ĦAGGAJ
1 Fl-ewwel ġurnata tas-sitt xahar tat-tieni sena tat-tmexxija tar-Re Darju, Ġeħova tkellem permezz tiegħi, il-profeta Ħaggaj,* maʼ Żerubbabel il-gvernatur taʼ Ġuda li hu t-tifel taʼ Saltijel, u maʼ Ġożwè l-qassis il-kbir li hu t-tifel taʼ Ġeħosadak. Hu qalilhom:
2 “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Dawn in-nies jgħidu: “Għadu mhux iż-żmien biex jinbena* t-tempju* taʼ Ġeħova.”’”
3 U Ġeħova reġaʼ tkellem permezz tiegħi, il-profeta Ħaggaj, u qal: 4 “Taħsbu li hu ż-żmien li intom tgħixu fi djar sbieħ, waqt li dan it-tempju hu ħerba? 5 Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Aħsbu sew dwar dak li qed tagħmlu. 6 Intom żrajtu ħafna, imma taħsdu ftit. Tieklu, imma ma tixbgħux. Tixorbu, imma m’għandkomx biżżejjed inbid. Tilbsu, imma ma tisħnux. Il-ħaddiem jitfaʼ l-paga f’basket mimli toqob.’”
7 “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Aħsbu sew dwar dak li qed tagħmlu.’
8 “Ġeħova jgħid, ‘Itilgħu fuq il-muntanja, ġibu l-injam, u ibnuli t-tempju, ħalli jien nieħu pjaċir bih u nkun igglorifikat.’”
9 “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Intom kontu qed tistennew ħafna, imma ħsadtu ftit. U meta ħadtu dak li ħsadtu d-dar, jien tajjartu ’l hemm. Jien għamilt hekk, għax it-tempju tiegħi hu ħerba, imma intom moħħkom biex tieħdu ħsieb id-djar tagħkom. 10 Għalhekk, m’għamlitx nida mis-sema, u l-art ma tatx dak li ġie miżrugħ. 11 Jien bqajt inġib nixfa fuq l-art u l-muntanji, u b’hekk kien hemm nuqqas taʼ ċereali,* inbid, żejt, u ħaxix. Intom u l-imrieħel tagħkom qed tbatu, u x-xogħol iebes li qed tagħmlu hu għalxejn.’”
12 Żerubbabel it-tifel taʼ Saltijel, Ġożwè l-qassis il-kbir li hu t-tifel taʼ Ġeħosadak, u l-bqija tal-poplu, semgħu minn Ġeħova l-Alla tagħhom u dak li għedt jien, il-profeta Ħaggaj, għax kien Ġeħova l-Alla tagħhom li bagħatni. Il-poplu beda jibżaʼ minħabba l-messaġġ taʼ Ġeħova.
13 Imbagħad jien, il-messaġġier taʼ Ġeħova, tajt dan il-messaġġ lill-poplu fi qbil maʼ dak li ġejt inkarigat minn Ġeħova: “‘Jien magħkom, poplu tiegħi,’ jgħid Ġeħova.”
14 Għalhekk, Ġeħova inkuraġġixxa lil Żerubbabel il-gvernatur taʼ Ġuda li hu t-tifel taʼ Saltijel, lil Ġożwè l-qassis il-kbir li hu t-tifel taʼ Ġeħosadak, u lill-bqija tal-poplu. U huma ġew u bdew jaħdmu fuq it-tempju taʼ Ġeħova tal-armati, l-Alla tagħhom. 15 Dan ġara fl-24 tas-sitt xahar tat-tieni sena tat-tmexxija tar-Re Darju.
2 Fil-21 tas-sebaʼ xahar, Ġeħova kellem lili, il-profeta Ħaggaj, u qalli: 2 “Jekk jogħġbok, staqsi lil Żerubbabel il-gvernatur taʼ Ġuda li hu t-tifel taʼ Saltijel, lil Ġożwè l-qassis il-kbir li hu t-tifel taʼ Ġeħosadak, u l-bqija tal-poplu: 3 ‘Min għad fadal minnkom li ra kemm kien impressjonanti dan it-tempju?* Issa kif qed tarawh? Ma taħsbux li m’għandux x’jaqsam maʼ kif kien qabel?’
4 “Ġeħova jgħid, ‘Imma kunu kuraġġużi, Żerubbabel u Ġożwè l-qassis il-kbir, it-tifel taʼ Ġeħosadak.’
“Ġeħova jgħid, ‘Kun kuraġġuż, poplu kollu tal-pajjiż, u aħdem,’
“‘Għax jien magħkom.’ Ġeħova tal-armati jgħid, 5 ‘Ftakru f’dak li wegħedtkom meta ħriġtu mill-Eġittu, u kunu ċerti li l-ispirtu tiegħi se jibqaʼ magħkom.* Tibżgħux.’”
6 “Għax Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Fi ftit żmien ieħor, jien se nheżżeż is-sema, l-art, u l-baħar għal darb’oħra.’
7 “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Jien se nheżżeż lill-popli kollha, u l-affarijiet prezzjużi* tagħhom se jiġu fit-tempju. U jien se nagħmel it-tempju impressjonanti ħafna.’
8 “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Il-fidda u d-deheb huma tiegħi.’
9 “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Fil-futur, dan it-tempju se jkun iktar impressjonanti minn dak taʼ qablu.’
“Ġeħova tal-armati jgħid, ‘U jien se nara li jkun hemm il-paċi fih.’”
10 Fl-24 tad-disaʼ xahar tat-tieni sena tat-tmexxija taʼ Darju, Ġeħova kellem lili, il-profeta Ħaggaj, u qalli: 11 “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Jekk jogħġbok, staqsihom dan lill-qassisin dwar il-liġi: 12 “Jekk raġel iġorr fil-ħwejjeġ tiegħu laħam li ġie ssagrifikat* u l-ħwejjeġ tiegħu jmissu mal-ħobż, l-istuffat, l-inbid, iż-żejt, jew xi tip taʼ ikel ieħor, taħsbu li dawn se jsiru qaddisin?”’”
Il-qassisin wieġbu: “Le!”
13 Imbagħad jien staqsejthom: “Jekk xi ħadd ma jkunx nadif għax ikun mess maʼ ġisem mejjet* u jmiss xi ħaġa minn dawn, taħsbu li din se ssir mhux nadifa?”
Il-qassisin wieġbu: “Iva, se ssir mhux nadifa.”
14 Għalhekk, jien għedtilhom: “Ġeħova jgħid, ‘Hekk hu dan il-poplu, u hekk inqisu lil dan il-ġens. Hekk hu dak kollu li jagħmlu. Kulma jippreżentaw inqisu mhux nadif.’
15 “‘Imma mil-lum ’il quddiem, jekk jogħġobkom, aħsbu sew x’ġara qabel ma tpoġġa l-ġebel tat-tempju taʼ Ġeħova. 16 Meta xi ħadd kien jiġi ħdejn il-munzell taċ-ċereali* u jistenna li jieħu 20 xkora, kien ikun hemm għaxra biss. U meta xi ħadd kien jiġi fejn jagħsru l-għeneb biex jimla 50 ġarra, kien ikun hemm 20 biss. 17 Jien ikkastigajtkom billi bgħatt riħ jaħraq, moffa, u silġ, imma ħadd minnkom ma dar lura lejja,’ jgħid Ġeħova.
18 “‘Illum, l-24 tad-disaʼ xahar, tqiegħed il-pedament tat-tempju taʼ Ġeħova. Mil-lum ’il quddiem, jekk jogħġobkom, aħsbu sew dwar dan: 19 M’hemmx żrieragħ fil-maħżen. Id-dielja, it-tina, ir-rummiena, u s-siġra taż-żebbuġ għadhom m’għamlux frott. Imma mil-lum, jien se nberikkom.’”
20 Ġeħova reġaʼ kellimni fl-24 tad-disaʼ xahar u qalli: 21 “Lil Żerubbabel il-gvernatur taʼ Ġuda għidlu, ‘Jien se nheżżeż is-sema u l-art. 22 Jien se negħleb it-tronijiet tar-rejiet u nġib fix-xejn is-saħħa tas-saltniet tal-popli. Jien se naqleb il-karrijiet u r-rikkieba tagħhom, u ż-żwiemel u r-rikkieba tagħhom se jaqgħu. Huma se joqtlu lil xulxin bix-xabla.’”
23 “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Dakinhar, jien se nagħmel lilek, il-qaddej tiegħi Żerubbabel it-tifel taʼ Saltijel, bħal ċurkett tas-siġill. Għax int il-wieħed li jien għażilt,’ jgħid Ġeħova. Dan qalu Ġeħova tal-armati.”
Ifisser “Twieled fʼFesta.”
Jew “biex jerġaʼ jinbena.”
Letteralment “id-dar.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “id-dar.”
Jew forsi “u meta l-ispirtu tiegħi kien magħkom.”
Jew “mixtiqin.”
Jew “laħam qaddis.”
Jew “minħabba ruħ mejta.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.