Sofonija*
1 Il-kelma taʼ Ġeħova li ġiet għand Sofonija, bin Kusi, bin Gedalija, bin Amarija, bin Ħeżekija, fi żmien Ġosija+ bin Amon+ is-sultan taʼ Ġuda:
2 “Jien żgur se ntemm kollox minn fuq wiċċ l-art,” hija l-kelma taʼ Ġeħova.+
3 “Se ntemm lill-bniedem u l-bhima.+ Intemm il-ħliqa li ttir fis-smewwiet u l-ħut tal-baħar,+ l-affarijiet taʼ tfixkil flimkien man-nies mill-agħar;+ u se neqred lill-bnedmin minn fuq wiċċ l-art,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. 4 “U se mmidd idi kontra Ġuda u kontra dawk kollha li jgħammru f’Ġerusalemm,+ u neqred minn dan il-post lill-fdal tal-Bagħal,+ isem il-qassisin taʼ l-allat barranin kif ukoll il-qassisin,+ 5 u lil dawk li qed imilu fuq il-bjut lejn l-armata tas-smewwiet,+ u lil dawk li qed imilu,+ u jaħilfu lil Ġeħova+ u jaħilfu b’Malkam;+ 6 u lil dawk li qed jerġgħu lura milli jimxu wara Ġeħova+ u li ma fittxewx lil Ġeħova u ma staqsewx x’jgħid.”+
7 Żommu s-skiet quddiem il-Mulej Sovran Ġeħova;+ għax il-jum taʼ Ġeħova hu qrib,+ għax Ġeħova ħejja sagrifiċċju;+ hu pprepara*+ lill-mistidnin tiegħu.
8 “U jrid iseħħ dakinhar tas-sagrifiċċju taʼ Ġeħova li jien nikkastiga lill-prinċpijiet, u lil ulied is-sultan,+ u lil dawk kollha lebsin ilbies barrani.+ 9 U dakinhar se nikkastiga lil kulmin qed jitlaʼ fuq il-pjattaforma,* dawk li qed jimlew dar is-sidien tagħhom bil-vjolenza u l-qerq.+ 10 U jkun hemm f’dak il-jum,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “il-ħoss taʼ l-għajat minn Bieb il-Ħut,+ u tinwiħ mill-parti l-ġdida tal-belt,+ u tiġrif kbir mill-għoljiet.+ 11 Newħu+ abitanti taʼ Maktes,* għax il-ġemgħa kollha tan-negozjanti ġiet imsikkta;+ dawk kollha li jiżnu l-fidda nqerdu.
12 “U jseħħ dak iż-żmien li nfittex bir-reqqa f’Ġerusalemm bl-imsiebaħ,+ u nikkastiga lill-irġiel li huma bħall-inbid li jagħqad fuq it-tartru tiegħu+ u li qed jgħidu f’qalbhom, ‘Ġeħova mhux se jagħmel ġid, u mhux se jagħmel deni.’+ 13 U ġidhom jinħataf u djarhom isiru ħerba.+ U huma jibnu djar, imma ma jgħammrux fihom;+ u jħawlu għelieqi bid-dwieli, imma ma jixorbux l-inbid tagħhom.+
14 “Il-jum il-kbir+ taʼ Ġeħova fil-qrib.+ Fil-qrib u qed jgħaġġel ħafna.+ Il-ħoss tal-jum taʼ Ġeħova hu wieħed taʼ mrar.+ Dakinhar raġel setgħan ilissen għajta.+ 15 Dak il-jum huwa jum taʼ rabja qalila, jum taʼ niket u diqa,+ jum taʼ maltempata u ħerba, jum taʼ dlam u swidija,+ jum taʼ sħab u dlam ċappa, 16 jum taʼ ħoss taʼ qarn u t’għajta taʼ gwerra,+ kontra l-bliet fortifikati u kontra t-torrijiet għoljin tal-kantunieri.+ 17 U jien se nġib in-niket fuq il-bnedmin, u huma se jimxu bħal għomja;+ għax dinbu kontra Ġeħova.+ U demmhom se jissawwab bħal trab,+ u msarinhom bħad-demel.+ 18 La l-fidda u lanqas id-deheb tagħhom ma se jkunu jistgħu jeħilsuhom f’jum il-qilla taʼ Ġeħova;+ imma bin-nar taż-żelu tiegħu l-art kollha se tinbelaʼ,+ għax se jagħmel qerda sħiħa, tabilħaqq waħda terribbli, mill-abitanti kollha taʼ l-art.”+
2 Inġabru, iva, inġabru,+ O ġens bla mistħija.+ 2 Qabel ma l-istatut jiled xi ħaġa,+ qabel ma l-jum ikun għadda bħal karfa, qabel ma tiġi fuqkom ir-rabja taħraq taʼ Ġeħova,+ qabel ma jiġi fuqkom jum ir-rabja taʼ Ġeħova,+ 3 fittxu lil Ġeħova,+ intom il-ġwejdin kollha taʼ l-art,+ li wettaqtu d-deċiżjonijiet ġudizzjarji Tiegħu. Fittxu s-sewwa,+ fittxu li tkunu ġwejdin.+ Probabbilment+ tkunu tistgħu tinħbew f’jum ir-rabja taʼ Ġeħova.+ 4 Għax Gaża se ssir belt abbandunata;+ u Askelon issir ħerba.+ Asdod,+ sewwasew f’nofsinhar se jkeċċuha ’l barra;+ u Għekron tinqalaʼ mill-għeruq.+
5 “Gwaj għal dawk li jgħammru fir-reġjun tal-baħar, il-ġens tal-Keretin!+ Il-kelma taʼ Ġeħova hi kontrikom. O Kangħan, l-art tal-Filistin, se neqred lilek ukoll, sabiex ħadd ma jgħammar fik.+ 6 U r-reġjun tal-baħar isir mergħat,+ bi bjar għar-rgħajja u mqawel tal-ġebel għan-nagħaġ. 7 U għad isir reġjun għal dawk li jifdal minn dar Ġuda.+ Minn hemm se jieklu huma. Fid-djar t’Askelon, fil-għaxija, huma se jimteddu fil-wisaʼ. Għax Ġeħova Alla tagħhom se jitfaʼ l-attenzjoni tiegħu fuqhom+ u se jiġbor lura lill-imjassrin tagħhom.”+
8 “Smajt it-tmaqdir minn Mowab+ u t-tgħajjir taʼ wlied Għammon,+ li bih maqdru lill-poplu tiegħi u bi kburija kbira lissnu theddid kontra t-territorju tiegħu. 9 Għalhekk, daqskemm jien ħaj,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, “Mowab issir bħal Sodoma,+ u wlied Għammon+ bħal Gomorra, post tal-ħurrieq, u ħofra tal-melħ, u art abbandunata, iva, għal żmien indefinit.*+ Dawk li jifdal mill-poplu tiegħi se jisirquhom, u l-fdal tal-ġens tiegħi se jiħodhom taħt idejh.+ 10 Dan se jieħdu minflok il-kburija tagħhom,+ talli maqdru u baqgħu jitkabbru kontra l-poplu taʼ Ġeħova taʼ l-armati.+ 11 Ġeħova se jqanqal il-biżaʼ fihom;+ għax hu se jnixxef lill-allat kollha taʼ l-art,+ u n-nies se jmilu quddiemu,+ kull wieħed mill-post tiegħu, il-gżejjer kollha tal-ġnus.+
12 “Intom ukoll, Etjopjani,+ intom se tinqatlu bis-sejf tiegħi.”+
13 “U hu se jmidd idu lejn it-tramuntana u jeqred lill-Assirja.+ U jagħmel lil Ninwe ħerba,+ reġjun bla ilma bħax-xagħri. 14 U f’nofsha, il-qtajjaʼ taʼ l-annimali se jimteddu fil-wisaʼ, l-annimali salvaġġi kollha tal-ġnus.+ Kemm il-pellikan u kemm il-porkuspin+ se jqattgħu l-lejl fost il-kaptelli tal-kolonni tagħha.+ Leħen joqgħod ikanta fit-tieqa. U jkun hemm ħerba sħiħa fuq l-għatba; għax hu se jaqlaʼ saħansitra l-injam minn mal-ħajt.+ 15 Din hi l-belt ferriħija li kienet bil-qiegħda fis-sigurtà,+ li kienet tgħid f’qalbha, ‘Jien biss, u m’hemm ħadd ħliefi.’+ O kif saret oġġett taʼ stagħġib, post fejn l-annimali salvaġġi jimteddu fil-wisaʼ! Kulmin jgħaddi minn ħdejha se jsaffar bi stagħġib; se jxejjer idu diżgustat.”+
3 Gwaj għaliha dik li qed tirribella u titniġġes, il-belt oppressiva!+ 2 Ma semgħetx minn leħen;+ m’aċċettatx id-dixxiplina.+ Ma fdatx f’Ġeħova.+ Ma resqitx qrib lejn Alla tagħha.+ 3 Il-prinċpijiet tagħha f’nofsha kienu ljuni jgħajtu.+ L-imħallfin tagħha kienu lpup taʼ fil-għaxija li ma baqgħux igerrmu l-għadam sa fil-għodu.+ 4 Il-profeti tagħha kienu insolenti, kienu rġiel tradituri.+ Il-qassisin tagħha kasbru dak li kien qaddis; kisru l-liġi.+ 5 Ġeħova kien ġust f’nofsha;+ m’għamel ebda inġustizzja.+ Kull fil-għodu baqaʼ jagħtihom id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħu.+ Mad-dawl taʼ l-għodwa ma kinitx tkun nieqsa.+ Imma l-inġust ma kienx jaf x’inhi mistħija.+
6 “Jien qaċċatt il-ġnus; it-torrijiet tagħhom tal-kantunieri ntgħamlu ħerba. Ħarbatt it-toroq tagħhom, u b’hekk ma kien hemm ħadd għaddej minnhom. Il-bliet tagħhom ġew abbandunati, u b’hekk ma kien hemm ebda bniedem fihom, ebda abitant.+ 7 Jien għedt lill-belt, ‘Żgur li int se tibżaʼ minni; se taċċetta d-dixxiplina’;+ u b’hekk il-post fejn tgħammar ma jinqeridx+ minħabba dak kollu li se nitlob kont tiegħu minnha.+ Imma tabilħaqq huma kienu ħfief biex jagħmlu l-ħsara.+
8 “‘Għalhekk ibqgħu stennewni,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘sal-jum li fih inqum biex naħtaf il-priża,+ għax id-deċiżjoni ġudizzjarja tiegħi hi li niġbor il-ġnus,+ li niġmaʼ flimkien saltniet, sabiex insawwab fuqhom il-kundanna tiegħi,+ ir-rabja taħraq kollha tiegħi; għax bin-nar taż-żelu tiegħi l-art kollha se tinbelaʼ.+ 9 Għax f’dak iż-żmien se nagħti lill-popli l-bidla għal lingwa pura,+ biex ilkoll isejħu isem Ġeħova,+ biex jaqduh spalla maʼ spalla.’+
10 “Dawk li qed jitolbuni bil-ħrara, jiġifieri, l-imxerrdin tiegħi, se jġibuli għotja+ mir-reġjun tax-xmajjar taʼ l-Etjopja. 11 F’dak il-jum m’intix se tistħi minħabba l-għemejjel kollha tiegħek li bihom inqast kontrija,+ għax imbagħad jien se nneħħi minn nofsok lil dawk li ferħu b’suppervja;+ u qatt iktar ma se tkun supperva fuq il-muntanja qaddisa tiegħi.+ 12 U se nħalli f’nofsok poplu umli u ġwejjed,+ u huma se jistkennu fl-isem taʼ Ġeħova.+ 13 U dawk li jifdal minn Israel+ ma se jagħmlu ebda inġustizzja,+ lanqas ma se jgħidu xi gidba+ jew jinstab f’fommhom ilsien qarrieq;+ għax huma nfushom se jieklu u jimteddu fil-wisaʼ,+ u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.”+
14 Għajjat bil-ferħ, O bint Sijon! Infexx f’tifħir,+ O Israel! Thenna u ifraħ b’qalbek kollha, O bint Ġerusalemm!+ 15 Ġeħova neħħa l-ġudizzji minn fuqek.+ Hu biegħed l-għadu tiegħek.+ Is-sultan taʼ Israel, Ġeħova, qiegħed f’nofsok.+ M’intix se tibżaʼ iktar mill-gwaj.+ 16 F’dak il-jum se jingħad lil Ġerusalemm: “Tibżax, O Sijon.+ Ħa ma jintelqux idejk.+ 17 Ġeħova Alla tiegħek qiegħed f’nofsok. Bħala Wieħed setgħan, hu se jagħtik salvazzjoni.+ Se jithenna minħabba fik b’ferħ kbir.+ Se jistrieħ għax ikun sodisfatt bl-imħabba li wriek. Se jifraħ minħabba fik b’għajat hieni.
18 “Se niġbor flimkien+ lil dawk milqutin min-niket+ għax ma kinux hemmhekk fl-istaġun tiegħek tal-festi; ma kinux miegħek, għax ġarrew it-tmaqdir tagħhom.+ 19 Ara, f’dak iż-żmien+ se naġixxi kontra dawk kollha li ġegħluk issofri; u se nsalva lil dik li qed izzappap+ u niġbor flimkien lil dawk li huma mxerrdin.+ U nara li jkollhom tifħir u isem tajjeb fl-art kollha fejn ġew imġegħlin jistħu. 20 F’dak iż-żmien se ndaħħalkom ġewwa, iva, fiż-żmien meta niġborkom flimkien. Għax se nġegħelkom tkunu msemmijin u mfaħħrin fost il-popli kollha taʼ l-art, meta niġbor lura lill-imjassrin tagħkom quddiem għajnejkom,” qal Ġeħova.+
Ifisser “Jah Ħeba [jew, Ħażen bħal Teżor].”
Letteralment, “qaddes.”
Jew, “podju”; jew, “għatba.” X’aktarx, il-pjattaforma tat-tron tas-sultan.
Milli jidher din kienet sezzjoni taʼ Ġerusalemm ħdejn Bieb il-Ħut u l-parti l-ġdida tal-belt.
Ara Ġen 3:22, in-nota taʼ taħt.