Bħal fiż-żmien magħżul tal-festa.

10 Jien kellimt lill-profeti,

Żidt il-viżjonijiet li kellhom,

U permezz tal-profeti, tkellimt bl-eżempji.*

11 F’Gilegħad huma qarrqu* u gidbu.

F’Gilgal issagrifikaw il-barrin,

U l-artali tagħhom huma bħal gzuz taʼ ġebel fir-raddi t’għalqa.

12 Ġakobb ħarab lejn it-territorju t’Aram;*

Iżrael qeda lil raġel biex jiżżewweġ mara,

U għal mara hu qagħad għassa man-nagħaġ.

13 Ġeħova ħareġ lil Iżrael mill-Eġittu permezz taʼ profeta,

U permezz taʼ profeta, ipproteġieh.

14 Efrajm offenda bl-ikrah lil Alla;

Hu se jibqaʼ responsabbli għad-demm taʼ dawk li qatel;

U l-Mulej tiegħu se jikkastigah minħabba t-tmaqdir li ġab fuqu.”

13 “Meta Efrajm tkellem, in-nies triegħdu;

Hu kien importanti f’Iżrael.

Imma hu dineb billi qiem lil Bagħal u miet.

 2 Issa huma dinbu iktar

U għamlu statwi tal-metall* mill-fidda tagħhom;

Huma għamlu dan bis-sengħa, kollu xogħol taʼ nies professjonali.

Lilhom qalulhom, ‘Ħalli dawk li qed joffru s-sagrifiċċji jbusu l-barrin żgħar.’*

 3 Għalhekk, huma se jsiru bħas-sħab taʼ filgħodu,

Bħan-nida li tiġi fix-xejn kmieni,

Bħal qoxra taʼ żerriegħa li tittajjar minn riefnu mill-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali,*

U bħad-duħħan li joħroġ minn toqba fis-saqaf.

 4 Imma jien Ġeħova l-Alla tiegħek miż-żmien li kont l-Eġittu;

Ma kont taf b’ebda Alla ieħor ħliefi,

U m’hemmx salvatur ħliefi.

 5 Jien ħadt ħsiebek fid-deżert, fl-art niexfa.

 6 Huma kienu sodisfatti għax kellhom ħafna x’jieklu,

Huma kienu sodisfatti u qalbhom tkabbret.

U għalhekk insewni.

 7 Jien se nattakkahom bħal iljun b’saħħtu.

Bħal leopard li jistaħba mal-ġenb tat-triq.

 8 Se mmur għalihom bħal orsa li tilfet il-frieħ tagħha,

U niftħilhom il-kaxxa taʼ sidirhom.

Hemm se niblagħhom bħal iljun;

U bhima salvaġġa se tqattagħhom biċċiet.

 9 Din se teqirdek, Iżrael,

Għax int irribellajt kontrija, kontra l-wieħed li għenek.

10 Allura, fejn hu r-re tiegħek ħalli jkun jistaʼ jsalvak fil-bliet kollha tiegħek,

U l-mexxejja* tiegħek, li dwarhom għedt,

‘Agħtini re u kapijiet’?*

11 Jien tajtek re meta kont irrabjat,

U se nneħħih minħabba li jien irrabjat ħafna.

12 L-iżball t’Efrajm mhux se jintesa;

Id-dnub tiegħu se jiġi merfugħ.

13 Hu se jħoss uġigħ bħal mara li qed twelled.

Imma hu tifel bla għaqal;

Meta jasal iż-żmien biex jitwieled, ma jkunx irid joħroġ.

14 Jien se neħlishom* mill-Qabar;*

Jien se nġibhom lura mill-mewt.

Mewt, fejn hi t-tingiża li tweġġaʼ tiegħek?

Qabar, fejn hi l-qawwa tiegħek li teqred?

Madankollu, jien mhux se nuri ħniena.

15 Anki jekk jiżdied bħall-qasab,

Ġeħova se jibgħat riħ mil-Lvant li jiġi mid-deżert

U jnixxef il-bir tiegħu u jbattal l-għajn tal-ilma tiegħu.

Dan se jisraqlu l-affarijiet prezzjużi kollha tiegħu.

16 Is-Samarija se tinstab ħatja,

Għax hi rribellat kontra l-Alla tagħha.

In-nies li joqogħdu fiha, se jinqatlu bix-xabla,

It-tfal tagħhom se jinqatlu b’mod vjolenti,

U n-nisa tqal tagħhom se jċarrtulhom żaqqhom.”

14 “Iżrael, ejja lura għand Ġeħova l-Alla tiegħek,

Għax int tfixkilt minħabba l-iżball tiegħek.

 2 Ejjew lura għand Ġeħova u għidulu,

‘Jalla taħfer l-iżball tagħna u taċċetta dak li hu tajjeb,

U aħna se nfaħħruk b’dak li ngħidu bħalma noffrulek il-barrin żgħar għas-sagrifiċċju.*

 3 L-Assirja mhux se ssalvana.

Mhux se nirkbu żwiemel,

U mhux se nibqgħu nqisu x-xogħol li nagħmlu bħala li hu l-Alla tagħna,

Għax hu int li wrejt ħniena mal-orfni.’*

 4 Se nfejjaq in-nuqqas taʼ lealtà tagħhom.

Se nħobbhom minn jeddi,

Għax m’għadnix irrabjat magħhom.

 5 Jien se nsir bħan-nida għal Iżrael;

Hu se jiftaħ bħall-ġilju

U se jniżżel l-għeruq tiegħu bħas-siġar tal-Libanu.

 6 Il-friegħi tiegħu se jinfirxu,

Is-sbuħija tiegħu se tkun bħal dik tas-siġra taż-żebbuġ,

U l-fwieħa tiegħu bħal dik tal-Libanu.

 7 Huma se jerġgħu joqogħdu fid-dell tiegħu.

Se jkabbru ċ-ċereali* u jarmu bħad-dielja.

Il-fama* tiegħu se tkun bħal dik tal-inbid tal-Libanu.

 8 Efrajm se jgħid, ‘X’għandi x’naqsam iktar mal-idoli?’

Jien se nwieġeb u nieħu ħsiebu.

Se nkun bħal siġra tal-ġnibru b’saħħitha li tikber.

Jien se nkun il-wieħed li nagħtik il-frott.”

 9 Jalla min hu għaref jifhem dawn l-affarijiet!

Jalla min hu għaqli jsir jafhom!

Għax it-triqat taʼ Ġeħova huma ġusti,

U n-nies sewwa se jimxu fihom;

Imma dawk li jagħmlu d-dnubiet se jitfixklu fihom.

Forma mqassra tal-isem Ħosajja li jfisser “Salvat minn Jah; Jah Salva.”

Jew “prostituta; immorali.”

Ifisser “Alla Se Jiżraʼ Żerriegħa.”

Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”

Ifisser “Ma Ntwerietx Ħniena.”

Letteralment “mad-dar.”

Letteralment “mad-dar.”

Ifisser “Mhux il-Poplu Tiegħi.”

Letteralment “tat-tfal.”

Ara Ħo 1:9 ntt.

Ara Ħo 1:6 ntt.

Jew “tkun immorali.”

Jew “tal-prostituzzjoni; tal-immoralità.”

Jew “għamlet l-immoralità.”

Letteralment “l-ewwel raġel tiegħi.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “il-Pjanura l-Baxxa.”

Jew “Bagħal Tiegħi.”

Jew “se jgħixu fis-sigurtà.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ifisser “Alla Se Jiżraʼ Żerriegħa.”

Jiġifieri l-poplu t’Alla.

Ara Ħo 1:6 ntt.

Ara Ħo 1:9 ntt.

Jiġifieri dawk li kienu jintużaw għall-qima falza.

Ħomer kien daqs 220 litru. Ara App. B14.

Jiġifieri barley.

Jew “tagħmel l-immoralità.”

Letteralment “jiem.”

Jew “prinċep.”

Jew “allat tad-dar; idoli.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “neqred.”

Jew “meqrud.”

Jew “it-tagħlim.”

Jew forsi “minflok qed jigglorifikawni, qed jiddiżonorawni.”

Jiġifieri huma jakkwistaw ħafna ikel permezz tas-sagrifiċċji li n-nies jagħmlu biex jinħafru d-dnubiet tagħhom.

Jew “jagħmlu immoralità sesswali gravi; jagħmlu l-prostituzzjoni.”

Jew “L-immoralità.”

Jew “il-bastun li jintuża biex jaraw il-futur.”

Jew “l-immoralità.”

Jew “l-immoralità.”

Jew “l-immoralità.”

Jew “l-immoralità.”

Jew “il-birra tal-qamħ.”

Jew “jagħmlu immoralità sesswali gravi; jagħmlu l-prostituzzjoni.”

Letteralment “it-tarki.”

Jew “Ir-ribelli.”

Jew “niddixxiplinahom.”

Jew “aġixxejt b’mod immorali; ħadt sehem fil-prostituzzjoni.”

Jew “l-immoralità.”

Letteralment “kellhom tfal stranġieri.”

Jew “Il-prinċpijiet.”

Jew “taħsir.”

Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “bil-ħniena.”

Jew “il-prinċpijiet.”

Jew forsi “huma jersqu lejh jikkonfoffaw, u qalbhom taħraq bħal forn.”

Letteralment “lill-imħallfin.”

Letteralment “bħalma wissejt il-ġemgħa tagħhom.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Fidwa.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Letteralment “imma mhux ’il fuq,” jiġifieri ma mxewx wara l-qima vera, li qiegħda fl-għoli.

Jew “Il-prinċpijiet.”

Jew “prinċpijiet.”

Jew “tal-għoġol.”

Jew “tkunu innoċenti.”

Jew “l-għoġol.”

Jew “l-istranġieri.”

Jew “il-prinċpijiet.”

Jew “istruzzjonijiet.”

Jew forsi “se jmorru lura.”

Jew “l-immoralità.”

Jew “qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “lill-alla tal-mistħija.”

Jew “Il-prinċpijiet.”

Jew forsi “li qed tinfirex.”

Jew “qalbhom saret ipokrita.”

Letteralment “ma bżajniex minn.”

Jew “tal-għoġol.”

Letteralment “imsikkta.”

Jiġifieri meta jġorru l-kastig tagħhom bħal madmad.

Jew “għoġla.”

Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “ġie msikket.”

Jiġifieri profeti u oħrajn li ntbagħtu biex jgħallmu lil Iżrael.

Milli jidher jirreferi għal ħabel li jintuża minn ġenitur biex jgħallem lit-tifel tiegħu kif jimxi.

Letteralment “max-xedaq tagħhom.”

Jiġifieri biex imorru wara l-qima vera, li qiegħda fl-għoli.

Jiġifieri Alla.

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “bil-parabboli.”

Aktarx qed jirreferi għall-maġija jew affarijiet misterjużi li għamlu.

Jew “tas-Sirja.”

Jew “statwi mill-metall imdewweb.”

Jew “l-għoġġiela.”

Jew “mill-qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “l-imħallfin.”

Jew “prinċpijiet.”

Jew “nifdihom.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Fidwa.”

Jew “mill-qawwa tal-Qabar,” jew “taʼ Xeol.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “se noffru bħala tpattija l-barrin żgħar taʼ xofftejna.”

Letteralment “mat-tifel bla missier.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Letteralment “It-tifkira.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja