LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Ġona 1:1-4:11
  • Ġona

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġona
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Ġona

ĠONA

1 Dan hu l-messaġġ li Ġeħova ta lil Ġona* t-tifel t’Amittaj: 2 “Mur Ninwe l-belt il-kbira u xandar ġudizzju kontriha, għax jien qed nara l-ħażen li qed jagħmlu n-nies tagħha.”

3 Imma Ġona m’obdiex lil Ġeħova u ried jaħrab lejn Tarsis. Għalhekk niżel Ġaffa u sab vapur li kien sejjer Tarsis. Hu ħallas il-passaġġ biex imur Tarsis ħalli ma jagħmilx dak li qabbdu Ġeħova.

4 Imbagħad, Ġeħova bagħat riħ qawwi fuq il-baħar, u tant kemm qamet maltempata qawwija li l-vapur kien se jitfarrak. 5 Il-baħħara tant kemm beżgħu li kull wieħed minnhom beda jgħajjat lill-alla tiegħu għall-għajnuna. U bdew iwaddbu l-baħar l-affarijiet li kien hemm fuq il-vapur biex iħaffuh. Imma Ġona kien niżel isfel u daħal ġewwa nett* tal-vapur, u kien rieqed fil-fond. 6 Il-kaptan mar ħdejh u qallu: “Int kif irqadt? Qum, għajjat lill-alla tiegħek għall-għajnuna! Forsi l-Alla l-veru juri li jimpurtah minna, u ma mmutux.”

7 Imbagħad qalu lil xulxin: “Ejja nitfgħu x-xorti, ħa naraw taʼ min hu t-tort għal dan id-diżastru.” Għalhekk tefgħu x-xorti u ntgħażel Ġona. 8 Huma qalulu: “Jekk jogħġbok, għidilna jekk hux tort tiegħek dan id-diżastru li ġie fuqna. X’taħdem, u minn fejn ġej? Minn liema pajjiż int, u min hu l-poplu tiegħek?”

9 Hu wiġibhom: “Jien Lhudi, u nqim lil* Ġeħova l-Alla tas-sema, il-Wieħed li għamel il-baħar u l-art.”

10 Meta semgħu dan l-irġiel bdew jibżgħu iktar, u staqsewh: “X’għamilt?” (Għax Ġona kien qalilhom li m’għamilx dak li qallu Ġeħova.) 11 Peress li l-baħar kien qed ikompli jitqawwa, huma staqsewh: “X’se nagħmlu bik biex jikkalma l-baħar?” 12 Hu wiġibhom: “Erfgħuni u waddbuni l-baħar, u l-baħar jikkalma; għax naf li minħabba fija ġiet din il-maltempata qawwija.” 13 Imma l-irġiel bdew jaqdfu iktar* biex jaslu lejn l-art, imma ma setgħux, għax il-baħar kompla jitqawwa iktar.

14 Imbagħad għajtu lil Ġeħova: “Jekk jogħġbok Ġeħova, nitolbuk bil-ħniena biex ma tħalliniex immutu minħabba dan ir-raġel! Iżżommniex responsabbli għall-qtil taʼ raġel innoċenti, għax dan hu bħalma ridt int, Ġeħova.” 15 Imbagħad refgħu lil Ġona u tefgħuh il-baħar, u l-baħar ikkalma. 16 Għalhekk, l-irġiel bdew jirrispettaw ħafna lil* Ġeħova, għamlu sagrifiċċju lil Ġeħova, u wegħduh li se jaqduh.

17 Imbagħad Ġeħova bagħat ħuta kbira biex tiblaʼ lil Ġona. U Ġona għamel tlett ijiem u tliet iljieli f’żaqq il-ħuta.

2 Imbagħad Ġona talab lil Ġeħova l-Alla tiegħu minn żaqq il-ħuta, 2 u hu qal:

“Jien għajjatt lil Ġeħova għall-għajnuna meta kont qed inbati, u hu wiġibni.

Minn qiegħ* il-Qabar* għajjatt għall-għajnuna.

Int smajt leħni.

 3 Meta tfajtni fil-fond, fil-qiegħ taʼ baħar miftuħ,

Il-kurrenti dawruni.

Il-mewġ qawwi tiegħek għadda minn fuqi.

 4 U għedt, ‘Jien ittiħidt ’il bogħod minn quddiem għajnejk!

Kif nistaʼ nerġaʼ nħares lejn it-tempju qaddis tiegħek?’

 5 L-ilmijiet dawruni u kważi mitt;*

Jien inżilt ’l isfel f’ilma fond.

Il-ħaxix tal-baħar dar maʼ rasi.

 6 Jien inżilt sal-qiegħ tal-muntanji.

Il-bibien tal-qabar* ingħalqu warajja għal dejjem.

Imma int, Ġeħova Alla tiegħi, tellajtli ħajti mill-ħofra.

 7 Meta ħajti* kienet qed tiġi fix-xejn, jien ftakart fik, Ġeħova.

Imbagħad int smajt it-talba tiegħi fit-tempju qaddis tiegħek.

 8 Dawk li jqimu lill-idoli li ma jiswew għal xejn telqu lill-Alla li jurihom imħabba u lealtà.*

 9 Imma ngħid għalija, jien se nirringrazzjak u se noffrilek sagrifiċċji.

Se nagħmel dak li wegħedt.

Is-salvazzjoni tiġi biss mingħandek, Ġeħova.”

10 U Ġeħova kkmanda lill-ħuta biex taqlaʼ lil Ġona fuq l-art. U hekk għamlet.

3 Imbagħad, Ġeħova qal lil Ġona għat-tieni darba: 2 “Qum, mur Ninwe l-belt il-kbira, u xandrilha l-messaġġ li qed ngħidlek.”

3 Peress li Ġona ried jobdi lil Ġeħova, telaq Ninwe. Din kienet belt kbira ħafna,* tant li kien hemm bżonn tlett ijiem biex timxiha. 4 Imbagħad Ġona daħal fil-belt u wara ġurnata mixi beda jxandar: “Erbgħin jum ieħor biss, u Ninwe tinqered.”

5 U n-nies taʼ Ninwe fdaw f’Alla, qalu li se jsumu, u kulħadd libes ħwejjeġ tal-ixkora, kemm il-kbar u kemm iż-żgħar. 6 Meta r-re taʼ Ninwe semaʼ bil-messaġġ taʼ Ġona, qam minn fuq it-tron, neżaʼ l-ħwejjeġ li kien jilbes bħala re, u għatta lilu nnifsu bil-ħwejjeġ tal-ixkora u poġġa fl-irmied. 7 Iktar minn hekk, hu ħareġ avviż maʼ Ninwe kollha:

“Jien u l-uffiċjali tiegħi għamilna din il-liġi: L-ebda bniedem jew annimal m’għandu jiekol xi ħaġa. Ħadd m’għandu jiekol jew jixrob. 8 Ħa jitgħattew bil-ħwejjeġ tal-ixkora, kemm in-nies u kemm l-annimali; u ħa jitolbu bil-ħniena lil Alla u ma jibqgħux jagħmlu affarijiet ħżiena u jkunu vjolenti. 9 Forsi l-Alla l-veru jerġaʼ jaħsibha* dwar x’beħsiebu jagħmel u ma jibqax irrabjat magħna, u b’hekk ma mmutux!”

10 Meta l-Alla l-veru ra li ma baqgħux jagħmlu l-affarijiet ħżiena, hu biddel fehmtu* u ma kkastigahomx.

4 Imma Ġona xejn ma ħa pjaċir b’dan u rrabja ħafna. 2 Allura talab lil Ġeħova: “Ġeħova, kien għalhekk li jien kont qed ninkwieta meta kont f’pajjiżi. B’hekk għall-ewwel ħrabt lejn Tarsis, għax kont naf li int Alla qalbek tajba* u ħanin, ma tirrabjax malajr u turi ħafna mħabba u lealtà,* u ma tiħux pjaċir iġġib diżastru. 3 Jekk jogħġbok Ġeħova, ħudli ħajti, għax ikun aħjar li mmut milli nibqaʼ ħaj.”

4 Ġeħova staqsa: “Għandek għal xiex tirrabja daqshekk?”

5 Imbagħad Ġona ħareġ mill-belt u poġġa lejn in-naħa tal-Lvant tagħha. Hemmhekk għamel tinda biz-zkuk biex ikollu d-dell u jara x’se jiġri mill-belt. 6 Imbagħad Alla Ġeħova kabbar pjanta tal-qargħa bomblija* biex tagħmel id-dell fuq ras Ġona u tgħinu jħossu aħjar. Ġona ħa pjaċir ħafna bil-pjanta.

7 Imma l-għada qabel ma sebaħ, l-Alla l-veru bagħat dudu u dan attakka l-pjanta tal-qargħa bomblija u din nixfet. 8 Malli bdiet tielgħa x-xemx, Alla bagħat ukoll riħ jaħraq mil-Lvant, u x-xemx bdiet tisreġ fuq ras Ġona, u beda jħossu ma jiflaħx. Hu baqaʼ jitlob biex imut u jgħid: “Ikun aħjar li mmut milli nibqaʼ ħaj.”

9 Alla staqsa lil Ġona: “Għandek għal xiex tirrabja daqshekk minħabba l-pjanta tal-qargħa bomblija?”

Għal dan qallu: “Iva għandi għal xiex nirrabja. Tant jien irrabjat li rrid immut.” 10 Imma Ġeħova qallu: “Int iddispjaċiek għall-pjanta tal-qargħa bomblija, li la ħdimt għaliha u lanqas kabbartha. Din kibret f’lejl u mietet f’lejl. 11 M’għandix jien ukoll jiddispjaċini għal Ninwe l-belt il-kbira, fejn hemm iktar minn 120,000 ruħ li lanqas biss jafu jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin,* minbarra l-ħafna annimali li għandhom?”

Ifisser “Ħamiema.”

Jew “daħal ġewwa nett taħt il-gverta.”

Letteralment “nibżaʼ minn.”

Jew “ipprovaw jgħaddu mill-maltempata.”

Letteralment “jibżgħu ħafna minn.”

Letteralment “żaqq.”

Jew “Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “ruħi kważi għerqet.”

Letteralment “tal-art.”

Jew “ruħi.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati. Jew forsi “abbandunaw il-lealtà tagħhom.”

Letteralment “belt kbira għal Alla.”

Jew “jiddispjaċih.”

Jew “iddispjaċieh minn dak li kien se jagħmel.”

Jew “li turi mogħdrija.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew forsi “pjanta tar-riġnu.”

Jew “id-differenza bejn idhom il-leminija u x-xellugija.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja