Aspirina Kuljum—Għandi Niħodha jew Le?
Din ix-xena li ġejja hija waħda li tiġri veru, kif deskritta minn tabib. Tirrifletti problema li b’dispjaċir tqum taʼ spiss.
IL-FAMILJA kollha kienet imħassba. Issa anki t-tabib beda jinkwieta. “Jekk se jibqaʼ jitlef id-demm,” qal it-tabib, “għandu mnejn li jkollna nagħtuh trasfużjoni tad-demm.”
Dan ir-raġel kien ilu għal bosta ġimgħat jitlef id-demm mill-istonku tiegħu, u l-problema kienet ġiet identifikata bħala infjammazzjoni taʼ l-istonku, jew gastrite. “Int ċert li m’intix qed tieħu xi mediċini?” staqsieh mifxul it-tabib.
“Le. Kulma qed nieħu hija din il-mediċina naturali li xtrajt mingħand l-ispiżjar minħabba l-artrite,” qallu r-raġel.
F’daqqa waħda t-tabib fetaħ widnejh sew. “Ħa narahom.” X’ħin fela l-lista taʼ l-ingredjenti, sab dak li kien qed ifittex. Aċidu aċitilsaliċiliku! Il-problema kienet solvuta. Meta l-pazjent ma baqax jieħu din il-mediċina li kien fiha l-aspirina u ngħata pilloli tal-ħadid u xi ħaġa biex ifejjaq l-istonku, hu ma baqax jitlef iktar demm u bil-mod il-mod il-livell tad-demm reġaʼ ġie għan-normal.
Mediċina li Tikkaġuna Telf taʼ Demm
Illum il-ġurnata, it-telf taʼ demm mill-istonku u l-imsaren kaġunat mill-mediċina sar problema serja fil-qasam mediku. Għalkemm hemm ħafna mediċini li jistgħu jikkaġunaw dan it-telf taʼ demm, il-biċċa l-kbira taʼ dawn il-problemi jqumu minħabba mediċini li jintużaw għall-artrite jew għall-uġigħ. Dawn jinkludu klassi taʼ mediċini li ma jkunx fihom sterojdi u li jintużaw għal kontra l-infjammazzjoni (bl-Ingliż, nonsteroidal anti-inflammatory drugs, jew NSAIDS). L-ismijiet jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor.
L-aspirina tinsab f’ħafna mediċini li jistgħu jinxtraw mingħand l-ispiżjar mingħajr ir-riċetta tat-tabib, u f’dawn l-aħħar snin żdiedet l-użanza f’ħafna pajjiżi li n-nies jieħdu l-aspirina kuljum. Għala?
Interess Kbir fl-Aspirina
Fl-1995 il-Harvard Health Letter irrapportat li “l-użu regulari taʼ l-aspirina jsalva l-ħajjiet.” Minn diversi studji li saru madwar id-dinja u li ġew ripetuti ħafna drabi minn dakinhar ’l hawn, ir-riċerkaturi waslu għal din il-konklużjoni: “Kważi kulmin kellu attakk tal-qalb jew puplesija, isofri bl-anġina, jew għamel xi by-pass tal-qalb għandu jieħu nofs aspirina sa waħda sħiħa kuljum sakemm m’huwiex allerġiku għal din il-mediċina.”a
Riċerkaturi oħra jsostnu li rġiel li għandhom iktar minn 50 sena u li għandhom ir-riskju t’attakk tal-qalb jagħmlu tajjeb jekk jieħdu l-aspirina kuljum u dan jgħodd ukoll għal nisa li jinsabu f’riskju. Barra minn hekk, hemm studji li jindikaw li aspirina kuljum tistaʼ tnaqqas ir-riskju taʼ kanċer fil-kolon u li dożi kbar matul perijodu twil jistgħu jgħinu biex jitbaxxa l-livell taz-zokkor fid-demm fil-każ taʼ nies dijabetiċi.
L-aspirina kif taħdem biex tipprovdi dawn il-benefiċċji li jgħidu li għandha? Għalkemm ma nafux kollox, l-evidenza tindika li l-aspirina taġixxi ħalli l-platelets fid-demm ma jkunux iwaħħlu daqstant, u b’hekk ma jkunux jistgħu jiġu fformati ċapep taʼ demm. Skond kif inhu maħsub, dan jgħin biex arterji żgħar li jagħtu għall-qalb u l-moħħ ma jinstaddux, u b’hekk tiġi evitata l-ħsara lil organi vitali.
La l-aspirina hija maħsuba li għandha dawn il-benefiċċji kollha, għala ma jiħodhiex kulħadd? Biex nibdew, hemm ħafna affarijiet li għadhom ma jafuhomx. Anki fuq id-doża li wieħed għandu jieħu m’humiex ċerti. Hemm min jgħid li tajjeb li tieħu aspirina normali darbtejn kuljum, u hemm min jgħid li għandek tieħu waħda żgħira, minn dawk li kienu jingħataw lit-tfal, darba iva u darba le. Għandha d-doża li tingħata lin-nisa tkun differenti minn dik taʼ l-irġiel? It-tobba m’humiex ċerti. L-użu taʼ l-aspirina li ma ddubx fl-istonku imma fl-imsaren (enteric-coated aspirin) tistaʼ tkun meqjusa t’għajnuna. Mill-banda l-oħra, għad m’hemmx qbil dwar il-vantaġġi li fiha l-aspirina li tkun magħmula b’ingredjent li jnaqqas l-aċidu fl-istonku (buffered aspirin).
Raġunijiet għall-Prekawzjoni
Għalkemm teknikament l-aspirina hija sustanza naturali, peress li l-Indjani Amerikani kienu jiksbu l-ingredjenti taʼ l-aspirina mill-qoxra taz-zokk tas-siġra taż-żafżâf, din għandha ħafna effetti. Minbarra l-fatt li tikkaġuna telf taʼ demm f’xi nies, jeżistu ħafna iktar komplikazzjonijiet li jistgħu jqumu minħabba l-aspirina, inkluż reazzjonijiet allerġiċi f’nies li ma taqbilx magħhom l-aspirina. M’għandniex xi ngħidu, l-użu taʼ l-aspirina kuljum ma jgħoddx għal kulħadd.
Madankollu, individwu li għandu r-riskju t’attakk tal-qalb jew puplesija jew li għandu kundizzjonijiet li jistgħu jkunu taʼ riskju b’mod sinjifikanti, forsi jkun jixtieq jistaqsi lit-tabib tiegħu dwar ir-riskji u l-benefiċċji assoċjati maʼ l-użu taʼ l-aspirina kuljum. M’hemmx dubju li l-pazjent irid ikun ċert li hu m’għandux problemi taʼ telf taʼ demm, li m’huwiex allerġiku għall-aspirina, u li m’għandux problemi fl-istonku jew fl-imsaren. Qabel ma jibda t-terapija, dak li jkun għandu jirrevedi mat-tabib liema problemi oħra jistgħu jqumu jew x’effetti oħra jistgħu jikkaġunaw il-mediċini.
Kif intqal qabel, mediċini li jkun fihom l-aspirina jew xi ħaġa li tixbahha jġorru r-riskju sinjifikanti taʼ telf taʼ demm. U dan it-telf taʼ demm jistaʼ tant ikun żgħir li ma tindunax bih mill-ewwel, u maż-żmien jibda jiżdied bil-mod il-mod. Hemm mediċini oħra li trid taħsibha darbtejn qabel tiħodhom, partikolarment mediċini oħra għal kontra l-infjammazzjoni. Kun ċert li tinforma lit-tabib tiegħek jekk qed tieħu xi ħaġa minnhom. F’ħafna każijiet ikun għaqli jekk tieqaf tieħu l-mediċina qabel xi operazzjoni. Forsi jistaʼ jkun ukoll t’għajnuna jekk tiċċekkja regolarment il-livell tad-demm permezz tat-testijiet.
Jekk irridu nipproteġu lilna nfusna minn problemi li jistgħu jqumu, se nagħtu kas tal-proverbju Bibliku: “Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.” (Proverbji 22:3) F’din il-kwistjoni medika, jalla nkunu fost dawk għaqlin ħalli ma nagħmlux ħsara lil saħħitna u mbagħad ikollna nħallsu għaliha.
[Nota taʼ taħt]
a Stenbaħ! ma jirrakkomanda l-ebda tip partikulari taʼ kura medika.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 21]
Min Jistaʼ Jikkunsidra li Jieħu l-Aspirina Kuljum
● Nies li jbatu b’mard tal-qalb jew li jkunu djaqulhom l-arterji tal-karotide (il-vini prinċipali fl-għonq).
● Nies li kellhom puplesija minħabba trombosi (dik li tiġi kaġunata meta jifformaw ċapep taʼ demm) jew attakk qasir fejn id-demm ma jkunx jistaʼ jitlaʼ għall-moħħ (transient ischemic attack, attakk qasir li jixbah lill-puplesija).
● Irġiel ’il fuq minn 50 sena li għandhom wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi li jżidu r-riskju taʼ mard tal-qalb: tipjip, pressjoni għolja ħafna, dijabete, livell għoli tal-kolesterol totali, kolesterol HDL baxx, ħxuna esaġerata, konsum kbir t’alkoħol, nies fil-familja li minn età żgħira kienu jbatu bi problemi tal-qalb (attakk tal-qalb qabel il-55 sena) jew puplesija, u stil taʼ ħajja dejjem bil-qegħda.
● Nisa ’l fuq minn 50 sena li għandhom wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi taʼ riskju.
Għandek mnejn tkun tixtieq tikkonsulta lit-tabib tiegħek qabel ma tieħu xi deċiżjonijiet f’dan ir-rigward.
[Sors]
Sors: Consumer Reports on Health