Ħabakkuk*
1 Id-dikjarazzjoni li l-profeta Ħabakkuk ra f’viżjoni: 2 O Ġeħova, kemm se jkolli ndum ngħajjat għall-għajnuna, u int ma tismax?+ Kemm se ndum insejjaħlek għall-għajnuna mill-vjolenza, u int ma ssalvax?+ 3 Għaliex tħallini nara dak li hu taʼ wġigħ, u int tibqaʼ sempliċement tħares lejn l-inkwiet? U t-tħarbit u l-vjolenza għala huma quddiemi? Għala hemm it-tilwim, u għala jqum il-ġlied?+
4 Għalhekk, il-liġi tmewtet, u l-ġustizzja ma toħroġ qatt.+ Għax il-ħażin qed idawwar lill-ġust minn kullimkien, u b’hekk il-ġustizzja toħroġ mgħawġa.+
5 “Araw fost il-ġnus, u ibqgħu ħarsu, u stagħġbu u ċċassaw lejn xulxin.+ Skantaw; għax fi żmienkom hemm wieħed li se jwettaq xi ħaġa, li għalkemm jgħiduhielkom ma temmnuhiex.+ 6 Għax, ara, jien inqajjem lill-Kaldin,+ il-ġens aħrax u vjolenti li sejjer lejn il-wesgħat taʼ l-art sabiex jieħu f’idejh postijiet mgħammrin li m’humiex tiegħu.+ 7 Hu tat-twerwir u jqanqal il-biżaʼ. Il-ġustizzja u d-dinjità tiegħu joħorġu minnu stess.+ 8 U ż-żwiemel tiegħu eħfef mil-leopardi u iktar feroċi mill-ilpup taʼ fil-għaxija.+ U ż-żwiemel tiegħu tal-ġiri jħabbtu saqajhom maʼ l-art, u ż-żwiemel tiegħu tal-ġiri jiġu mill-bogħod. Itiru bħall-ajkla li ttir bil-ħeffa lejn xi ħaġa biex tikolha.+ 9 Kollu kemm hu jiġi għall-vjolenza.+ Meta l-uċuħ tagħhom ikunu qed jinġemgħu flimkien, huma jkunu bħal riħ mil-lvant,+ u hu jiġbor lill-imjassrin bħar-ramel. 10 U jwaqqaʼ għaċ-ċajt lis-slaten; u l-uffiċjali għoljin huma xi ħaġa tad-daħq għalih.+ Jidħaq ukoll b’kull post fortifikat,+ u jtellaʼ munzell trab u jaħtaf il-post taħt idejh. 11 F’dak iż-żmien se jimxi ’l quddiem bħal riħ u jibqaʼ għaddej u jsir ħati.+ Din il-qawwa tiegħu jafha lill-alla tiegħu.”+
12 Mhux minn żmien twil ilu int, O Ġeħova?+ O Alla tiegħi, il-Qaddis tiegħi, int ma tmutx.+ O Ġeħova, int ħejjejtu għal ġudizzju; O Blata,+ int ħtartu għal ċanfira.+
13 Għajnejk puri wisq biex tara dak li hu ħażin; u ma tistax tħares lejn l-inkwiet.+ Għalfejn tħares lejn dawk li jaġixxu bi tradiment,+ u tibqaʼ sieket meta xi ħadd mill-agħar jiblaʼ lil min hu iktar ġust minnu?+ 14 U għala tagħmel lill-bnedmin bħall-ħut tal-baħar, bħall-ħlejjaq li jitkaxkru u li fuqhom ma jaħkem ħadd?+ 15 Lil dawn kollha hu jtellagħhom b’sunnara;+ ikaxkarhom bix-xibka kbira tiegħu, u jiġborhom fix-xibka tiegħu tal-ħut.+ Għalhekk jithenna u jifraħ.+ 16 Għalhekk joffri sagrifiċċji lix-xibka kbira tiegħu u joffri d-duħħan tas-sagrifiċċji lix-xibka tiegħu tal-ħut; għax bihom sehmu huwa mħawwar sew biż-żejt, u l-ikel tiegħu bnin.+ 17 Se jibqaʼ għalhekk ibattal ix-xibka kbira tiegħu? U għandu għalfejn joqtol lill-ġnus il-ħin kollu, mingħajr ma juri ebda mogħdrija?+
2 Fil-post taʼ l-għassa tiegħi jien se nibqaʼ wieqaf,+ u se nżomm posti fuq is-sur; u se noqgħod għassa,+ biex nara x’se jgħid permezz tiegħi+ u kif se nwieġeb meta jwiddibni.+
2 U Ġeħova wiġibni u qalli: “Ikteb il-viżjoni, u niżżilha b’mod ċar fuq it-twavel,+ sabiex min jaqraha b’leħen għoli ma jitfixkilx.+ 3 Għax il-viżjoni qed tistenna ż-żmien stabbilit tagħha,+ u tibqaʼ tilheġ lejn it-tmiem, u mhix se tigdeb. Saħansitra jekk iddum, int ibqaʼ stennieha; għax se sseħħ żgur.+ Mhix se tkun tard.
4 “Ara! Ruħu ntefħet;+ ma kinitx retta fih. Imma l-ġust permezz tal-fedeltà tiegħu jibqaʼ jgħix.+ 5 U, tabilħaqq, l-inbid jittradixxi+ lil raġel b’saħħtu u jġiegħlu jintefaħ bih innifsu;+ u hu ma jilħaqx il-mira tiegħu,+ għalkemm wessaʼ ruħu bħall-Qabar,* u hu bħall-mewt u ma jixbaʼ qatt.+ U jibqaʼ jiġbor lill-ġnus kollha u jiġmaʼ flimkien lill-popli kollha.+ 6 M’humiex dawn kollha se jgħidu qawl+ u rimarka indiretta kontrih, jinsinwaw affarijiet dwaru? U wieħed se jgħid,
“‘Gwaj għal min qed ikattar dak li m’huwiex tiegħu+ (kemm se jdum!)+ u jitgħabba b’dejn kbir! 7 Mhux f’daqqa waħda se jqumu dawk li jitolbu l-imgħax mingħandek, u jistenbħu dawk li qed jheżżuk bis-saħħa, u int issir għalihom xi ħaġa xi jħarbtu?+ 8 Talli int ħarbatt lil ħafna ġnus, dawk kollha li baqaʼ mill-popli se jħarbtu lilek,+ minħabba d-demm tal-bnedmin li xerridt u l-atti vjolenti li għamilt lill-art, il-belt u dawk kollha li jgħammru fiha.+
9 “‘Gwaj għal min qed jagħmel qligħ għal daru b’mezzi mill-agħar,+ sabiex iqiegħed il-bejta tiegħu fl-għoli u jeħles mill-ħatfa tal-ħsara!+ 10 Int ħsibt xi ħaġa taʼ mistħija għal darek, il-qerda taʼ bosta popli;+ u ruħek qed tidneb.+ 11 Għax sa ġebla minn ġol-ħajt se tgħajjat bid-dwejjaq, u mis-saqaf taʼ l-injam se jkun hemm travu li jwiġibha.+
12 “‘Gwaj għal min qed jibni belt bit-tixrid taʼ demm, u li waqqaf belt bl-inġustizzja!+ 13 Ara! Mhux minn Ġeħova taʼ l-armati ġej dan, li l-popli se jkomplu jitħabtu biss għan-nar u li l-ġnus se jegħjew għalxejn?+ 14 Għax l-art se tkun mimlija bl-għarfien tal-glorja taʼ Ġeħova bħalma l-ilmijiet jiksu l-baħar.+
15 “‘Gwaj għal min qed jagħti lil sħabu xi ħaġa x’jixorbu u jżid magħha d-dagħdigħa u r-rabja tiegħu,+ sabiex iġegħelhom jiskru, bl-iskop li jħares lejn il-partijiet tagħhom taʼ mistħija.+ 16 Int ċertament li se timtela bid-diżunur minflok bil-glorja.+ Ixrob int ukoll,+ u ħa titqies mhux ċirkonċiż.+ Il-kies taʼ l-id il-leminija taʼ Ġeħova se jasal għandek,+ u se jkun hemm għajb fuq il-glorja tiegħek; 17 għax il-vjolenza li saret fuq il-Libanu+ se tiġi fuqek, kif ukoll il-ħtif li bih ħtaft u werwirt lill-bhejjem, minħabba d-demm tal-bnedmin li xerridt u l-atti vjolenti li għamilt lill-art,+ il-belt u dawk kollha li jgħammru fiha.+ 18 Xi swiet xbieha skolpita,+ meta dak li sawwarha kien dak li naqaxha? Xi swiet statwa magħmula minn metall imdewweb, u l-għalliem tal-qerq,+ meta min sawwarha tant fada fiha+ li għamel allat bla siwi li ma jitkellmux?+
19 “‘Gwaj għal min qed jgħid lil biċċa injama: “Stenbaħ!” u lil ġebla muta: “Qum! Din se tgħallimna”!+ Ara! Din miksija bid-deheb u l-fidda,+ u m’hemmx nifs fiha.+ 20 Imma Ġeħova qiegħed fit-tempju qaddis tiegħu.+ Ibqaʼ siekta quddiemu, art kollha!’”+
3 It-talba tal-profeta Ħabakkuk f’għanja taʼ niket: 2 O Ġeħova, jien smajt ir-rapport dwarek.+ Qed nibżaʼ, O Ġeħova, mill-attività tiegħek.+
Fil-waqt tiegħek* agħtiha l-ħajja! Fil-waqt tiegħek agħmilha magħrufa. Fir-rabja tiegħek, ftakar biex turi l-ħniena.+
3 Alla ġie minn Teman, iva, il-Qaddis ġie mill-Muntanja Faran.+ Sela.*+
Id-dinjità tiegħu ksiet is-smewwiet;+ u l-art imtliet bit-tifħir tiegħu.+
4 U d-dija tiegħu kienet bħad-dawl tax-xemx.+ Kellu żewġ raġġi ħerġin minn idu, u hemmhekk kellu saħħtu moħbija.+
5 Qablu mxiet il-pesta,+ u eżatt warajh id-deni qawwi.+
6 Hu waqaf, sabiex jheżżeż l-art.+ Ra u qabbeż lill-ġnus bil-biżaʼ.+
U l-muntanji eterni tfarrku;+ l-għoljiet dejjiema* mielu.+ Dan hu kif mexa żmien twil ilu.
7 Jien rajt it-tined taʼ Kusan muġugħin. Id-drapp tat-tined taʼ l-art taʼ Midjan+ beda jinkwieta.+
8 Kontra x-xmajjar, O Ġeħova, kontra x-xmajjar xegħlet ir-rabja tiegħek?+ Jew kontra l-baħar il-qilla tiegħek,+ meta rkibt iż-żwiemel tiegħek?+ Il-karrijiet tiegħek kienu salvazzjoni.+
9 Il-qaws tiegħek jinkixef sa ma jkun għeri.+ It-tribujiet ħalfu ħalf.+ Sela. Bix-xmajjar int qsamt l-art.+
10 Il-muntanji rawk; qabadhom uġigħ kbir.+ Maltempata taʼ xita qawwija bir-ragħad għaddiet minn hemm. L-ilmijiet fondi semmgħu leħinhom.+ Għollew idejhom fl-għoli.
11 Ix-xemx u l-qamar waqfu,+ fil-post eżaltat fejn joqogħdu.+ Il-vleġeġ tiegħek baqgħu ħerġin bħad-dawl.+ Il-lanza tiegħek kienet tiddi bħal sajjetta.+
12 Int immarċjajt madwar l-art b’kundanna. Fir-rabja mort tidres il-ġnus.+
13 U ħriġt biex issalva lill-poplu tiegħek,+ biex issalva lill-midluk tiegħek. Int kissirt lill-kap tad-dar tal-ħażin.+ Din inkixfet mill-pedament sa fuqnett.+ Sela.
14 Bil-bsaten tiegħu stess int infidt+ ras il-gwerriera tiegħu meta huma ġew bis-saħħa kollha biex ixerrduni.+ Il-ferħ kbir tagħhom kien qisu taʼ dawk li bi ħsiebhom jibilgħu lill-magħkus xi mkien fil-moħbi.+
15 Int tgħaddi mill-baħar biż-żwiemel tiegħek, mill-massa taʼ ilmijiet vasti.+
16 Jien smajt, u ħassejt il-ġewwieni jitqanqal; mal-ħoss xofftejja triegħdu; għadmi beda jitħassar;+ u fis-sitwazzjoni tiegħi ħassejtni aġitat, u b’hekk se nistenna bil-kwiet il-jum taʼ niket,+ għax ġej għand in-nies,+ biex jattakkahom.
17 Għalkemm is-siġra tat-tin tistaʼ ma tarmix,+ u ma jkunx hemm frott fid-dwieli; il-prodott tas-siġra taż-żebbuġ jistaʼ ma joħroġx tajjeb, u r-rabaʼ mtarraġ ma jipproduċix ikel;+ in-nagħaġ għandhom mnejn jitneħħew mill-maqjel, u ma jkunx hemm baqar fil-postijiet fejn jinżammu magħluqin;+
18 Madankollu jien, min-naħa tiegħi, se nifraħ b’Ġeħova;+ jien se nithenna bl-Alla tas-salvazzjoni tiegħi.+
19 Ġeħova l-Mulej Sovran hu l-enerġija kbira tiegħi;+ u hu se jagħmilli saqajja bħal taċ-ċriev,+ u jmexxini fuq il-postijiet għoljin tiegħi.+
Lid-direttur fuq
l-istrumenti tiegħi tal-korda.
Ifisser “Tgħanniqa bil-Ħeġġa.”
Bl-Ebrajk, “Xeol.” Ara Appendiċi 4.
Letteralment, “f’nofs is-snin.”
“Waqfa mużikali.” Ara Sa 3:2, in-nota taʼ taħt.
Jew, “taʼ żmien indefinit.” Ara Ġen 3:22, in-nota taʼ taħt.